L-Aħbar Tajba Skont Luqa 8:1-56

  • In-nisa li vvjaġġaw maʼ Ġesù (1-3)

  • Eżempju taʼ wieħed li ħareġ jiżraʼ (4-8)

  • Ir-raġuni għala Ġesù uża l-eżempji (9, 10)

  • Jiġi spjegat l-eżempju taʼ dak li ħareġ jiżraʼ (11-15)

  • Il-lampa m’għandhiex tiġi mgħottija (16-18)

  • Omm u ħut Ġesù (19-21)

  • Ġesù jikkalma maltempata (22-25)

  • Ġesù jibgħat lid-demonji fil-ħnieżer (26-39)

  • It-tifla taʼ Ġajru; mara tmiss it-tarf tal-libsa taʼ Ġesù (40-56)

8  Ftit wara, beda jivvjaġġa minn belt għal belt u minn raħal għal raħal, jipprietka u jxandar l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.* Miegħu kien hemm it-Tnax  u xi nisa li kien neħħielhom id-demonji u fejqilhom il-mard. Dawn kienu Marija li kienu jgħidulha l-Maddalena u li minnha ħarġu sebaʼ demonji,  Ġwanna l-mara taʼ Ħuża, li kien jieħu ħsieb id-dar t’Erodi, u Susanna. Kien hemm ukoll ħafna nisa oħra. Dawn in-nisa kollha kienu jużaw dak li kellhom biex jgħinu lil Ġesù u l-appostli.  Meta nġabret folla kbira flimkien maʼ dawk li kienu jmorru warajh minn belt għall-oħra, hu ġabilhom dan l-eżempju:  “Wieħed raġel ħareġ jiżraʼ. Waqt li kien qed jiżraʼ, xi żrieragħ waqgħu fil-ġenb tat-triq, intrifsu, u kiluhom l-għasafar.  Ftit minnhom ġew fuq il-blat, u wara li nibtu, nixfu għax ma kellhomx ilma.  Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk li kiber għattiehom u ma ħallihomx jikbru.  Imma oħrajn waqgħu f’ħamrija tajba, u wara li nibtu, taw il-frott sa 100 darba iktar.” Wara li ġab dan l-eżempju, qal b’leħen għoli: “Kull min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ.”  Imma d-dixxipli staqsewh x’kien ifisser l-eżempju. 10  Hu qal: “Intom ingħatajtu l-privileġġ li tifhmu s-sigrieti* tas-Saltna t’Alla,* imma għall-oħrajn dan hu biss eżempju. Għalhekk, għalkemm iħarsu, ma jarawx, u għalkemm jisimgħu, ma jifhmux. 11  Iż-żrieragħ tal-eżempju huma l-kelma t’Alla. 12  Dawk li huma mqabblin mal-ġenb tat-triq huma dawk li semgħu l-kelma t’Alla u mbagħad ġie x-Xitan u ħadhielhom minn qalbhom ħalli ma jemmnux u ma jsalvawx. 13  Dawk li huma mqabblin mal-blat huma dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jaċċettawha bil-ferħ, imma din ma trabbix l-għeruq. Huma jemmnu għal xi żmien, imma meta jgħaddu mill-provi ma jibqgħux jemmnu. 14  Dawk li huma mqabblin mal-post mimli xewk huma dawk li semgħu l-kelma t’Alla, imma ġew effettwati mill-ansjetajiet, mill-affarijiet materjali, u mill-pjaċiri tal-ħajja. B’hekk ma jħallux il-kelma t’Alla tikber u ma jagħtux frott. 15  Imma dawk li huma mqabblin maʼ ħamrija tajba, wara li jisimgħu l-kelma t’Alla b’qalb sinċiera, iżommuha f’qalbhom u jagħtu l-frott waqt li jissaportu l-problemi. 16  “Ħadd ma jixgħel lampa u jgħattiha b’xi qoffa jew ipoġġiha taħt sodda, imma jpoġġiha fuq gandlier ħalli dawk li jidħlu jaraw id-dawl. 17  Għax m’hemm xejn moħbi li mhux se jinkixef u m’hemm xejn moħbi li mhux se jsiru jafu bih in-nies. 18  Għalhekk isimgħu sew, għax min għandu, se jirċievi iktar, imma min m’għandux, anki dak li jimmaġina li għandu se jittiħidlu.” 19  Issa ommu u ħutu marru fejn kien hu, imma ma setgħux jersqu viċin minħabba l-folla. 20  Għalhekk xi ħadd qallu: “Ommok u ħutek qegħdin barra għax iridu jkellmuk.” 21  Hu wiġibhom: “Ommi u ħuti huma dawn li qed jisimgħu l-kelma t’Alla u jobduha.” 22  Darba minnhom hu u d-dixxipli tiegħu telgħu fuq dgħajsa u qalilhom biex jaqsmu għan-naħa l-oħra tal-għadira. U għalhekk telqu. 23  Imma huma u sejrin, hu raqad. Imbagħad qam riefnu qawwi, u beda jidħlilhom ħafna ilma fid-dgħajsa u huma kienu fil-periklu. 24  Għalhekk marru jqajmuh u qalulu: “Għalliem, Għalliem, se negħrqu!” Għal dan hu qam, ikkmanda lir-riħ u l-mewġ qawwi biex jieqfu, u waqgħet kalma kbira. 25  Imbagħad qalilhom: “Għala m’intomx tafdaw f’Alla?” Imma huma bdew jibżgħu u kienu mbellhin, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, biex anki r-riħ u l-baħar jobduh?” 26  Huma waslu fix-xatt tar-reġjun tal-Gerasin, li qiegħed faċċata tal-Galilija. 27  Hekk kif Ġesù niżel minn fuq id-dgħajsa, mar jiltaqaʼ miegħu raġel mill-belt li kellu demonju fih. Dan kien ilu ħafna ma jilbes ħwejjeġ u ma kienx joqgħod ġo dar, imma qalb l-oqbra.* 28  Kif ra lil Ġesù, hu beda jgħajjat, intefaʼ mal-art quddiemu, u b’leħen għoli qal: “X’għandi x’naqsam miegħek, Ġesù, Bin l-Alla l-Iktar Għoli? Nitolbok bil-ħniena biex ma tikkastiganix.” 29  (Qallu hekk għax Ġesù kien qed jikkmanda lill-ispirtu ħażin* biex joħroġ mir-raġel. Dan kien jikkontrollah ħafna drabi.* Għal darba wara l-oħra, kienu jorbtulu jdejh u saqajh bil-ktajjen u joqogħdu għassa miegħu, imma hu kien iqaċċathom u jittieħed mid-demonju f’postijiet imwarrbin.) 30  Ġesù staqsieh: “X’jismek?” Wieġbu: “Armata,”* għax kien hemm ħafna demonji fih. 31  U huma baqgħu jitolbuh bil-ħniena biex ma jikkmandahomx imorru fl-abbiss. 32  Issa kien hemm merħla kbira taʼ ħnieżer li kienu qed jieklu fuq il-muntanja. Għalhekk, talbuh bil-ħniena biex iħallihom jidħlu fil-ħnieżer, u hu ħalliehom. 33  Għalhekk id-demonji ħarġu mir-raġel u marru fil-merħla tal-ħnieżer. Dawn ġrew lejn l-irdum, qabżu fl-għadira, u għerqu. 34  Imma meta dawk li kienu qed jieħdu ħsiebhom raw dan, ħarbu u marru jgħidu lin-nies tal-belt u tal-kampanja. 35  Imbagħad in-nies ħarġu u marru jaraw x’ġara. Huma marru ħdejn Ġesù u sabu r-raġel li kienu ħarġu d-demonji minnu liebes u f’sensih, bilqiegħda ħdejn saqajn Ġesù. Għalhekk tgħidx kemm beżgħu. 36  Dawk li kienu raw x’ġara, irrakkontawlhom kif ir-raġel li kellu d-demonji fih ġie mfejjaq. 37  Imbagħad ħafna minnhom li kienu mir-reġjun taʼ madwar il-Gerasin qalu lil Ġesù biex jitlaq minn hemm, għax kienu qed jibżgħu ħafna. U hu telaʼ fuq id-dgħajsa biex jitlaq. 38  Imma r-raġel li qabel kellu d-demonji baqaʼ jitolbu bil-ħniena biex imur miegħu, imma ma ħalliehx u qallu: 39  “Mur lura d-dar u ibqaʼ għid dak li għamel Alla għalik.” Għalhekk, hu telaq u mar jipprietka mal-belt kollha x’kien għamel għalih Ġesù. 40  Meta Ġesù mar lura l-Galilija, il-folla laqgħetu mill-qalb, għax kienet qed tistennieh. 41  Hemmhekk mar jiltaqaʼ miegħu mexxej tas-sinagoga jismu Ġajru. Hu miel fejn saqajn Ġesù u beda jitolbu bil-ħniena biex imur għandu, 42  għax l-unika tifla li kellu, li kellha kważi 12-il sena, kienet qed tmut. Hekk kif Ġesù kien sejjer, il-folol bdew irossu fuqu. 43  Kien hemm mara li kienet ilha tbati bit-tnixxija tad-demm għal 12-il sena u ma sabet lil ħadd li setaʼ jfejjaqha. 44  Hi marret minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa, u t-tnixxija tad-demm waqfet mill-ewwel. 45  Għalhekk Ġesù staqsa: “Min messni?” Peress li ħadd m’ammetta, Pietru qal: “Għalliem, hawn ħafna nies irossu u jagħfsu fuqek.” 46  Imma Ġesù qal: “Xi ħadd messni, għax ħassejt il-qawwa ħierġa minni.” 47  Meta rat li kien induna biha, il-mara marret ħdejh tirtogħod, niżlet għarkupptejha quddiemu, u qalet quddiem in-nies kollha għala kienet messitu u kif fieqet mill-ewwel. 48  Imma hu qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi.” 49  Waqt li kien għadu qed jitkellem, wasal messaġġier mid-dar taʼ Ġajru u qal: “It-tifla tiegħek mietet. Tibqax iddejqu iktar lill-għalliem.” 50  Malli semaʼ dan, Ġesù qallu: “Tibżax, imma uri l-fidi u hi ssalva.” 51  Meta wasal ħdejn id-dar, hu ma ħalla lil ħadd jidħol miegħu ħlief lil Pietru, Ġwanni, Ġakbu, u l-ġenituri tat-tifla. 52  In-nies kollha kienu qed jibku u juru li huma mdejqin* minħabba fiha. Għalhekk qalilhom: “Tibqgħux tibku, għax hi mhix mejta imma rieqda.” 53  Għal dan, huma bdew jidħqu bih, għax kienu jafu li mietet. 54  Imma hu qabadha minn idha u qalilha b’leħen għoli: “Tifla qum!” 55  Hi ħadet il-ħajja* u qamet mill-ewwel, u Ġesù qalilhom biex jagħtuha xi ħaġa x’tiekol. 56  Il-ġenituri tagħha lanqas kienu jafu x’se jaqbdu jagħmlu tant kemm kienu ferħanin, imma hu qalilhom biex ma jgħidu lil ħadd x’ġara.

Noti taʼ taħt

Jew “tal-Gvern (tat-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “is-sigrieti qaddisa.”
Jew “tal-Gvern (tat-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “l-oqbra tat-tifkira.”
Letteralment “mhux nadif.”
Jew forsi “Dan ħakmu għal żmien twil.”
Letteralment “Leġjun.” Fl-armata Rumana kien hemm madwar 4,000 sa 6,000 suldat f’leġjun wieħed.
Letteralment “u jħabbtu fuq sidirhom bin-niket.”
Letteralment “L-ispirtu tagħha ġie lura.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.