Numri 26:1-65

  • It-tieni ċensiment tat-tribujiet t’Iżrael (1-65)

26  Wara l-kastig, Ġeħova qal lil Mosè u lil Elegħażar bin Aron il-qassis:  “Għoddu l-ġemgħa kollha tal-Iżraelin minn 20 sena ’l fuq, skont il-familji min-naħa tal-missier. Għoddu lil dawk kollha li jistgħu jaqdu fl-armata t’Iżrael.”  Għalhekk, Mosè u Elegħażar il-qassis kellmu l-poplu fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, ħdejn il-Ġordan faċċata taʼ Ġeriko u qalulhom:  “Għoddu l-irġiel kollha minn 20 sena ’l fuq, bħalma Ġeħova kkmanda lil Mosè.” Issa t-tfal t’Iżrael li ħarġu mill-art tal-Eġittu kienu:  It-tribù taʼ Ruben, l-ewwel imwieled t’Iżrael. It-tfal taʼ Ruben kienu: minn Ħanok, il-familja tal-Ħanokin; minn Pallu, il-familja tal-Palluwin;  minn Ħesron, il-familja tal-Ħesronin; u minn Karmi, il-familja tal-Karmin.  Dawn kienu l-familji tar-Rubenin, u dawk li ġew irreġistrati minnhom kienu 43,730.  Iben Pallu kien Eljab.  U t-tfal t’Eljab kienu Nemwel, Datan, u Abiram. Dawn kienu Datan u Abiram li ġew magħżulin mill-ġemgħa u li ħaduha kontra Mosè u Aron flimkien mal-grupp taʼ Koraħ, meta ħaduha kontra Ġeħova. 10  Imbagħad l-art infetħet* u belgħethom. Imma Koraħ miet ma’ dawk li appoġġawh meta n-nar ħaraq 250 raġel. U dawn saru eżempju taʼ twissija. 11  Madankollu, it-tfal taʼ Koraħ ma mitux. 12  It-tfal taʼ Simegħon skont il-familji tagħhom kienu: minn Nemwel, il-familja tan-Nemwelin; minn Ġamin, il-familja tal-Ġaminin; minn Ġakin, il-familja tal-Ġakinin; 13  minn Żeraħ, il-familja taż-Żeraħin; u minn Sagħul, il-familja tas-Sagħulin. 14  Dawn kienu l-familji tas-Simegħonin: 22,200. 15  It-tfal taʼ Gad skont il-familji tagħhom kienu: minn Sefon, il-familja tas-Sefonin; minn Ħaggi, il-familja tal-Ħaggin; minn Suni, il-familja tas-Sunin; 16  minn Ożni, il-familja tal-Ożnin; minn Għeri, il-familja tal-Għerin; 17  minn Arod, il-familja tal-Arodin; u minn Areli, il-familja tal-Arelin. 18  Dawn kienu l-familji tat-tfal taʼ Gad, u dawk irreġistrati minnhom kienu 40,500. 19  It-tfal taʼ Ġuda kienu Għer u Onan. Iżda dawn mietu fl-art taʼ Kangħan. 20  U t-tfal taʼ Ġuda skont il-familji tagħhom kienu: minn Selaħ, il-familja tas-Selanin; minn Pereż, il-familja tal-Pereżin; u minn Żeraħ, il-familja taż-Żeraħin. 21  U t-tfal taʼ Pereż kienu: minn Ħesron, il-familja tal-Ħesronin; u minn Ħamul, il-familja tal-Ħamulin. 22  Dawn kienu l-familji taʼ Ġuda, u dawk irreġistrati minnhom kienu 76,500. 23  It-tfal taʼ Issakar skont il-familji tagħhom kienu: minn Tola, il-familja tat-Tolagħin; minn Puwa, il-familja tal-Puwin; 24  minn Ġasub, il-familja tal-Ġasubin; u minn Simron, il-familja tas-Simronin. 25  Dawn kienu l-familji taʼ Issakar, u dawk irreġistrati minnhom kienu 64,300. 26  It-tfal taʼ Żebulun skont il-familji tagħhom kienu: minn Sered, il-familja tas-Seredin; minn Elon, il-familja tal-Elonin; u minn Ġaħlel, il-familja tal-Ġaħlelin. 27  Dawn kienu l-familji taż-Żebulunin, u dawk irreġistrati minnhom kienu 60,500. 28  It-tfal taʼ Ġużeppi skont il-familji tagħhom kienu: Manasse u Efrajm. 29  It-tfal taʼ Manasse kienu: minn Makir, il-familja tal-Makirin, u Makir kellu lil Gilegħad; minn Gilegħad, il-familja tal-Gilegħadin. 30  Dawn kienu t-tfal taʼ Gilegħad: minn Jeżer, il-familja tal-Jeżerin; minn Ħelek, il-familja tal-Ħelekin; 31  minn Asrijel, il-familja tal-Asrijelin; minn Sikem, il-familja tas-Sikemin; 32  minn Semida, il-familja tas-Semidagħin; u minn Ħefer, il-familja tal-Ħeferin. 33  Issa Selofeħad bin Ħefer ma kellux tfal subien, imma bniet biss, u l-ismijiet tagħhom kienu Maħla, Nogħa, Ħogla, Milka, u Tirsa. 34  Dawn kienu l-familji taʼ Manasse, u dawk irreġistrati minnhom kienu 52,700. 35  Dawn kienu t-tfal t’Efrajm skont il-familji tagħhom: minn Sutelaħ, il-familja tas-Sutelaħin; minn Beker, il-familja tal-Bekerin; u minn Taħan, il-familja tat-Taħanin. 36  U dan kien iben Sutelaħ: minn Għeran, il-familja tal-Għeranin. 37  Dawn kienu l-familji tat-tfal t’Efrajm, u dawk irreġistrati minnhom kienu 32,500. Dawn kienu t-tfal taʼ Ġużeppi skont il-familji tagħhom. 38  It-tfal taʼ Benjamin skont il-familji tagħhom kienu: minn Bela, il-familja tal-Belagħin; minn Asbel, il-familja tal-Asbelin; minn Aħiram, il-familja tal-Aħiramin; 39  minn Sefufam, il-familja tas-Sufamin; u minn Ħufam, il-familja tal-Ħufamin. 40  It-tfal taʼ Bela kienu Ard u Nagħman: minn Ard, il-familja tal-Ardin; u minn Nagħman, il-familja tan-Nagħmin. 41  Dawn kienu t-tfal taʼ Benjamin skont il-familji tagħhom, u dawk irreġistrati minnhom kienu 45,600. 42  Dawn kienu t-tfal* taʼ Dan skont il-familji tagħhom: minn Suħam, il-familja tas-Suħamin. Dawn kienu l-familji taʼ Dan skont il-familji tagħhom. 43  Il-familji kollha tas-Suħamin, minn dawk li ġew irreġistrati, kienu 64,400. 44  It-tfal t’Aser skont il-familji tagħhom kienu: minn Imnaħ, il-familja tal-Imnin; minn Iswi, il-familja tal-Iswin; minn Berija, il-familja tal-Berijin. 45  u mit-tfal taʼ Berija: minn Ħeber, il-familja tal-Ħeberin; u minn Malkijel, il-familja tal-Malkijelin. 46  Bint Aser kien jisimha Seraħ. 47  Dawn kienu l-familji tat-tfal t’Aser, u dawk irreġistrati minnhom kienu 53,400. 48  It-tfal taʼ Naftali skont il-familji tagħhom kienu: minn Ġaħsel, il-familja tal-Ġaħselin; minn Guni, il-familja tal-Gunin; 49  minn Ġeżer, il-familja tal-Ġeżerin; u minn Sillem, il-familja tas-Sillemin. 50  Dawn kienu l-familji taʼ Naftali skont il-familji tagħhom, u dawk irreġistrati minnhom kienu 45,400. 51  Dan hu l-ammont taʼ dawk irreġistrati mill-Iżraelin: 601,730. 52  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: 53  “L-art għandha tiġi maqsuma bejniethom bħala wirt skont il-lista tal-ismijiet.* 54  Għall-gruppi l-kbar, għandek iżżid il-wirt, u għall-gruppi ż-żgħar, għandek tnaqqas il-wirt. Il-wirt taʼ kull grupp għandu jingħata skont kemm ikollu nies irreġistrati. 55  Madankollu, l-art għandha titqassam billi tittellaʼ bix-xorti. Għandhom jingħataw il-wirt tagħhom skont l-ismijiet tat-tribujiet taʼ missirijiethom. 56  Kull wirt se jiġi deċiż bix-xorti u jitqassam bejn il-gruppi kbar u żgħar.” 57  Il-Leviti li ġew irreġistrati skont il-familji tagħhom kienu: minn Gerson, il-familja tal-Gersonin; minn Keħat, il-familja tal-Keħatin; minn Merari, il-familja tal-Merarin. 58  Dawn kienu l-familji tal-Leviti: il-familja tal-Libnin, il-familja tal-Ħebronin, il-familja tal-Maħlin, il-familja tal-Musin, u l-familja tal-Koraħin. Keħat kellu lil Għamram. 59  U mart Għamram kien jisimha Ġokebed, bint Levi, li twieldet lil Levi fl-Eġittu. U lil Għamram wellditlu lil Aron, lil Mosè, u lil oħthom Mirjam. 60  Imbagħad lil Aron twildulu Nadab, Abiħu, Elegħażar, u Itamar. 61  Imma Nadab u Abiħu mietu għax ippreżentaw nar ipprojbit quddiem Ġeħova. 62  L-ammont taʼ dawk irreġistrati kien 23,000, kollha tas-sess maskil minn xahar ’il fuq. Dawn ma kinux irreġistrati mal-Iżraelin l-oħra, għax ma kellhomx jingħataw wirt fost l-Iżraelin. 63  Dawn kollha kienu ġew irreġistrati minn Mosè u Elegħażar il-qassis meta rreġistraw lill-Iżraelin fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab, ħdejn il-Ġordan faċċata taʼ Ġeriko. 64  Imma fosthom ma kien hemm ħadd li kien irreġistrat minn Mosè u Aron il-qassis meta għoddew l-Iżraelin fid-deżert tas-Sinaj. 65  Għax Ġeħova kien qal dwarhom: “Huma żgur li jmutu fid-deżert.” Għalhekk, ma kien baqaʼ ebda raġel minnhom ħlief Kaleb bin Ġefunne u Ġożwè bin Nun.

Noti taʼ taħt

Letteralment “fetħet ħalqha.”
Jew “id-dixxendenti.”
Jew “skont in-numru tal-ismijiet fil-lista.”