Numri 4:1-49

  • Is-servizz tal-Keħatin (1-20)

  • Is-servizz tal-Gersonin (21-28)

  • Is-servizz tal-Merarin (29-33)

  • Iċ-ċensiment fil-qosor (34-49)

4  Ġeħova issa kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:  “Għoddu lit-tfal taʼ Keħat minn fost it-tfal taʼ Levi, skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom,  lil dawk kollha minn 30 sa 50 sena li qegħdin fil-grupp inkarigat biex jaħdem fit-tinda tal-laqgħa.  “Dan hu s-servizz tat-tfal taʼ Keħat fit-tinda tal-laqgħa. Hu xi ħaġa mill-iktar qaddisa.  Meta l-Iżraelin ikunu se jitilqu minn post għal ieħor, Aron u t-tfal tiegħu jidħlu fit-tinda u jniżżlu l-purtiera li tifred u jgħattu biha l-arka tat-Testimonjanza.  Jgħattuha bil-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien u fuqha jifirxu biċċa drapp blu u jdaħħlu l-lasti li jġorruha minnhom f’posthom.  “Huma jifirxu wkoll biċċa drapp blu fuq il-mejda tal-ħobż tal-preżenza, u jpoġġu fuqha l-platti, it-tazzi, l-iskutelli, u l-buqari tal-offerta tax-xorb. L-offerta regolari tal-ħobż għandha tibqaʼ fuq il-mejda.  Fuqhom jifirxu biċċa drapp aħmar jgħajjat, jgħattu l-mejda bi ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien, u jdaħħlu l-lasti li jġorruha minnhom f’posthom.  Imbagħad jieħdu biċċa drapp blu u jgħattu l-gandlier għad-dawl, flimkien mal-lampi tiegħu, l-għodod li jitfu l-ftila bihom, ir-reċipjenti għall-ftejjel maħruqin tiegħu, u r-reċipjenti kollha għaż-żejt li jintużaw għal-lampi. 10  Huma jgeżwru lilu u l-għodod kollha tiegħu fi ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien u jpoġġuh fuq lasta biex jinġarr. 11  U fuq l-artal tad-deheb jifirxu biċċa drapp blu, jgħattuh bi ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien, u jdaħħlu l-lasti li jġorruh minnhom f’posthom. 12  Imbagħad jieħdu l-għodod kollha li jaqdu bihom regolarment fil-post qaddis, iqegħduhom f’biċċa drapp blu, jgħattuhom bi ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien, u jpoġġuhom fuq lasta biex jinġarru. 13  “Huma jridu jneħħu l-irmied* minn fuq l-artal u jifirxu fuqu biċċa drapp tas-suf vjola. 14  Iqiegħdu fuqu l-għodod kollha tiegħu li jintużaw meta jaqdu ħdejn l-artal: ir-reċipjenti għall-ġamar, il-frieket, il-pali, u l-iskutelli. Huma għandhom jifirxu fuqu ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien u jdaħħlu l-lasti li jġorruh minnhom f’posthom. 15  “Aron u t-tfal tiegħu jridu jkunu laħqu għattew l-affarijiet tal-post qaddis u l-għodod kollha tiegħu meta l-Iżraelin ikunu se jitilqu. Imbagħad imorru t-tfal taʼ Keħat biex iġorruhom, imma m’għandhomx imissu l-affarijiet tal-post qaddis inkella jmutu. L-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mat-tinda tal-laqgħa huma r-responsabbiltà* tat-tfal taʼ Keħat. 16  “Elegħażar bin Aron il-qassis għandu r-responsabbiltà li jieħu ħsieb iż-żejt għad-dawl, l-inċens ifuħ, l-offerta regolari taċ-ċereali,* u ż-żejt tad-dlik. Hu jieħu ħsieb it-tabernaklu kollu u kulma fih, inkluż il-post qaddis u l-għodod tiegħu.” 17  Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u lil Aron u jgħidilhom: 18  “Tħallux it-tribù tal-familji tal-Keħatin jinqerdu minn fost il-Leviti. 19  Imma agħmlu dan għalihom sabiex jibqgħu ħajjin u ma jmutux talli jersqu lejn l-affarijiet l-iktar qaddisin. Aron u t-tfal tiegħu jidħlu u jinkarigaw lil kull wieħed minnhom x’għandu jagħmel u x’għandu jġorr. 20  Huma m’għandhomx jidħlu u jaraw l-affarijiet qaddisin, lanqas għal mument wieħed biss, inkella jmutu.” 21  Imbagħad Ġeħova kellem lil Mosè u qallu: 22  “Għodd lit-tfal taʼ Gerson skont dar missirijiethom u l-familji tagħhom. 23  Irreġistra lil dawk kollha minn 30 sa 50 sena li qegħdin fil-grupp inkarigat biex jaqdu fit-tinda tal-laqgħa. 24  Il-familji tal-Gersonin huma inkarigati biex jieħdu ħsieb u jġorru dan li ġej: 25  Id-drappijiet tat-tined tat-tabernaklu u t-tinda tal-laqgħa, il-materjal li jgħattiha u l-ġlud tal-bumerin meħjutin flimkien li qegħdin fuqu, il-purtiera tad-daħla tat-tinda tal-laqgħa, 26  il-purtieri mdendlin tal-bitħa, il-purtiera tad-daħla tal-bitħa li hi madwar it-tabernaklu u l-artal, il-ħbula tat-tinda tagħhom u l-għodod kollha tagħhom, u l-affarijiet kollha li jintużaw fis-servizz tiegħu. Dan hu l-inkarigu tagħhom. 27  Aron u t-tfal tiegħu jridu jieħdu ħsieb is-servizz tal-Gersonin u dak kollu li għandhom iġorru. U intom tgħidulhom x’għandhom iġorru u din tkun ir-responsabbiltà tagħhom. 28  Dan hu s-servizz li l-familji tal-Gersonin għandhom jagħmlu fit-tinda tal-laqgħa. Ir-responsabbiltajiet tagħhom qegħdin taħt id-direzzjoni taʼ Itamar bin Aron il-qassis. 29  “Lit-tfal taʼ Merari tirreġistrahom skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom. 30  Tirreġistra lil dawk kollha minn 30 sa 50 sena li qegħdin fil-grupp inkarigat fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 31  Huma responsabbli biex iġorru dawn l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mas-servizz tagħhom tat-tinda tal-laqgħa: il-frejms magħmulin mit-twavel għat-tabernaklu, il-lasti, il-kolonni, u l-pedestalli b’toqba fihom; 32  il-pilastri taʼ madwar il-bitħa, il-pedestalli tagħhom b’toqba fihom, l-imsiemer u l-ħbula tat-tinda tagħhom flimkien mal-għodod kollha tagħhom, u s-servizz kollu li għandu x’jaqsam maʼ dawn l-affarijiet. Tridu tinkarigaw lil kull wieħed x’għandu jġorr skont ismu. 33  Dan hu kif il-familji tat-tfal taʼ Merari jridu jaqdu fit-tinda tal-laqgħa, taħt id-direzzjoni taʼ Itamar bin Aron il-qassis.” 34  Imbagħad Mosè, Aron, u l-kapijiet tal-ġemgħa rreġistraw lit-tfal tal-Keħatin skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom, 35  lil dawk kollha li kellhom minn 30 sa 50 sena li kienu fil-grupp inkarigat fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 36  L-ammont taʼ dawk irreġistrati skont il-familji tagħhom kien 2,750. 37  Dawn ġew irreġistrati mill-familji tal-Keħatin, dawk kollha li kienu jaqdu fit-tinda tal-laqgħa. Mosè u Aron irreġistrawhom skont il-kmand taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè. 38  It-tfal taʼ Gerson ġew irreġistrati skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom, 39  dawk kollha li kellhom minn 30 sa 50 sena li kienu fil-grupp inkarigat fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 40  L-ammont taʼ dawk irreġistrati skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom kien 2,630. 41  Dawn kienu l-uħud irreġistrati mill-familji tat-tfal taʼ Gerson, dawk kollha li kienu jaqdu fit-tinda tal-laqgħa. Huma ġew irreġistrati minn Mosè u Aron skont il-kmand taʼ Ġeħova. 42  It-tfal taʼ Merari ġew irreġistrati skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom, 43  dawk kollha li kellhom minn 30 sa 50 sena li kienu fil-grupp inkarigat fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa. 44  L-ammont taʼ dawk irreġistrati skont il-familji tagħhom kien 3,200. 45  Dawn kienu l-uħud irreġistrati mill-familji tat-tfal taʼ Merari. Huma ġew irreġistrati minn Mosè u Aron skont il-kmand taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè. 46  Mosè, Aron, u l-kapijiet t’Iżrael irreġistraw lil dawn il-Leviti kollha skont il-familji tagħhom u dar missirijiethom. 47  Dawn kellhom minn 30 sa 50 sena u kollha kienu inkarigati biex jagħtu servizz fit-tinda tal-laqgħa u jġorru affarijiet li għandhom x’jaqsmu magħha. 48  L-ammont taʼ dawk irreġistrati kien 8,580. 49  Dawn ġew irreġistrati skont il-kmand taʼ Ġeħova permezz taʼ Mosè, kull wieħed skont dak li ġie inkarigat jagħmel u jġorr; ġew irreġistrati bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.

Noti taʼ taħt

Jew “l-irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.
Letteralment “it-tagħbija.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.