L-Aħbar Tajba Skont Mattew 28:1-20
28 Wara s-Sabat, hekk kif kienet tielgħa x-xemx fl-ewwel jum tal-ġimgħa,* Marija l-Maddalena u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar.
2 F’daqqa waħda kien hemm terremot kbir, għax l-anġlu taʼ Ġeħova* niżel mis-sema u gerbeb il-ġebla, u mbagħad poġġa fuqha.
3 Hu kien jiddi bħal sajjetta, u l-ħwejjeġ tiegħu kienu bojod silġ.
4 Is-suldati li kienu għassa tant beżgħu minnu li bdew jitriegħdu u ma felħux jiċċaqalqu.
5 Imma l-anġlu qal lin-nisa: “Tibżgħux, naf li qed tfittxu lil Ġesù li sammruh maʼ zokk.
6 Mhuwiex hawn għax ġie rxoxtat bħalma kien qal. Ejjew ħa taraw fejn kien qiegħed.
7 Imbagħad iddumux biex tmorru tgħidu lid-dixxipli tiegħu li ġie rxoxtat mill-mewt, għax hu sejjer qabilkom fil-Galilija. Se tarawh hemmhekk. Tinsewx dak li għedtilkom.”
8 Għalhekk, b’biżaʼ u b’ferħ kbir telqu mill-ewwel jiġru minn ħdejn il-qabar ħalli jgħidu lid-dixxipli tiegħu.
9 Huma u sejrin, Ġesù ltaqaʼ magħhom u qalilhom: “Bonġu!” Huma marru ħdejh, mielu quddiemu, u qabdulu saqajh b’rispett.
10 Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħux! Morru għidu lil ħuti biex imorru l-Galilija u jarawni hemmhekk.”
11 Huma u sejrin, xi suldati li kienu għassa marru l-belt u qalu dak kollu li kien ġara lill-qassisin importanti.
12 Wara, dawn iltaqgħu mal-anzjani* u ftiehmu bejniethom. Huma taw lis-suldati ammont mhux ħażin taʼ muniti tal-fidda
13 u qalulhom: “Għidu li d-dixxipli tiegħu ġew billejl u serquh waqt li kontu reqdin.
14 U jekk Pilatu jsir jaf b’dan, se nispjegawlu* aħna. Intom m’għandkomx għalfejn tinkwetaw.”
15 Għalhekk, ħadu l-muniti tal-fidda u għamlu kif qalulhom, u din l-istorja saret magħrufa mal-Lhud sal-lum.
16 Sadanittant, il-11-il dixxiplu marru fil-Galilija lejn il-muntanja fejn Ġesù kien qalilhom biex imorru.
17 Meta rawh, mielu quddiemu. Imma xorta kien hemm min ma kienx ċert li hu Ġesù.
18 Ġesù resaq lejhom u qalilhom: “Alla tani l-awtorità fuq kulma hemm fis-sema u fuq l-art.
19 Għalhekk, morru u għallmu n-nies mill-popli kollha biex isiru dixxipli tiegħi u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu qaddis.
20 U għallmuhom jobdu dak kollu li kkmandajtkom. Jien se nibqaʼ magħkom sal-aħħar jiem taʼ din id-dinja.”*
Noti taʼ taħt
^ Din il-ġurnata għalina hi l-Ħadd. Għal-Lhud kienet l-ewwel ġurnata tal-ġimgħa.
^ Letteralment “nikkonvinċuh.”
^ Jew “sal-konklużjoni tas-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati. “Konklużjoni tas-sistema tal-affarijiet” u “Sistema tal-affarijiet.”