L-Aħbar Tajba Skont Luqa 3:1-38

  • Ġwanni jibda l-inkarigu tiegħu (1, 2)

  • Ġwanni jipprietka dwar il-magħmudija (3-20)

  • Il-magħmudija taʼ Ġesù (21, 22)

  • Il-ġenealoġija taʼ Ġesù Kristu (23-38)

3  Fil-15-il sena tat-tmexxija taʼ Tiberju Ċesari, Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi* kien mexxej tad-distrett* tal-Galilija, ħuh Filippu kien mexxej tad-distrett tal-art tal-Iturija u t-Trakonija, Lisanja kien mexxej tad-distrett tal-Abilene,  u Anna u Kajfa kienu qassisin importanti. F’dan iż-żmien, Alla ta messaġġ lil Ġwanni t-tifel taʼ Żakkarija meta kien fid-deżert.  Għalhekk, hu mar mal-pajjiż kollu madwar il-Ġordan jgħallem lin-nies biex jitgħammdu ħalli juru li qed jiddispjaċihom u jinħafrulhom id-dnubiet,  bħalma hemm miktub fil-ktieb tal-profeta Isaija: “Instemaʼ leħen fid-deżert: ‘Ippreparaw it-triq taʼ Ġeħova!* Irranġaw it-triq li se jgħaddi minnha.  Imlew il-widien kollha, u baxxu l-muntanji u l-għoljiet kollha. Iddrittaw it-toroq imserrpin u llixxjaw it-toroq imħarbtin.  B’hekk in-nies kollha jaraw kif Alla se jġib salvazzjoni.’”  Għalhekk, lill-folol li kienu sejrin għandu biex jitgħammdu qalilhom: “Intom bħas-sriep velenużi, tagħmlu affarijiet ħżiena. Min wissiekom biex taħarbu mir-rabja li ġejja?  Mela uru li ddispjaċiekom.* Taħsbux li għandkom skuża għax Abraham hu missierkom. Għax Alla kapaċi jagħti t-tfal lil Abraham minn dan il-ġebel.  Fil-fatt, il-mannara diġà qiegħda mal-għeruq tas-siġar. Għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tintefaʼ fin-nar.” 10  U l-folol bdew jistaqsuh: “Allura x’għandna nagħmlu?” 11  Hu wiġibhom: “Jekk xi ħadd għandu żewġ tibdiliet,* ħa jagħti waħda lil dak li m’għandux. U jekk xi ħadd għandu x’jiekol, ħa jagħti xi ħaġa lil min m’għandux.” 12  Anki dawk li jiġbru t-taxxi marru biex jitgħammdu u staqsewh: “X’għandna nagħmlu għalliem?” 13  Hu wiġibhom: “Titolbux* iktar taxxa mill-ammont li titlob il-liġi.” 14  U dawk li kienu fis-servizz militari bdew jistaqsuh: “Aħna x’għandna nagħmlu?” Hu wiġibhom: “Taħqru lil ħadd* u takkużaw lil ħadd b’mod falz, imma kunu kuntenti b’dak li taqilgħu.”* 15  Peress li n-nies kienu qed jistennew lil Kristu, huma bdew jaħsbu: “Tgħid Ġwanni l-Kristu?” 16  Ġwanni qalilhom: “Jien ngħammidkom bl-ilma, imma dak li ġej hu aqwa minni. Jien lanqas biss jistħoqqli nħollu s-sandli. Hu se jgħammidkom bl-ispirtu qaddis u bin-nar. 17  F’idu għandu għodda biex ineħħi l-qoxra minn mal-qamħ. Imbagħad hu se jnaddaf il-post fejn jagħmel dan u l-qamħ jiġbru fil-maħżen, imma l-qoxra jaħraqha b’nar li ma jintefiex.” 18  Hu inkuraġġixxa lin-nies b’ħafna affarijiet oħra u kompla jxandrilhom l-aħbar tajba. 19  Imma peress li Ġwanni kien wissa lil Erodi, il-mexxej tad-distrett, dwar l-affarijiet ħżiena kollha li kien għamel u dwar Erodja, il-mara taʼ ħuh, 20  Erodi tefaʼ lil Ġwanni l-ħabs. B’hekk, hu kompla jżid mal-affarijiet ħżiena kollha li għamel. 21  Ġwanni għammed ħafna nies, anki lil Ġesù. Hekk kif Ġesù kien qed jitlob, infetħet is-sema 22  u niżel fuqu l-ispirtu qaddis forma taʼ ħamiema. U leħen mis-sema qal: “Int Ibni l-maħbub. Jien ferħan ħafna bik.”* 23  Ġesù kellu madwar 30 sena meta beda jgħallem. Hu kien magħruf bħala t-tifel taʼ Ġużeppi,it-tifel t’Għeli, 24  it-tifel taʼ Mattat,it-tifel taʼ Levi,it-tifel taʼ Melki,it-tifel taʼ Ġannaj,it-tifel taʼ Ġużeppi, 25  it-tifel taʼ Mattatija,it-tifel t’Għamos,it-tifel taʼ Naħum,it-tifel t’Għesli,it-tifel taʼ Naggaj, 26  it-tifel taʼ Magħat,it-tifel taʼ Mattatija,it-tifel taʼ Semgħi,it-tifel taʼ Ġożè,it-tifel taʼ Ġoda, 27  it-tifel taʼ Joħanan,it-tifel taʼ Resa,it-tifel taʼ Żerubbabel,it-tifel taʼ Saltijel,it-tifel taʼ Neri, 28  it-tifel taʼ Melki,it-tifel t’Addi,it-tifel taʼ Kosam,it-tifel taʼ Elmadam,it-tifel t’Għer, 29  it-tifel taʼ Ġesù,it-tifel t’Eligħeżer,it-tifel taʼ Ġorim,it-tifel taʼ Mattat,it-tifel taʼ Levi, 30  it-tifel taʼ Simgħon,it-tifel taʼ Ġuda,it-tifel taʼ Ġużeppi,it-tifel taʼ Ġonam,it-tifel t’Eljakim, 31  it-tifel taʼ Melija,it-tifel taʼ Menna,it-tifel taʼ Mattata,it-tifel taʼ Natan,it-tifel taʼ David, 32  it-tifel taʼ Ġesse,it-tifel t’Għobed,it-tifel taʼ Bogħaż,it-tifel taʼ Salmon,it-tifel taʼ Naħson, 33  it-tifel t’Għamminadab,it-tifel t’Arni,it-tifel taʼ Ħesron,it-tifel taʼ Pereż,it-tifel taʼ Ġuda, 34  it-tifel taʼ Ġakobb,it-tifel taʼ Iżakk,it-tifel t’Abraham,it-tifel taʼ Teraħ,it-tifel taʼ Naħor, 35  it-tifel taʼ Serug,it-tifel taʼ Regħu,it-tifel taʼ Peleg,it-tifel t’Għeber,it-tifel taʼ Selaħ, 36  it-tifel taʼ Kajnan,it-tifel t’Arfaksad,it-tifel taʼ Sem,it-tifel taʼ Noè,it-tifel taʼ Lamek, 37  it-tifel taʼ Metuselaħ,it-tifel t’Enok,it-tifel taʼ Ġared,it-tifel taʼ Maħalalgħel,it-tifel taʼ Kajnan, 38  it-tifel t’Enos,it-tifel taʼ Set,it-tifel t’Adam,it-tifel t’Alla.

Noti taʼ taħt

Jiġifieri Erodi Antipa. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “it-tetrarka.”
Letteralment “indimtu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “tibdila żejda.”
Jew “Tiġbrux.”
Jew “Tieħdu xejn bil-forza mingħand xi ħadd.”
Jew “bil-paga tagħkom.”
Jew “Jien approvajtek.”