Numri 34:1-29
34 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu:
2 “Agħti dawn l-istruzzjonijiet lill-Iżraelin: ‘Meta tidħlu fl-art taʼ Kangħan, din se tkun l-art li tingħata lilkom bħala wirt bil-fruntieri tagħha.
3 “‘Il-fruntiera tagħkom tan-Nofsinhar se tkun mid-deżert taż-Żin maġenb Edom, u l-fruntiera tagħkom tan-Nofsinhar fuq in-naħa tal-Lvant se tkun minn tarf il-Baħar il-Mielaħ.*
4 Il-fruntiera tagħkom tbiddel id-direzzjoni biex tgħaddi min-naħa tan-Nofsinhar tat-telgħa t’Għakrabbim u tkompli lejn iż-Żin, u tispiċċa fin-Nofsinhar taʼ Kades-barnegħa. Imbagħad tibqaʼ sejra sa Ħasar-addar u tkompli lejn Għasmon.
5 Il-fruntiera tbiddel id-direzzjoni f’Għasmon lejn il-Wied tal-Eġittu, u tispiċċa ħdejn il-Baħar.*
6 “‘Il-fruntiera tal-Punent tagħkom tkun il-Baħar il-Kbir* u l-kosta. Din tkun il-fruntiera tagħkom tal-Punent.
7 “‘Issa din tkun il-fruntiera tagħkom tat-Tramuntana: Mill-Baħar il-Kbir timmarkaw il-fruntiera tagħkom sal-Muntanja Ħor.
8 Mill-Muntanja Ħor timmarkaw il-fruntiera sa Lebo-ħamat,* u l-fruntiera tispiċċa f’Sedad.
9 Il-fruntiera tibqaʼ sejra sa Żifron, u tispiċċa f’Ħasar-għenan. Din tkun il-fruntiera tagħkom tat-Tramuntana.
10 “‘Bħala l-fruntiera tagħkom għan-naħa tal-Lvant, għandkom timmarkaw minn Ħasar-għenan sa Sefam.
11 Il-fruntiera tkun minn Sefam sa Ribla fil-Lvant t’Għajn, u tinżel u taqsam l-għoljiet lejn il-Lvant tal-Baħar taʼ Kinneret.*
12 Il-fruntiera tkun sal-Ġordan, u tispiċċa mal-Baħar il-Mielaħ. Din tkun artkom bil-fruntieri taʼ madwarha.’”
13 Għalhekk, Mosè ta dawn l-istruzzjonijiet lill-Iżraelin: “Din hi l-art li se tqassmu bix-xorti biex tkun tagħkom, bħalma Ġeħova kkmanda li għandha tingħata lid-disaʼ tribujiet u nofs.
14 Għax it-tribù taʼ Ruben, it-tribù taʼ Gad, u nofs it-tribù taʼ Manasse diġà ħadu l-wirt tagħhom.
15 Iż-żewġ tribujiet u nofs diġà ħadu l-wirt tagħhom fir-reġjun fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan ħdejn Ġeriko, lejn tlugħ ix-xemx.”
16 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu:
17 “Dawn huma l-ismijiet tal-irġiel li se jqassmu l-art biex tkun tagħkom: Elegħażar il-qassis u Ġożwè bin Nun.
18 U tieħdu kap minn kull tribù biex iqassam l-art bħala l-wirt tagħkom.
19 Dawn huma l-ismijiet tal-kapijiet: mit-tribù taʼ Ġuda, Kaleb bin Ġefunne;
20 mit-tribù taʼ Simegħon, Semwel bin Għammiħud;
21 mit-tribù taʼ Benjamin, Elidad bin Kislon;
22 mit-tribù taʼ Dan, Bukki bin Ġogli;
23 mit-tfal taʼ Ġużeppi mit-tribù taʼ Manasse, Ħannijel bin Efod;
24 mit-tribù t’Efrajm, Kemwel bin Siftan;
25 mit-tribù taʼ Żebulun, Elisafan bin Parnak;
26 mit-tribù taʼ Issakar, Paltijel bin Għażżan;
27 mit-tribù t’Aser, Aħiħud bin Selomi;
28 u mit-tribù taʼ Naftali, Pedaħel bin Għammiħud.”
29 Dawn huma dawk li Ġeħova kkmandahom biex iqassmu l-art taʼ Kangħan lill-Iżraelin.
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri l-Baħar il-Mejjet.
^ Jiġifieri l-Baħar il-Kbir, il-Mediterran.
^ Jiġifieri l-Mediterran.
^ Jew “sad-daħla taʼ Ħamat.”
^ Jiġifieri l-Għadira taʼ Ġennesaret, jew il-Baħar tal-Galilija.