Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 4:1-11

  • Il-viżjoni tal-preżenza taʼ Ġeħova fis-sema (1-11)

    • Ġeħova bilqiegħda fuq it-tron tiegħu (2)

    • L-24 anzjan bilqiegħda fuq tronijiet (4)

    • L-erbaʼ ħlejjaq ħajjin (6)

4  Wara dan rajt bieb miftuħ fis-sema, u l-ewwel leħen li smajt kien bħal taʼ trumbetta. Dan qalli: “Itlaʼ hawn u nurik dak li se jiġri.”  Imbagħad ġie mill-ewwel fuqi l-ispirtu t’Alla u rajt tron fis-sema, u fuqu kien hemm xi ħadd bilqiegħda.  Il-Wieħed li kien bilqiegħda kien jidher bħal ħaġra tad-djaspru u ħaġra tas-sardju,* u mad-dawra tat-tron kien hemm qawsalla li kienet tidher bħall-iżmerald.  Madwar it-tron kien hemm 24 tron, u fuq dawn it-tronijiet rajt 24 anzjan* bilqiegħda lebsin l-abjad u b’kuruna tad-deheb fuq rashom.  Mit-tron kienu ħerġin sajjetti, ilħna, u ragħad. Quddiem it-tron kien hemm sebaʼ lampi tan-nar jaqbdu li jirrappreżentaw is-sebaʼ spirti t’Alla.  Quddiem it-tron kien hemm bħal baħar tal-ħġieġ li jidher qisu kristall. Fin-nofs ħdejn it-tron u madwaru kien hemm erbaʼ ħlejjaq ħajjin mimlijin għajnejn fuq quddiem u wara.  L-ewwel ħliqa ħajja kienet bħal iljun, it-tieni bħal barri, it-tielet kellha wiċċ bħal taʼ bniedem, u r-rabaʼ kienet bħal ajkla ttir.  Kull waħda mill-erbaʼ ħlejjaq ħajjin kellha sitt iġwienaħ li kienu mimlijin għajnejn mad-dawra u minn taħt. Il-ħin kollu, lejl u nhar, huma jgħidu: “Qaddis, qaddis, qaddis hu Alla Ġeħova,* Dak li Jistaʼ Kollox, li eżista qabel, li jeżisti, u li ġej.”  Kull darba li l-ħlejjaq ħajjin jigglorifikaw, jonoraw, u jirringrazzjaw lill-Wieħed li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron, il-Wieħed li jgħix għal dejjem taʼ dejjem, 10  l-24 anzjan jinżlu għarkopptejhom u jqimuh, jiġifieri lill-Wieħed li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron u li jgħix għal dejjem taʼ dejjem. Huma jitfgħu l-kuruni tagħhom quddiem it-tron, u jgħidu: 11  “Ġeħova* Alla tagħna, int jistħoqqlok li tirċievi l-glorja, l-unur, u l-qawwa, għax int ħlaqt l-affarijiet kollha, u peress li ridt hekk, dawn bdew jeżistu u nħalqu.”

Noti taʼ taħt

Jew “ħaġra prezzjuża ħamra.”