L-Aħbar Tajba Skont Mattew 4:1-25

  • Ix-Xitan jittanta lil Ġesù (1-11)

  • Ġesù jibda jipprietka fil-Galilija (12-17)

  • L-ewwel dixxipli li għażel Ġesù (18-22)

  • Ġesù jipprietka, jgħallem, u jfejjaq (23-25)

4  Imbagħad l-ispirtu t’Alla ggwida lil Ġesù biex imur fid-deżert. Hemmhekk ġie ttantat mix-Xitan  wara li kien sam 40 jum* u kien bil-ġuħ.  U x-Xitan ipprova jwaqqgħu fit-tentazzjoni billi qallu: “Jekk int l-iben t’Alla, għid lil dan il-ġebel isir ħobż.”  Imma hu wieġbu: “L-Iskrittura tgħid li l-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss imma b’kull kelma li jgħid Ġeħova.”*  Imbagħad ix-Xitan ħadu fil-belt qaddisa, qiegħdu fuq l-iktar parti għolja tat-tempju,  u qallu: “Jekk int l-iben t’Alla, aqbeż għal isfel, għax fl-Iskrittura hemm miktub li Hu se jikkmanda l-anġli biex iġorruk ħalli ma taħbatx sieqek maʼ xi ġebla.”  Ġesù qallu: “Fl-Iskrittura hemm miktub ukoll biex ma tittestjax l-abbiltà li għandu Ġeħova* l-Alla tagħna.”  Wara, ix-Xitan ħadu fuq muntanja għolja ħafna, u wrieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-ġid tagħhom.  U qallu: “Dawn l-affarijiet kollha nagħtihomlok jekk int tinżel għarkopptejk quddiemi u tagħtini qima.”* 10  Imbagħad Ġesù qallu: “Itlaq ’l hemm Satana! Għax fl-Iskrittura hemm miktub: ‘Lil Ġeħova* l-Alla tiegħek għandek tqim, u lilu biss għandek taqdi.’” 11  Imbagħad ix-Xitan telaq minn ħdejh, u ġew l-anġli u bdew jieħdu ħsieb* lil Ġesù. 12  Meta Ġesù semaʼ li Ġwanni kien ġie arrestat, hu mar il-Galilija. 13  Wara li telaq minn Nazaret, hu mar joqgħod Kafarnahum ħdejn il-baħar fit-territorji taʼ Żebulun u Naftali. 14  B’hekk, hu setaʼ jagħmel dak li kien qal Alla permezz tal-profeta Isaija: 15  “Nies tal-artijiet taʼ Żebulun u Naftali, li tgħixu fit-triq li tagħti għall-baħar in-naħa l-oħra tal-Ġordan, il-Galilija tal-popli, 16  intom kontu fid-dlam u rajtu dawl kbir, u idda dawl fuq dawk li l-mewt kienet qisha dell fuqhom.” 17  Minn dakinhar, Ġesù beda jipprietka u jgħid: “Indmu għax is-Saltna t’Alla* hi qrib.” 18  Waqt li kien miexi ħdejn il-Baħar tal-Galilija, hu ra żewġ aħwa, lil Xmun li jgħidulu Pietru u lil Indrì. Dawn kienu qed jitfgħu xibka fil-baħar għax kienu sajjieda. 19  Hu qalilhom: “Ejjew warajja, u jien nagħmilkom sajjieda tan-nies.” 20  Huma mill-ewwel telqu x-xbieki u marru warajh. 21  Wara li telaq minn hemm, hu ra żewġ aħwa oħra, lil Ġakbu u lil Ġwanni t-tfal taʼ Żebedew. Hu għajtilhom waqt li huma kienu fid-dgħajsa maʼ missierhom isewwu x-xbieki. 22  Huma mill-ewwel telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh. 23  Imbagħad mar fil-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi, jipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna, u jfejjaq kull tip taʼ mard. 24  L-aħbar dwaru nxterdet mas-Sirja kollha, u dawn ħadulu n-nies li kienu jbatu minn kull tip taʼ mard u wġigħ. Kif ukoll lil dawk li kellhom id-demonji, li kienu jbatu bl-epilessija, u li kienu pparalizzati, u fejjaqhom ilkoll. 25  Minħabba f’hekk, marru warajh folol kbar mill-Galilija, mid-Dekapoli,* minn Ġerusalemm, mil-Lhudija, u min-naħa l-oħra tal-Ġordan.

Noti taʼ taħt

Letteralment “40 jum u 40 lejl.”
Jew “tagħtini qima darba biss.”
Jew “jaqdu.”
Letteralment “is-Saltna tas-smewwiet.” Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “mir-Reġjun tal-Għaxart Ibliet.”