Numri 19:1-22

  • Il-baqra ħamranija u l-ilma għat-tindif (1-22)

19  Ġeħova reġaʼ kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:  “Din hi l-liġi li nikkmanda jien, Ġeħova, ‘Għid lill-Iżraelin biex iġibulek baqra ħamranija f’saħħitha li fiha m’hemm ebda difett u li fuqha ma tqiegħed ebda madmad.  Agħtuha lil Elegħażar il-qassis, u hu joħroġha ’l barra mill-kampijiet u tinqatel quddiemu.  Imbagħad Elegħażar il-qassis jieħu ftit minn demmha b’sebgħu u jroxxu sebaʼ darbiet lejn in-naħa taʼ quddiem tat-tinda tal-laqgħa.  Imbagħad il-baqra tinħaraq quddiem għajnejh. Il-ġilda tagħha, laħamha, u demmha flimkien mal-ħmieġ tagħha jridu jinħarqu.  U l-qassis jieħu njam taċ-ċedru, żuf,* u drapp aħmar jgħajjat u jitfagħhom fin-nar fejn tkun qed tinħaraq il-baqra.  Il-qassis imbagħad jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u wara jkun jistaʼ jidħol fejn hemm il-kampijiet, imma ma jkunx nadif sa filgħaxija.  “‘Dak li ħaraqha jaħsel ħwejġu fl-ilma u jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija.  “‘U raġel nadif jiġbor l-irmied tal-baqra u jqiegħdu ’l barra mill-kampijiet f’post nadif, u l-irmied għandu jinżamm mill-ġemgħa tal-Iżraelin biex jippreparaw bih ilma ħalli jintuża għat-tindif. Din hi offerta għad-dnub. 10  U dak li jiġbor l-irmied tal-baqra jaħsel ħwejġu u ma jkunx nadif sa filgħaxija. “‘Din tkun liġi li tibqaʼ għal żmien twil għall-Iżraelin u għall-barranin li qed jgħixu f’nofshom. 11  Kull min imiss bniedem mejjet* ma jkunx nadif għal sebat ijiem. 12  Dan għandu jitnaddaf b’mod ċerimonjali bl-ilma* għat-tindif fit-tielet jum, u fis-sebaʼ jum ikun nadif. Imma jekk ma jagħmilx hekk fit-tielet jum, fis-sebaʼ jum ma jkunx nadif. 13  Kull min imiss katavru taʼ bniedem mejjet* u ma jitnaddafx b’mod ċerimonjali, ikun niġġes it-tabernaklu taʼ Ġeħova u jrid jiġi maqtul.* Peress li l-ilma għat-tindif ma ġiex imraxxax fuqu, hu jibqaʼ mhux nadif. In-nuqqas taʼ ndafa tiegħu jibqaʼ fuqu. 14  “‘Din hi l-liġi għal meta raġel imut f’tinda: Kull min jidħol fit-tinda u kull min ikun diġà fit-tinda ma jkunx nadif għal sebat ijiem. 15  Kull reċipjent miftuħ li ma jkollux għatu marbut fuqu ma jkunx nadif. 16  Kull min ikun fil-kampanja u jmiss lil xi ħadd maqtul bix-xabla, xi katavru, xi għadma taʼ bniedem, jew qabar ma jkunx nadif għal sebat ijiem. 17  Huma jieħdu għal min ma jkunx nadif ftit mill-irmied tal-offerta għad-dnub li nħarqet u jpoġġu ilma ġieri fuq l-irmied ġo reċipjent. 18  Imbagħad raġel nadif jieħu ż-żuf u jbillu fl-ilma u jroxxu fuq it-tinda, fuq ir-reċipjenti kollha, fuq in-nies li kienu hemmhekk, u fuq dak li jkun mess l-għadma, il-maqtul, il-katavru, jew il-qabar. 19  Ir-raġel nadif iroxxu fuq dak li ma jkunx nadif fit-tielet u fis-sebaʼ jum u jnaddfu b’mod ċerimonjali mid-dnub fis-sebaʼ jum. Imbagħad dak li ma jkunx nadif irid jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u jkun nadif filgħaxija. 20  “‘Imma r-raġel li ma jkunx nadif u li ma jitnaddafx b’mod ċerimonjali, irid jiġi maqtul,* għaliex niġġes is-santwarju taʼ Ġeħova. L-ilma għat-tindif ma traxxaxx fuqu, allura mhux nadif. 21  “‘Din tkun liġi li tibqaʼ għal żmien twil għall-Iżraelin: Dak li jraxxax l-ilma għat-tindif għandu jaħsel ħwejġu, u kull min imiss l-ilma għat-tindif ma jkunx nadif sa filgħaxija. 22  Kull ħaġa li dak li mhux nadif imiss ma tkunx nadifa, u l-persuna li tmissha ma tkunx nadifa sa filgħaxija.’”

Noti taʼ taħt

Jew “il-katavru taʼ xi ruħ taʼ bniedem.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “bih.”
Jew “katavru, ir-ruħ taʼ bniedem li miet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “maqtugħ minn m’Iżrael.”
Jew “maqtugħ minn mal-kongregazzjoni.”