L-Aħbar Tajba Skont Marku 15:1-47
15 Malli sebaħ, il-qassisin importanti, l-anzjani,* u l-iskribi, jiġifieri s-Sinedriju kollu, ftiehmu flimkien u rabtu lil Ġesù u ħaduh għand Pilatu.
2 Għalhekk Pilatu staqsieh: “Int ir-Re tal-Lhud?” Hu wieġbu: “Int stess qed tgħid dan.”
3 Imma l-qassisin importanti kienu qed jakkużawh b’ħafna affarijiet.
4 Pilatu reġaʼ beda jistaqsih u qallu: “Mhux se twieġeb? Ara kemm qed iġibu akkużi kontrik!”
5 Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, tant li Pilatu baqaʼ mbellah.
6 Issa f’kull festa tal-Qbiż, hu kellu d-drawwa li jeħilsilhom ħabsi li kienu jagħżlu.
7 F’dak iż-żmien, fil-ħabs kien hemm raġel jismu Barabba. Hu kien maʼ dawk li qatlu n-nies meta rribellaw kontra l-gvern.
8 Għalhekk, il-folla bdiet titlob lil Pilatu biex jagħmel bħalma kienet id-drawwa.
9 Hu wiġibhom: “Tixtiquni neħles lir-Re tal-Lhud?”
10 Għax Pilatu kien konxju li tawh lil Ġesù f’idejh għax kienu jgħiru għalih.
11 Imma l-qassisin importanti kienu ħeġġew lill-folla biex jitolbu lil Pilatu jeħles lil Barabba minflok.
12 Pilatu wiġibhom: “Allura x’se nagħmel b’dak li tgħidulu r-Re tal-Lhud?”
13 Huma reġgħu għajtu: “Sammru maʼ zokk!”
14 Imma Pilatu qalilhom: “Għala? X’għamel ħażin?” Iżda iktar bdew jgħajtu: “Sammru maʼ zokk!”
15 Imbagħad Pilatu, peress li xtaq jikkuntenta lill-folla, ħeles lil Barabba, u wara li kkmanda lis-suldati biex isawtu lil Ġesù, qalilhom jiħduh biex isammruh maʼ zokk.
16 Wara, is-suldati ħadu lil Ġesù fil-bitħa tal-palazz tal-gvernatur u għajtu lis-suldati kollha biex jinġabru.
17 Huma libbsuh ħwejjeġ vjola u għamlu kuruna tax-xewk u poġġewhielu fuq rasu.
18 U bdew jgħidulu: “Il-paċi miegħek, ja Re tal-Lhud!”
19 Ukoll, bdew jagħtuh fuq rasu b’qasba u jobżqulu, u niżlu għarkopptejhom u mielu quddiemu.
20 Fl-aħħar, wara li kienu waqqgħuh għaċ-ċajt, neħħewlu l-ħwejjeġ vjola, libbsuh il-ħwejjeġ tiegħu, u ħaduh biex isammruh maʼ zokk.
21 Imbagħad qabbdu raġel li kien ġej mill-kampanja biex iġorrlu z-zokk tat-tortura.* Dan kien raġel minn Ċirene jismu Xmun, missier Alessandru u Rufu.
22 Huma ħaduh f’post jismu Golgota, li meta jiġi tradott ifisser “Qorriegħa.”
23 Hemmhekk ipprovaw jagħtuh jixrob inbid imħallat bil-mirra,* imma ma riedx jieħdu.
24 Huma sammruh maʼ zokk u qassmu l-ħwejjeġ tiegħu billi tellgħuhom bix-xorti ħalli jaraw x’se jieħdu.
25 Kienu xi d-disgħa taʼ filgħodu* meta sammruh maʼ zokk.
26 ’Il fuq minn rasu kien hemm miktub: “Ir-Re tal-Lhud.” Dan kien biex jintwera għala ġie akkużat.
27 Maġenbu huma poġġew ukoll żewġ ħallelin fuq zokk, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.
28 *——
29 U dawk li kienu għaddejjin minn hemm bdew jgħajruh waqt li jxenglu rashom u b’sarkażmu jgħidu: “Int li kellek twaqqaʼ t-tempju u tibnih fi tlett ijiem,
30 salva lilek innifsek billi tinżel minn fuq iz-zokk tat-tortura.”*
31 Anki l-qassisin importanti u l-iskribi bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt bejniethom u jgħidu: “Lill-oħrajn salvahom, imma ma jistax isalva lilu nnifsu!
32 Ħa jinżel minn fuq iz-zokk tat-tortura* l-Kristu, ir-Re t’Iżrael, ħalli narawh u nemmnu.” Anki l-ħallelin li kienu fuq zokk ħdejh bdew jgħajruh.
33 Għal xi nofsinhar* waqgħet dalma fuq l-art kollha u damet sa madwar it-tlieta taʼ wara nofsinhar.*
34 U xi t-tlieta taʼ wara nofsinhar, Ġesù għajjat b’leħen għoli: “Eli, Eli, lama sabaqtani?” li meta tiġi tradotta tfisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?”
35 U xi nies li kienu qrib semgħuh u bdew jgħidu: “Ismaʼ! Qed jgħajjat lil Elija.”
36 Imma xi ħadd mar jiġri, ħa sponża, xarrabha bl-inbid qares, poġġieha fuq qasba, u tahielu biex jixrob u qal: “Ejja nistennew u naraw jekk Elija jiġix iniżżlu.”
37 Imma Ġesù għajjat għajta kbira u miet.*
38 U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn, minn fuq s’isfel.
39 Meta l-uffiċjal tal-armata ra x’ġara meta miet, qal: “Dan ir-raġel żgur li hu l-Iben t’Alla.”
40 Kien hemm ukoll xi nisa qed iħarsu mill-bogħod, fosthom Marija l-Maddalena, Marija omm Ġakbu ż-Żgħir u Ġosè, u Salomè.
41 Dawn kienu jivvjaġġaw maʼ Ġesù u jgħinuh meta kien fil-Galilija. Magħhom kien hemm ħafna nisa oħra li kienu telgħu miegħu Ġerusalemm.
42 Issa peress li kien diġà tard wara nofsinhar u kien jum il-Preparazzjoni, jiġifieri l-ġurnata taʼ qabel is-Sabat,
43 Ġużeppi minn Arimatija għamel il-kuraġġ biex jidħol quddiem Pilatu u talbu l-ġisem taʼ Ġesù. Ġużeppi kien membru rrispettat tal-Kunsill u kien qed jistenna s-Saltna t’Alla.
44 Imma Pilatu ġie f’dubju jekk kienx diġà mejjet, u għalhekk sejjaħ lill-uffiċjal tal-armata u staqsa lilu.
45 Wara li kkonferma mal-uffiċjal tal-armata, hu ta l-ġisem lil Ġużeppi.
46 Imbagħad Ġużeppi xtara drapp tal-għażel fin, niżżel il-ġisem minn fuq iz-zokk, dawru fid-drapp, u qiegħdu f’qabar* li kien imħaffer fil-blat. Wara gerbeb ġebla biex jagħlaq il-qabar.
47 U Marija l-Maddalena u Marija omm Ġosè baqgħu jħarsu lejn il-qabar fejn tpoġġa.
Noti taʼ taħt
^ Din kienet taħlita li kellha effett bħad-droga.
^ Letteralment “Kienet it-tielet siegħa.”
^ Ara App. A3.
^ Letteralment “Fis-sitt siegħa.”
^ Letteralment “sad-disaʼ siegħa.”
^ Jew “ħa l-aħħar nifs.”
^ Jew “f’qabar tat-tifkira.”