Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 19:1-21
19 Wara dan smajt leħen għoli qisu taʼ folla kbira fis-sema. Huma qalu: “Faħħru lil Jah!* L-Alla tagħna hu Dak li Jsalva, glorjuż, u b’saħħtu ħafna,
2 għax il-ġudizzji tiegħu huma taʼ min jafdahom u ġusti. Għax hu ġġudika l-prostituta l-kbira li ħassret l-art bl-immoralità sesswali* u vvendika ruħu minnha talli qatlet l-ilsiera tiegħu.”
3 U smajthom jgħidu għat-tieni darba: “Faħħru lil Jah!* Id-duħħan tagħha waqt li qed taqbad jibqaʼ tielaʼ għal dejjem taʼ dejjem.”
4 U l-24 anzjan u l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin niżlu għarkopptejhom u qiemu lil Alla li joqgħod bilqiegħda fuq it-tron, u qalu: “Ammen! Faħħru lil Jah!”*
5 Ukoll, ġie leħen mit-tron u qal: “Faħħru lill-Alla tagħna, intom l-ilsiera kollha tiegħu kbar u żgħar u li tirrispettawh ħafna.”*
6 U jien smajt bħal ħoss taʼ folla kbira, taʼ ħafna ilmijiet, u taʼ ragħad qawwi. Huma qalu: “Faħħru lil Jah,* għax Ġeħova* l-Alla tagħna, li Jistaʼ Kollox, beda jmexxi bħala re!
7 Ejja nifirħu ħafna u nagħtuh glorja, għax wasal iż-żwieġ tal-Ħaruf, u l-mara tiegħu ppreparat lilha nfisha għal dan.
8 Iva, hi ngħatat permess li tilbes ħwejjeġ tal-għażel fin, nodfa, u jleqqu, għax l-għażel fin jirrappreżenta l-affarijiet ġusti li għamlu l-qaddisin.”
9 Hu qalli: “Ikteb: Ferħanin huma dawk li ġew mistiedna għall-ikla taʼ filgħaxija taż-żwieġ tal-Ħaruf.” Qalli wkoll: “Dal-kliem li qal Alla hu veru.”
10 Għal dan jien inżilt għarkopptejja biex inqimu. Imma hu qalli: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! Jien sempliċement ilsir bħalek u bħal ħutek li għandhom ix-xogħol li jagħtu xhieda dwar Ġesù. Qim lil Alla! Għax l-iskop tal-profeziji hu li tingħata xhieda dwar Ġesù.”
11 Rajt is-sema tinfetaħ, u kien hemm żiemel abjad. U dak li kien riekeb fuqu kien jismu Leali u Veru, u kien jiġġudika u jiġġieled b’mod ġust.
12 Għajnejh huma bħal fjamma nar, u fuq rasu għandu ħafna kuruni.* Fuqu għandu miktub isem li ħadd ma jafu ħliefu.
13 Hu liebes ħwejjeġ imċappsin* bid-demm, u ismu hu: Il-Kelma t’Alla.
14 L-armati tas-sema kienu warajh fuq żwiemel bojod, u kienu lebsin għażel fin, abjad, u nadif.
15 Minn ħalqu kienet ħierġa xabla twila taqtaʼ li biha se jikkastiga lill-popli, u hu se jirgħahom b’virga tal-ħadid. Iktar minn hekk, hu jagħsar l-għeneb li hemm fil-post fejn jintgħasar l-għeneb tal-Alla li Jistaʼ Kollox. Il-post jirrappreżenta r-rabja kbira ħafna tiegħu.
16 Fuq ħwejġu, iva, fuq koxxtu, għandu isem miktub: Ir-Re tar-rejiet u s-Sid tas-sidien.
17 Jien rajt ukoll anġlu wieqaf fix-xemx, u hu għajjat b’leħen għoli lill-għasafar kollha tas-sema u qalilhom: “Ejjew hawn, inġabru f’daqqa għall-ikla l-kbira taʼ filgħaxija t’Alla,
18 biex tieklu l-laħam tar-rejiet, tal-kmandanti militari, tal-irġiel b’saħħithom, taż-żwiemel u taʼ dawk li jirkbu fuqhom, u l-laħam taʼ kulħadd, tal-ħielsa u l-ilsiera, u taż-żgħar u l-kbar.”
19 U rajt il-bhima salvaġġa, ir-rejiet tal-art, u l-armati tagħhom miġburin flimkien biex jiġġieldu kontra l-wieħed li kien riekeb fuq iż-żiemel u l-armata tiegħu.
20 Il-bhima salvaġġa nqabdet, u magħha nqabad ukoll il-profeta falz li kien jagħmel il-mirakli* quddiemha u li bihom qarraq b’dawk li rċivew il-marka tal-bhima salvaġġa u b’dawk li kienu jagħtu qima lill-istatwa tagħha. Waqt li l-bhima salvaġġa u l-profeta falz kienu għadhom ħajjin, ġew imwaddbin fl-għadira tan-nar li taqbad bil-kubrit.*
21 Imma l-bqija nqatlu bix-xabla twila li kienet ħierġa minn ħalq il-wieħed li kien riekeb fuq iż-żiemel. U l-għasafar kollha mtlew b’laħamhom.
Noti taʼ taħt
^ Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.
^ Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.
^ Letteralment “li tibżgħu minnu.”
^ Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.
^ Letteralment “dijademi.”
^ Jew forsi “mraxxin.”
^ Letteralment “is-sinjali.”
^ Dan jirreferi għal tip taʼ ġebla li taqbad bin-nar.