Numri 31:1-54
31 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè:
2 “Agħmel vendetta mill-Midjanin għall-Iżraelin. Imbagħad tinġabar maʼ niesek.”*
3 Għalhekk, Mosè qal lin-nies: “Lestu rġiel għall-battalja* minn fostkom kontra l-Midjanin ħalli jġibu l-vendetta taʼ Ġeħova fuqhom.
4 Għandkom tibagħtu għall-armata 1,000 raġel minn kull tribù, mit-tribujiet kollha t’Iżrael.”
5 Għalhekk, mill-eluf t’Iżrael, ġew inkarigati 1,000 minn kull tribù, 12,000 armati għall-battalja.*
6 Imbagħad Mosè bagħathom fl-armata, 1,000 minn kull tribù, flimkien maʼ Fineħas bin Elegħażar. Fineħas kien il-qassis għall-armata, li kien inkarigat fuq l-għodod qaddisin u t-trumbetti tal-gwerra.
7 Dawn iggwerraw kontra Midjan, bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè, u qatlu lil kull raġel.
8 Flimkien mal-maqtulin l-oħrajn, huma qatlu lir-rejiet taʼ Midjan, jiġifieri lil Evi, Rekem, Żur, Ħur, u Reba, il-ħames rejiet taʼ Midjan. Huma qatlu wkoll lil Balgħam bin Begħor bix-xabla.
9 Imma l-Iżraelin ħadu fil-jasar lin-nisa u t-tfal taʼ Midjan. Huma serqulhom ukoll l-annimali, l-imrieħel, u kulma kellhom.
10 U ħarqulhom il-bliet kollha li kienu jgħixu fihom u l-kampijiet* kollha tagħhom.
11 Huma ħadu kulma serqu, kemm nies u kemm annimali,
12 għand Mosè, Elegħażar il-qassis, u l-ġemgħa tal-Iżraelin ħdejn il-kampijiet, fil-pjanuri tad-deżert taʼ Mowab qrib il-Ġordan f’Ġeriko.
13 Imbagħad Mosè, Elegħażar il-qassis, u l-kapijiet kollha tal-ġemgħa marru jiltaqgħu magħhom ’il barra mill-kampijiet.
14 Imma Mosè rrabja ħafna għall-irġiel inkarigati tal-qawwiet militari, għall-kapijiet tal-eluf, u l-kapijiet tal-mijiet li kienu ġejjin mill-battalja.
15 Mosè qalilhom: “Ħallejtu n-nisa kollha ħajjin?
16 Kienu huma li fuq il-kliem taʼ Balgħam ħajru lill-Iżraelin biex jaġixxu b’nuqqas taʼ lealtà lejn Ġeħova minħabba l-kwistjoni taʼ Pegħor, u b’hekk ġie l-kastig fuq il-ġemgħa taʼ Ġeħova.
17 Issa oqtlu lis-subien kollha fost it-tfal u lil kull mara li kellha relazzjonijiet sesswali.
18 Imma tistgħu tħallu ħajjin il-bniet kollha li huma verġni.
19 U intom tridu tikkampjaw ’il barra mill-kampijiet għal sebat ijiem. Kull min qatel lil xi ħadd u kull min mess lil xi ħadd maqtul għandu jitnaddaf b’mod ċerimonjali fit-tielet u fis-sebaʼ jum, intom u l-ilsiera tagħkom.
20 U għandkom tnaddfu mid-dnub kull libsa, kull oġġett tal-ġilda, kulma hu magħmul mix-xagħar tal-mogħoż, u kull oġġett tal-injam.”
21 Elegħażar il-qassis imbagħad qal lill-irġiel tal-armata li kienu marru għall-battalja: “Din hi l-liġi li Ġeħova ta lil Mosè,
22 ‘Id-deheb, il-fidda, ir-ram, il-ħadid, il-landa, u ċ-ċomb,
23 jiġifieri kulma jiflaħ għan-nar, għandkom tgħadduhom min-nar u jkunu nodfa. Madankollu, għandkom tnaddfuhom ukoll bl-ilma li jagħmilhom aċċettabbli għal Alla. Kull ħaġa li ma tiflaħx għan-nar, għandkom taħsluha bl-ilma.
24 U għandkom taħslu ħwejjiġkom fis-sebaʼ jum u tkunu nodfa, u mbagħad tkunu tistgħu tidħlu fejn hemm il-kampijiet.’”
25 Ġeħova mbagħad qal dan lil Mosè:
26 “Agħmel lista taʼ dak li nsteraq u għodd kemm inqabdu nies u annimali. Agħmel dan maʼ Elegħażar il-qassis u mal-kapijiet tal-familji tal-ġemgħa.
27 Aqsam bin-nofs kulma nsteraq bejn dawk fl-armata li ħadu sehem fil-battalja u l-bqija tal-ġemgħa.
28 Bħala taxxa għal Ġeħova, ħu mingħand is-suldati li marru għall-battalja ruħ* minn kull 500, mill-bnedmin, mill-baqar, mill-ħmir, u min-nagħaġ.
29 Għandkom tiħduha mis-sehem tagħhom u tagħtuha lil Elegħażar il-qassis bħala l-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova.
30 U mis-sehem li ngħata lill-Iżraelin għandek tieħu wieħed minn kull 50, mill-bnedmin, mill-baqar, mill-ħmir, min-nagħaġ, u minn kull tip taʼ bhima, u tagħtihom lil-Leviti, li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mat-tabernaklu taʼ Ġeħova.”
31 Għalhekk, Mosè u Elegħażar il-qassis għamlu bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
32 Il-bqija ta’ dak li nsteraq mis-suldati kien 675,000 nagħġa,
33 72,000 baqra,
34 u 61,000 ħmar.
35 In-nisa li ma kellhomx relazzjonijiet sesswali kienu 32,000.
36 Is-sehem taʼ dawk li ħarġu għall-battalja kien 337,500 mill-merħla tan-nagħaġ.
37 It-taxxa għal Ġeħova mill-merħla tan-nagħaġ kienet 675.
38 U mill-merħla tal-baqar kien hemm 36,000, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet 72.
39 U l-ħmir kienu 30,500, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet 61.
40 U kien hemm 16,000 bniedem, u t-taxxa fuqhom għal Ġeħova kienet 32 ruħ.
41 Imbagħad Mosè ta t-taxxa bħala l-kontribuzzjoni taʼ Ġeħova lil Elegħażar il-qassis, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.
42 Is-sehem tal-Iżraelin, li Mosè kien qasam minn mas-sehem tal-irġiel li ggwerraw,
43 kien 337,500 mill-merħla tan-nagħaġ,
44 36,000 mill-merħla tal-baqar,
45 30,500 mill-ħmir,
46 u 16,000 min-nies.
47 Imbagħad mis-sehem tal-Iżraelin, Mosè ħa wieħed minn 50 mill-bnedmin u mill-annimali, u tahom lil-Leviti, li jieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mat-tabernaklu taʼ Ġeħova, bħalma Ġeħova kien ikkmandah.
48 Imbagħad l-irġiel inkarigati li kienu fuq l-eluf tal-armata, il-kapijiet tal-eluf u l-kapijiet tal-mijiet, marru għand Mosè,
49 u qalulu: “Il-qaddejja tiegħek għoddew il-gwerriera li jinsabu taħt il-kmand tagħna, u lanqas wieħed ma ġie rapportat li hu nieqes minna.
50 Hu għalhekk li kull wieħed minna ħa jippreżenta dak li sab bħala offerta lil Ġeħova, oġġetti tad-deheb, ċpiepet li jintlibsu mal-għaksa, ċpiepet, ċrieket tas-siġill, imsielet, u ġojjelli oħra, sabiex nagħmlu tpattija għalina* quddiem Ġeħova.”
51 Għalhekk, Mosè u Elegħażar il-qassis aċċettaw id-deheb mingħandhom, jiġifieri l-ġojjelli kollha.
52 Id-deheb kollu tal-kontribuzzjoni li l-kapijiet tal-eluf u l-kapijiet tal-mijiet taw lil Ġeħova kien 16,750 xekel.*
53 Kull raġel mill-armata ħa minn dak li nsteraq.
54 U Mosè u Elegħażar il-qassis aċċettaw id-deheb mingħand il-kapijiet tal-eluf u tal-mijiet u ħaduh fit-tinda tal-laqgħa bħala tifkira għall-Iżraelin quddiem Ġeħova.
Noti taʼ taħt
^ Din hi espressjoni poetika li tirreferi għall-mewt.
^ Jew “għall-armata.”
^ Jew “għall-armata.”
^ Jew “il-kampijiet imdawrin bil-ħitan.”
^ Jew “għal ruħna.”