Numri 2:1-34
-
Il-kampijiet organizzati f’taqsimiet taʼ tliet tribujiet (1-34)
2 Ġeħova issa kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:
2 “L-Iżraelin għandhom jikkampjaw fejn tkun assenjata t-taqsima tagħhom li fiha tliet tribujiet, kull raġel viċin is-sinjal taʼ dar missirijietu. Għandhom jikkampjaw madwar it-tinda tal-laqgħa, iħarsu lejha.
3 “Dawk li jikkampjaw fuq in-naħa tal-Lvant, lejn tlugħ ix-xemx, ikunu t-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet taʼ Ġuda skont il-gruppi* tagħhom. Il-kap għat-tfal taʼ Ġuda jkun Naħson bin Għamminadab.
4 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 74,600.
5 It-tribù taʼ Issakar jikkampja maġenbu. Il-kap għat-tfal taʼ Issakar ikun Netanel bin Sugħar.
6 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 54,400.
7 Maġenbu jkun hemm ukoll it-tribù taʼ Żebulun. Il-kap għat-tfal taʼ Żebulun ikun Eljab bin Ħelon.
8 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 57,400.
9 “Dawk kollha rreġistrati fl-armati tal-kampijiet taʼ Ġuda huma 186,400. Dawn għandhom jimxu l-ewwel.
10 “It-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet taʼ Ruben skont il-gruppi* tagħhom tkun lejn in-Nofsinhar. Il-kap għat-tfal taʼ Ruben ikun Elisur bin Sedewr.
11 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 46,500.
12 It-tribù taʼ Simegħon jikkampja maġenbu. Il-kap għat-tfal taʼ Simegħon ikun Selumjel bin Surisaddaj.
13 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 59,300.
14 Maġenbu jkun hemm ukoll it-tribù taʼ Gad. Il-kap għat-tfal taʼ Gad ikun Eljasaf bin Regħwel.
15 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 45,650.
16 “Dawk kollha rreġistrati fl-armati tal-kampijiet taʼ Ruben huma 151,450, u dawn għandhom jimxu t-tieni.
17 “Meta tkun se tinġarr it-tinda tal-laqgħa, il-kampijiet tal-Leviti għandhom ikunu f’nofs il-kampijiet l-oħra.
“Għandhom jivvjaġġaw bl-istess ordni bħal meta jikkampjaw, kull wieħed f’postu, skont it-taqsimiet tagħhom taʼ tliet tribujiet.
18 “It-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet t’Efrajm skont il-gruppi* tagħhom tkun lejn il-Punent. Il-kap għat-tfal t’Efrajm ikun Elisama bin Għammiħud.
19 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 40,500.
20 Maġenbu jkun hemm it-tribù taʼ Manasse. Il-kap għat-tfal taʼ Manasse jkun Gamaljel bin Pedaħsur.
21 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 32,200.
22 Maġenbu jkun hemm ukoll it-tribù taʼ Benjamin. Il-kap għat-tfal taʼ Benjamin ikun Abidan bin Gidegħoni.
23 Dawk irreġistrati fl-armata huma 35,400.
24 “Dawk kollha rreġistrati fl-armati tal-kampijiet t’Efrajm huma 108,100, u dawn għandhom jimxu t-tielet.
25 “It-taqsima taʼ tliet tribujiet tal-kampijiet taʼ Dan skont il-gruppi* tagħhom tkun lejn it-Tramuntana. Il-kap għat-tfal taʼ Dan ikun Aħigħeżer bin Għammisaddaj.
26 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 62,700.
27 Maġenbu jikkampja t-tribù t’Aser. Il-kap għat-tfal t’Aser ikun Paggħijel bin Għokran.
28 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 41,500.
29 Maġenbu jkun hemm ukoll it-tribù taʼ Naftali. Il-kap għat-tfal taʼ Naftali jkun Aħira bin Għenan.
30 Dawk irreġistrati fl-armata tiegħu huma 53,400.
31 “Dawk kollha rreġistrati fil-kampijiet taʼ Dan huma 157,600. Dawn għandhom jimxu l-aħħar, skont it-taqsimiet tagħhom taʼ tliet tribujiet.”
32 Dawn kienu l-Iżraelin li ġew irreġistrati skont dar missirijiethom. B’kollox, dawk kollha rreġistrati fil-kampijiet għall-armata kienu 603,550.
33 Imma l-Leviti ma ġewx irreġistrati flimkien mal-Iżraelin l-oħra, eżatt bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
34 L-Iżraelin għamlu kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. Hekk ikkampjaw fit-taqsimiet tagħhom taʼ tliet tribujiet, u hekk imxew, kull wieħed skont il-familji tiegħu u skont dar missirijietu.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “skont l-armati.”
^ Letteralment “skont l-armati.”
^ Letteralment “skont l-armati.”
^ Letteralment “skont l-armati.”