L-Aħbar Tajba Skont Mattew 16:1-28

  • Jitolbuh jagħmel miraklu (1-4)

  • Il-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej (5-12)

  • Iċ-ċwievet tas-Saltna (13-20)

    • Il-kongregazzjoni mibnija fuq blata (18)

  • Tiġi mbassra l-mewt taʼ Ġesù (21-23)

  • Dixxipli veri (24-28)

16  Imbagħad resqu lejh il-Fariżej u s-Sadduċej, u biex jittestjawh talbuh jagħmel miraklu f’isem Alla.  Hu wiġibhom: “Meta filgħaxija s-sema tkun ħamra, intom tgħidu li l-għada se jkun temp sabiħ.  U meta filgħodu s-sema tkun ħamra imma jkun imsaħħab, intom tgħidu li dakinhar se jkun temp ikrah u bix-xita. Intom tifhmu x’se jiġri billi tħarsu lejn is-sema, imma ma tifhmux xi jfissru l-affarijiet li qed jiġru issa.  Intom ġenerazzjoni ħażina u mhux leali lejn Alla,* għax tridu taraw miraklu, imma mhu se tirċievu l-ebda miraklu ħlief il-miraklu li ġara lil Ġona.” Wara li qalilhom hekk, telaq.  Issa d-dixxipli qasmu għan-naħa l-oħra tax-xatt u nsew jieħdu l-ħobż magħhom.  Ġesù qalilhom: “Oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej.”  Għalhekk, bdew jirraġunaw bejniethom: “Aħna ma ġibniex ħobż magħna.”  Ġesù nduna b’dan u qalilhom: “Għala qed titkellmu dwar jekk ġibtux ħobż? Mela m’għandkomx biżżejjed fidi?  Għadkom m’intomx tifhmu? Ma tiftakrux kemm-il qoffa mlejtu wara li b’ħames ħobżiet kielu 5,000 raġel? 10  U ma tiftakrux kemm-il qoffa kbira mlejtu wara li b’sebaʼ ħobżiet kielu 4,000 raġel? 11  Kif ma fhimtux li ma kontx qed inkellimkom dwar il-ħobż? Imma oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u s-Sadduċej.” 12  Imbagħad huma fehmu li kien qed jgħidilhom biex joqogħdu attenti mit-tagħlim tal-Fariżej u s-Sadduċej, u mhux mill-ħmira tal-ħobż. 13  Meta wasal fir-reġjun taʼ Ċesarija Filippi, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu: “In-nies min qed jgħidu li hu Bin il-bniedem?” 14  Huma wiġbuh: “Hemm min qed jgħid Ġwanni l-Għammied, min qed jgħid Elija, u hemm oħrajn qed jgħidu Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” 15  Hu qalilhom: “Iżda intom min tgħidu li jien?” 16  Xmun Pietru wieġbu: “Int il-Kristu, Bin l-Alla l-ħaj.” 17  Ġesù qallu: “Imbierek int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri tas-sema. 18  Int Pietru, u fuq din il-blata se nibni l-kongregazzjoni tiegħi, u l-bibien tal-Qabar* mhux se jirbħulha. 19  Se nagħtik iċ-ċwievet tas-Saltna t’Alla.* Meta Alla japprova xi ħaġa, int se tapprovaha wkoll. U meta Alla ma japprovax xi ħaġa, int mhux se tapprovaha.”* 20  Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu b’leħen sod biex ma jgħidu lil ħadd li hu l-Kristu. 21  Minn dakinhar, Ġesù beda jispjega lid-dixxipli tiegħu li għandu jmur Ġerusalemm u jbati ħafna minħabba dak li se jagħmlulu l-anzjani,* il-qassisin importanti, u l-iskribi. Spjegalhom ukoll li kien se jiġi maqtul u li fit-tielet jum se jiġi rxoxtat. 22  Meta semaʼ dan, Pietru ħadu fil-ġenb u beda joġġezzjona* billi qallu: “Toqgħodx tgħid hekk Mulej. Żgur li mhux se jiġrilek dan.” 23  Imma Ġesù ta dahru lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi Satana! Int taʼ tfixkil għalija, għax m’intix taħseb bħalma jaħseb Alla imma bħalma jaħsbu n-nies.” 24  Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ma jridx jgħix iktar għalih innifsu, imma jrid jissaporti l-persekuzzjoni* u jibqaʼ miexi warajja. 25  Għax min jipprova jsalva ħajtu, imut, imma min imut minħabba li hu dixxiplu tiegħi, se jgħix. 26  Għax x’jiswa li bniedem ikollu l-affarijiet kollha tad-dinja imma jitlef ħajtu?* Jew x’jistaʼ jagħti bniedem biex jixtri ħajtu?* 27  Fil-futur, jien, Bin il-bniedem, se jkolli awtorità kbira mingħand Missieri. U se niġi mal-anġli tiegħu u niġġudika lin-nies billi nikkastiga lil dawk li għamlu affarijiet ħżiena u nbierek lil dawk li għamlu affarijiet tajbin. 28  Naċċertakom li fostkom hemm min mhux se jmut qabel ma jara lili, Bin il-bniedem, immexxi fis-Saltna tiegħi.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “adultera.”
Jew “il-qawwa tal-mewt.” Letteralment “il-bibien taʼ Ħades.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “tas-Saltna tas-smewwiet.” Jew “tal-Gvern (tat-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “Kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-sema. U kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-sema.”
Letteralment “iċanfru.”
Jew “jerfaʼ z-zokk tat-tortura tiegħu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “ruħu.”
Jew “ruħu.”