Proverbji 14:1-35
14 Il-mara li hi vera għarfa tibni d-dar tagħha,Imma l-mara belha twaqqagħha b’idejha stess.
2 Min jagħmel it-tajjeb jirrispetta ħafna lil* Ġeħova,Imma min hu diżonest* ma jirrispettahx.
3 Il-kliem arroganti tal-iblah hu bħal daqqa taʼ bastun,Imma dak li jgħid l-għaref se jipproteġih.
4 Fejn m’hemmx baqar, il-maxtura* tkun nadifa,Imma fejn hemm barri b’saħħtu hemm ħafna ħsad.
5 Xhud leali ma jigdibx,Imma xhud falz jigdeb maʼ kull nifs li jieħu.
6 Xi ħadd arroganti* jixtieq ikun għaref, iżda ma jistax,Imma xi ħadd li kapaċi jifhem hu faċli li jitgħallem.
7 Żomm ’il bogħod minn xi ħadd iblah,Għax mhu se titgħallem xejn minn dak li jgħid.
8 L-għerf jgħin lill-għaqli jifhem f’liema triq qiegħed,Imma xi ħadd stupidu jiġi mqarraq* bil-bluha tiegħu stess.
9 Il-boloh jidħqu bid-dnubiet li jagħmlu,*Imma l-onesti jixtiequ jagħmlu paċi.
10 Meta xi ħadd ikun imdejjaq, hu biss ikun jaf x’qed iħoss,U meta jkun ferħan, ħadd ma jifhem il-ferħ li qed iħoss.
11 Id-dar taʼ xi ħadd ħażin se tinqered,Imma t-tinda tal-ġust se tkompli tikber.
12 Bniedem jistaʼ jaħseb li qiegħed fit-triq it-tajba,Imma mbagħad din twassal għall-mewt.
13 Anki jekk xi ħadd ikun qed jidħaq, jistaʼ jkun qed ibati,U l-ferħ jistaʼ jinbidel fi dwejjaq kbar.
14 Min jitbiegħed minn Alla jbati l-konsegwenzi taʼ kif jgħix,Imma bniedem tajjeb igawdi l-barkiet taʼ dak li jagħmel.
15 Xi ħadd bla esperjenza jemmen kollox,Imma l-għaqli jaħseb sew dwar kull ħaġa li se jagħmel.
16 Min hu għaref joqgħod attent u jwarrab mill-ħażen,Imma l-istupidu ma jagħtix kas* u jafda fih innifsu.
17 Min jirrabja malajr jagħmel affarijiet bla sens,Imma min jaħseb qabel jaġixxi* hu mibgħud.
18 Dawk bla esperjenza se jaġixxu bi bluha,Imma l-għarfien isebbaħ lill-għorrief bħal kuruna.
19 Il-ħżiena se jkollhom imilu quddiem it-tajbin,U dawk mill-agħar se jmilu quddiem il-bieb tal-ġusti.
20 Raġel fqir anki l-ħbieb tiegħu jobogħduh,Imma xi ħadd sinjur għandu ħafna ħbieb.
21 Min jobgħod lil dawk li jagħmilha magħhom jidneb,Imma min juri ħniena mal-batut hu ferħan.
22 Dawk li jippjanaw li jagħmlu l-ħażen se jiżvijaw,Imma dawk li għandhom intenzjonijiet tajbin se jintwerew imħabba* u lealtà.
23 Ix-xogħol iebes kollu hu taʼ benefiċċju,Imma min jitkellem ħafna u jagħmel ftit ma jieħu xejn.
24 Il-ġid tal-għorrief isebbaħhom bħal kuruna;Imma l-istupidi se jibqgħu stupidi.
25 Xhud onest isalva l-ħajjiet,Imma xhud li jqarraq jigdeb maʼ kull nifs li jieħu.
26 Dak li jirrispetta ħafna lil* Ġeħova jafdah f’kollox,U billi jagħmel hekk jipproteġi lit-tfal tiegħu.
27 In-nies li jirrispettaw ħafna lil* Ġeħova se jkomplu jgħixu,Għax li jagħmlu hekk jgħinhom jevitaw in-nases tal-mewt.
28 Re li jkollu ħafna nies taħtu jiġi onorat ħafna,Imma mexxej li m’għandu lil ħadd taħtu jiġi fix-xejn.
29 Min ma jirrabjax malajr hu għaref,Imma min hu bla paċenzja juri kemm hu iblah.
30 Qalb kalma tgħin biex il-ġisem ikun b’saħħtu,*Imma l-għira therri l-għadam.
31 Min jieħu vantaġġ mill-batut ikun qed jgħajjar lil Dak li Għamlu,Imma min juri ħniena mal-fqir jigglorifikah.
32 Il-ħażin se jaqaʼ fil-ħażen tiegħu stess,Imma l-ġust se jiġi protett minħabba l-lealtà tiegħu.
33 Persuna* li kapaċi tifhem ma toqgħodx titkellem dwar l-għerf li għandha,Imma min hu stupidu dejjem jiftaħar dwar dak li jaf.
34 Poplu se jiġi rrispettat jekk jagħmel it-tajjeb,Imma poplu li jidneb jiġi ddiżonorat.
35 Re jieħu pjaċir b’qaddej li jaġixxi b’għaqal,Imma hu jirrabja ħafna maʼ min jagħmel affarijiet taʼ mistħija.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “jibżaʼ minn.”
^ Jew “qarrieq.”
^ Jiġifieri fejn jitimgħu l-annimali.
^ Jew “li jwaqqaʼ kollox għaċ-ċajt.”
^ Jew forsi “jqarraq b’oħrajn.”
^ Jew “bil-ħsieb li jirranġaw l-affarijiet.”
^ Jew “jirrabja.”
^ Jew “min kapaċi jaħseb.”
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “jibżaʼ minn.”
^ Letteralment “jibżgħu minn.”
^ Letteralment “hi l-ħajja tal-ġisem.”
^ Letteralment “Il-qalb taʼ xi ħadd.”