L-Aħbar Tajba Skont Mattew 12:1-50

  • Ġesù għandu “awtorità fuq is-Sabat” (1-8)

  • Raġel b’idu pparalizzata jiġi mfejjaq (9-14)

  • Il-qaddej maħbub t’Alla (15-21)

  • Id-demonji jitkeċċew permezz tal-ispirtu qaddis (22-30)

  • Dnub li ma jinħafirx (31, 32)

  • Siġra tingħaraf mill-frott tagħha (33-37)

  • Il-miraklu li ġara lil Ġona (38-42)

  • Meta spirtu ħażin imur lura (43-45)

  • Omm u ħut Ġesù (46-50)

12  Dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu għaddejjin mill-għelieqi tal-qamħ fis-Sabat. Id-dixxipli tiegħu qabadhom il-ġuħ u bdew jaqtgħu l-parti taʼ fuq tal-qamħ u jikluh.  Meta raw dan, il-Fariżej qalulu: “Id-dixxipli tiegħek qed jagħmlu xi ħaġa li skont il-Liġi ma jistgħux jagħmluha fis-Sabat.”  Hu qalilhom: “Ma qrajtux x’għamel David meta hu u l-irġiel li kienu miegħu kellhom il-ġuħ?  Hu daħal fid-dar t’Alla u kiel mill-ħobż tal-preżenza flimkien mal-irġiel li kien hemm miegħu, xi ħaġa li skont il-Liġi l-qassisin biss setgħu jagħmluha.  Jew, ma qrajtux fil-Liġi li fis-Sabat il-qassisin jaħdmu fit-tempju u jibqgħu bla ħtija?  Imma kunu afu li hawn xi ħadd iktar importanti mit-tempju.  U li kieku fhimtu xi tfisser l-iskrittura li tgħid: ‘Jien ħniena rrid, u mhux sagrifiċċji,’ ma kontux tikkundannaw lil dawk bla ħtija.  Għax jien, Bin il-bniedem, għandi awtorità fuq is-Sabat.”*  Wara li telaq minn hemm, daħal fis-sinagoga tagħhom. 10  Hemmhekk kien hemm raġel b’idu pparalizzata.* Għalhekk xi rġiel staqsewh, “Skont il-Liġi tistaʼ tfejjaq fis-Sabat?” Huma staqsewh dan biex jakkużawh. 11  Hu qalilhom: “Jekk ikollkom nagħġa waħda u din taqaʼ f’ħofra fis-Sabat, hemm xi ħadd minnkom li mhux se jtellagħha? 12  Bniedem hu ħafna iktar taʼ valur minn nagħġa! Għalhekk, iva, tistaʼ skont il-Liġi tagħmel ħaġa tajba fis-Sabat.” 13  Imbagħad qal lir-raġel: “Oħroġ idek.” U dan hekk għamel, u idu fieqet. 14  Imma l-Fariżej ħarġu minn hemm u bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh. 15  Meta sar jaf b’dan, Ġesù telaq minn hemmhekk. Ħafna min-nies marru warajh, u hu fejjaqhom. 16  Imma hu kien jikkmandahom b’leħen sod biex ma jgħidu lil ħadd dwaru, 17  ħalli b’hekk isir dak li Alla qal permezz tal-profeta Isaija: 18  “Dan hu l-qaddej tiegħi l-maħbub, li jien ferħan ħafna bih!* Jien se nitfaʼ l-ispirtu tiegħi fuqu, u hu se juri b’mod ċar lil kulħadd x’inhi l-ġustizzja vera. 19  Hu ma jargumentax u ma jgħajjatx. Ħadd ma jismaʼ leħnu fit-toroq prinċipali. 20  Qasba kważi mkissra ma jkissirhiex u lampa tnemnem ma jitfihiex sakemm jirnexxilu jġib il-ġustizzja. 21  Fil-fatt, nies mid-dinja kollha se jittamaw fih.* 22  Imbagħad ħadulu raġel li ma kienx jara u jitkellem u kellu demonju. Ġesù fejqu billi keċċa d-demonju, u r-raġel beda jara u jitkellem. 23  Il-folol baqgħu mbellhin u qalu: “Tgħid dan Bin David?” 24  Meta l-Fariżej semgħu dan, qalu: “Dan ikeċċi d-demonji bis-saħħa taʼ Begħelżebub,* il-mexxej tad-demonji.” 25  Peress li kien jaf x’qed jaħsbu, qalilhom: “Saltna tispiċċa jekk in-nies tagħha jiġġieldu bejniethom, u belt jew familja titkisser jekk il-membri tagħha jiġġieldu bejniethom. 26  Bl-istess mod, jekk Satana jkeċċi lil Satana, hu jkun qed jiġġieled kontra tiegħu stess, allura s-saltna tiegħu tispiċċa. 27  Barra minn hekk, jekk jien inkeċċi d-demonji permezz taʼ Begħelżebub, id-dixxipli tagħkom permezz taʼ min ikeċċuhom? Għalhekk, huma stess se juru li intom żbaljati. 28  Imma jekk hu permezz tal-ispirtu t’Alla li jien inkeċċi d-demonji, dan ifisser li s-Saltna t’Alla* waslet u intom lanqas indunajtu. 29  Jew kif jistaʼ xi ħadd jidħol f’dar taʼ raġel b’saħħtu u jisirqu, jekk l-ewwel ma jorbtux? 30  Min mhux miegħi hu kontra tiegħi, u min ma jgħinx lin-nies jiġu għandi, ikun qed ibegħedhom minni. 31  “Għalhekk, kull dnub u dagħwa* li jgħidu n-nies jinħafrulhom. Imma min jidgħi kontra l-ispirtu, Alla ma jaħfirlux. 32  Pereżempju, kull min jgħid xi ħaġa kontrija, Bin il-bniedem, se tinħafirlu. Imma kull min jgħid xi ħaġa kontra l-ispirtu qaddis, mhux se tinħafirlu, la issa* u lanqas fil-futur. 33  “Jekk intom tkunu bħal siġra tajba se tagħmlu frott tajjeb, imma jekk intom bħal siġra ħażina se tagħmlu frott ħażin. 34  Intom bħas-sriep velenużi, tagħmlu affarijiet ħżiena. Allura kif tistgħu tgħidu affarijiet tajbin? Għax in-nies jitkellmu dwar dak li hemm f’qalbhom. 35  Raġel tajjeb jgħid affarijiet tajbin għax affarijiet tajbin għandu f’qalbu, imma raġel ħażin jgħid affarijiet ħżiena għax affarijiet ħżiena għandu f’qalbu. 36  Kull kelma fil-vojt li jgħidu n-nies se jkollhom jagħtu kont tagħha f’Jum il-Ġudizzju. 37  Għax skont dak li tgħidu tistgħu jew tiġu kkunsidrati ġusti jew tiġu kkundannati.” 38  Imbagħad xi skribi u Fariżej qalulu: “Għalliem, irridu narawk tagħmel miraklu li juri li bagħtek Alla.” 39  Hu wiġibhom: “Intom ġenerazzjoni ħażina u mhux leali lejn Alla,* għax tridu taraw miraklu, imma mhu se tirċievu l-ebda miraklu ħlief il-miraklu li ġara lill-profeta Ġona. 40  Għax bħalma Ġona kien f’żaqq ħuta kbira għal tlett ijiem u tliet iljieli, jien, Bin il-bniedem, se nkun fil-qabar għal tlett ijiem u tliet iljieli. 41  In-nies taʼ Ninwe se jiġu rxoxtati f’Jum il-Ġudizzju maʼ din il-ġenerazzjoni u jikkundannawha, għax huma nidmu meta Ġona ppritkalhom. Imma hawnhekk hawn xi ħadd iktar importanti minn Ġona. 42  Ir-reġina taʼ Xeba* se tiġi rxoxtata f’Jum il-Ġudizzju maʼ din il-ġenerazzjoni u tikkundannaha, għax hi vvjaġġat mill-bogħod ħafna biex tismaʼ l-għerf taʼ Salamun. Imma hawnhekk hawn xi ħadd iktar importanti minn Salamun. 43  “Meta spirtu ħażin* joħroġ minn raġel, dan l-ispirtu jgħaddi minn deżert ifittex post fejn jistrieħ, u ma jsibx. 44  Imbagħad jgħid, ‘Ħa mmur lura fir-raġel li kont fih,’ u meta jmur lura jsib li r-raġel hu bħal dar li ma joqgħod fiha ħadd, nadifa, u mżejna. 45  Imbagħad imur u jieħu miegħu sebaʼ spirti iktar ħżiena minnu, jidħlu fir-raġel u jibdew jgħixu hemm, u s-sitwazzjoni tar-raġel tispiċċa agħar milli kienet fil-bidu. Hekk se jiġri wkoll lil din il-ġenerazzjoni ħażina.” 46  Waqt li kien għadu qed ikellem lill-folol, waslu ommu u ħutu. Huma qagħdu barra jistennew biex ikellmuh. 47  Għalhekk xi ħadd qallu: “Hemm ommok u ħutek barra u jixtiequ jkellmuk.” 48  Ġesù wieġbu: “Min huma ommi u ħuti?” 49  U b’idu għamel sinjal lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Dawn huma ommi u ħuti! 50  Għax il-familja tiegħi huma dawk li jagħmlu dak li jrid Missieri tas-sema.”

Noti taʼ taħt

Jew “is-Sid tas-Sabat.”
Letteralment “niexfa.”
Jew “li ruħi approvat!”
Letteralment “f’ismu.”
Titlu għal Satana.
Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “f’din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “adultera.”
Letteralment “Ir-reġina tan-Nofsinhar.”
Letteralment “mhux nadif.”