Proverbji 17:1-28
17 Aħjar tiekol biċċa ħobż niexfa fejn hemm il-paċi,*Milli ħafna ikel* f’dar fejn hemm l-argumenti.
2 Qaddej għaqli se jmexxi fuq iben li jagħmel affarijiet taʼ mistħija;Hu se jkollu sehem mill-wirt bħal wieħed mill-aħwa.
3 In-nar jirfina l-fidda u d-deheb,Imma Ġeħova jeżamina l-qalb tan-nies.
4 Bniedem ħażin jieħu pjaċir jismaʼ kliem li jweġġaʼ,U min hu qarrieq joqgħod jismaʼ kliem li jagħmel il-ħsara.
5 Min jidħaq bil-foqra jkun qed jgħajjar lil Dak li Għamlu,U min jieħu pjaċir bid-diżastru li jiġi fuq ħaddieħor żgur li se jiġi kkastigat.
6 In-neputijiet huma bħal kuruna għal dawk avvanzati fl-età,U t-tfal* huma kburin b’missierhom.*
7 Ma tistennihiex li iblah jitkellem bis-sens,*Aħseb u ara li mexxej* jigdeb!
8 Min għandu rigal qisu għandu ħaġra prezzjuża;*Hu se jirnexxi f’kulma jagħmel.
9 Kull min jaħfer* żball ikun qed juri mħabba,Imma min jibqaʼ jitkellem dwaru jifred lill-ħbieb tal-qalb.
10 Wieħed li kapaċi jifhem jitgħallem meta jiġi kkoreġut,Imma wieħed stupidu lanqas jekk jaqlaʼ 100 daqqa ma jitgħallem.
11 Raġel ħażin moħħu biss biex jirribella,Imma se jintbagħat messaġġier aħrax biex jikkastigah.
12 Aħjar tiltaqaʼ m’orsa li tilfet il-frieħ tagħha,Milli maʼ xi ħadd stupidu li jafda fih innifsu.
13 Jekk xi ħadd ipatti t-tajjeb bil-ħażin,Il-familja tiegħu se tibqaʼ tesperjenza affarijiet ħżiena.
14 Li taqlaʼ ġlieda hu bħal li tħalli l-ilmijiet joħorġu;*Itlaq qabel ma jinqalaʼ xi argument.
15 Ġeħova jobgħod lil kull min iħalli lill-ħażin jgħaddiha lixxaJew jikkundanna lil xi ħadd ġust.
16 X’jiswa li xi ħadd stupidu jkun jistaʼ jkollu l-għerfJekk ma jkunx iridu?*
17 Ħabib veru juri mħabba l-ħin kollu.
Hu bħal ħu li tistaʼ tistrieħ fuqu meta tħossok imdejjaq.
18 Raġel iblah jagħmel ftehim*Biex jagħmel tajjeb għal xi ħadd quddiem sieħbu.
19 Xi ħadd li jħobb jargumenta se jiżbalja,U dak li dejjem jiftaħar għad iġib diżastru fuqu.*
20 Min għandu qalbu ħażina mhux se jirnexxi,U min jitkellem bil-qerq se jidħol fl-inkwiet.
21 Missier li għandu tifel stupidu se jkun imdejjaq ħafna;U missier tifel li m’għandux sens mhux ferħan.
22 Qalb ferħana hi bħal mediċina li tfejjaq,Imma d-dwejjaq jiħdulek saħħtek.*
23 Raġel ħażin jaċċetta t-tixħim bil-moħbiBiex jgħawweġ il-ġustizzja.
24 Min jaf jagħraf it-tajjeb u l-ħażin jiffoka fuq li jkollu l-għerf,Imma l-istupidu moħħu f’ħafna affarijiet.
25 Tifel stupidu jġiegħel lil missieru jkun imdejjaq ħafna,U jġib uġigħ taʼ qalb* lil dik li wellditu.
26 Mhuwiex tajjeb li tikkastiga* lil xi ħadd ġust.
Li ssawwat nies onorabbli jmur kontra dak li hu tajjeb.
27 Min għandu l-għerf joqgħod attent x’jgħid,U min jaf jagħraf it-tajjeb u l-ħażin jibqaʼ kalm.*
28 Anki iblah jitqies għaref meta jibqaʼ kwiet,U min iżomm ħalqu magħluq jitqies li jaf jagħraf it-tajjeb u l-ħażin.
Noti taʼ taħt
^ Jew “il-kwiet.”
^ Letteralment “sagrifiċċji.”
^ Jew “is-subien.”
^ Jew “bil-ġenituri.”
^ Jew “b’mod ġust.”
^ Jew “raġel nobbli.”
^ Jew “ħaġra li ġġib l-approvazzjoni.”
^ Letteralment “jgħatti.”
^ Jew “bħal li twaqqaʼ ħajt li jkun qed iżomm l-ilma.”
^ Jew “Jekk hu iblah.” Letteralment “ma jkollux qalb.”
^ Jew “jieħu b’idejn ħaddieħor.”
^ Jew “Kull min jgħolli d-daħla tal-bieb tiegħu jfittex tisbita.”
^ Jew “inixxfu l-għadam.”
^ Letteralment “imrar.”
^ Jew “tagħti multa.”
^ Letteralment “iżomm spirtu biered.”