L-Aħbar Tajba Skont Mattew 7:1-29

  • IL-PRIETKA TAʼ FUQ IL-MUNTANJA (1-27)

    • Tibqgħux tiġġudikaw (1-6)

    • Ibqgħu itolbu, fittxu, u ħabbtu (7-11)

    • Ir-Regola tad-Deheb (12)

    • Il-bieb id-dejjaq (13, 14)

    • Jintgħarfu mill-frott tagħhom (15-23)

    • Dar fuq il-blat, dar fuq ir-ramel (24-27)

  • In-nies imbellhin bit-tagħlim taʼ Ġesù (28, 29)

7  “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux iġġudikati.  Għax kif tiġġudika int, Alla se jiġġudika lilek, u bil-mod kif tittratta lil oħrajn int, se jittrattaw lilek.*  Allura għala tinnota t-tibna f’għajn ħuk,* u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek?  Jew kif tistaʼ tgħid lil ħuk, ‘Ħallini nneħħilek it-tibna minn għajnek,’ meta int għandek travu f’għajnek?  Ja ipokrita! L-ewwel neħħi t-travu minn għajnek, u mbagħad tkun tistaʼ tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.  “Tagħtux dak li hu qaddis lill-klieb u titfgħux il-perli tagħkom ħdejn il-ħnieżer, ħalli ma jgħaffġuhomx taħt saqajhom, iduru għalikom, u jattakkawkom.  “Ibqgħu itolbu u tirċievu; ibqgħu fittxu u ssibu; u ibqgħu ħabbtu fuq il-bieb u jinfetħilkom.  Għax kull min jitlob, jirċievi; kull min ifittex, isib; u kull min iħabbat fuq il-bieb, jinfetaħlu.  Infatti, jekk ibnek jitolbok ħobża, sejjer int tagħtih ġebla? 10  Jew jekk jitolbok ħuta, sejjer int tagħtih serp? 11  Għalhekk, jekk intom, għalkemm tagħmlu affarijiet ħżiena,* tafu tagħtu affarijiet tajbin lit-tfal tagħkom, mela żgur li Missierkom li hu fis-sema se jagħti affarijiet tajbin lil dawk li jitolbuh! 12  “Mela ttrattaw lil oħrajn bħalma tixtiequ li oħrajn jittrattawkom.* Fil-fatt, hekk jgħallmu l-Liġi taʼ Mosè u l-kitbiet tal-profeti. 13  “Għaddu mill-bieb id-dejjaq, għax it-triq u l-bieb li huma wesgħin iwasslu għall-qerda u ħafna jgħaddu minn hemm. 14  Mentri l-bieb u t-triq li huma dojoq iwasslu għall-ħajja, u ftit isibu din it-triq. 15  “Oqogħdu attenti mill-profeti foloz li minn barra jidhru bħal nagħaġ, imma fir-realtà huma bħal ilpup li jridu jqattgħukom biċċiet. 16  Mill-frott* tagħhom tagħrfuhom. In-nies qatt ma jaqtgħu l-għeneb jew it-tin mix-xewk, hux vera? 17  Bl-istess mod, kull siġra tajba tagħmel frott tajjeb, imma kull siġra ħażina tagħmel frott ħażin. 18  Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, u siġra ħażina ma tistax tagħmel frott tajjeb. 19  Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb jaqtgħuha u jitfgħuha fin-nar. 20  Mela mill-frott tagħhom se tagħrfuhom. 21  “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ se jidħol fis-Saltna t’Alla,* imma dawk biss li jagħmlu dak li jrid Missieri li hu fis-sema. 22  Dakinhar ħafna jgħiduli, ‘Mulej, Mulej, mhux f’ismek ipprofetizzajna, keċċejna d-demonji, u għamilna ħafna mirakli?’ 23  Imma jien ngħidilhom: ‘Ma nafkomx! Itilqu minn quddiemi, għax intom tagħmlu dak li hu ħażin.’ 24  “Għalhekk, kull min jagħmel dak li qed ngħallem, ikun bħal raġel bil-għaqal li bena d-dar fuq blat fis-sod. 25  Imbagħad għamlet ħafna xita li għerrqet kulm’hemm u qam riħ qawwi, imma d-dar ma waqgħetx għax kienet mibnija fis-sod. 26  Mill-banda l-oħra, kull min ma jagħmilx dak li qed ngħallem, ikun bħal raġel iblah li bena d-dar fuq ir-ramel. 27  Imbagħad għamlet ħafna xita li għerrqet kulm’hemm u qam riħ qawwi, u d-dar waqgħet u ma kien fadal xejn minnha.” 28  Meta Ġesù għallem dawn l-affarijiet, in-nies baqgħu mbellhin għall-mod kif jgħallem, 29  għax hu għallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità biex jagħmel dan, u mhux bħall-iskribi tagħhom.

Noti taʼ taħt

Jew “bil-kejl li tkejjel, se jkejluk.”
Jiġifieri xi ħadd ieħor li jqim lil Alla.
Letteralment “għalkemm ħżiena.”
Letteralment “kulma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, intom tridu tagħmluh lilhom.”
Milli jidher dan jirreferi għax-xogħol tagħhom.
Letteralment “fis-Saltna tas-smewwiet.” Jew “fil-Gvern (fit-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.