Ir-Rivelazzjoni li Rċieva Ġwanni (L-Apokalissi) 7:1-17
7 Wara, jien rajt erbaʼ anġli weqfin fl-erbaʼ kantunieri tad-dinja. Huma kienu qed iżommu sod l-erbat irjieħ tad-dinja, ħalli ebda riħ ma jonfoħ fuq l-art, il-baħar, jew xi siġra.
2 U rajt anġlu ieħor tielaʼ minn fejn titlaʼ x-xemx* b’siġill tal-Alla l-ħaj. Hu għajjat b’leħen għoli lill-erbaʼ anġli li ngħatatilhom l-awtorità li jagħmlu ħsara lill-art u lill-baħar,
3 u qalilhom: “Sakemm inkunu għamilna siġill fuq moħħ l-ilsiera tal-Alla tagħna, tagħmlux ħsara lill-art, lill-baħar, jew lis-siġar.”
4 Jien smajt li l-ammont taʼ dawk li kellhom is-siġill kien 144,000. Dawn kienu minn kull tribù tat-tfal t’Iżrael:
5 Mit-tribù taʼ Ġuda 12,000;mit-tribù taʼ Ruben 12,000;mit-tribù taʼ Gad 12,000;
6 mit-tribù t’Aser 12,000;mit-tribù taʼ Naftali 12,000;mit-tribù taʼ Manasse 12,000;
7 mit-tribù taʼ Simegħon 12,000;mit-tribù taʼ Levi 12,000;mit-tribù taʼ Issakar 12,000;
8 mit-tribù taʼ Żebulun 12,000;mit-tribù taʼ Ġużeppi 12,000;u mit-tribù taʼ Benjamin 12,000.
9 Wara rajt folla kbira li ebda bniedem ma setaʼ jgħoddha, minn kull ġens, tribù, poplu, u lingwa.* Dawn kienu bilwieqfa quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin l-abjad, u f’idhom kellhom friegħi tal-palm.
10 Huma baqgħu jgħajtu b’leħen għoli u jgħidu b’apprezzament kbir: “Alla tagħna, li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron, u l-Ħaruf salvawna.”
11 L-anġli kollha kienu weqfin madwar it-tron, l-anzjani,* u l-erbaʼ ħlejjaq ħajjin, u huma niżlu għarkopptejhom wiċċhom ’l isfel u qiemu lil Alla.
12 Huma qalu: “Ammen! Kulħadd għandu jfaħħar, jigglorifika, jirringrazzja, u jonora għal dejjem taʼ dejjem lill-Alla tagħna li għandu l-għerf, l-awtorità, u s-saħħa. Ammen.”
13 Imbagħad, wieħed mill-anzjani staqsieni: “Min huma dawn li lebsin l-abjad u minn fejn ġew?”
14 Jien mill-ewwel għedtlu: “Int taf sidi.” U hu wiġibni: “Dawn huma dawk li baqgħu ħajjin wara ż-żmien taʼ tbatija kbira,* u ħaslu l-ħwejjeġ tagħhom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.
15 Hu għalhekk li qegħdin quddiem it-tron t’Alla, u qed iqimuh lejl u nhar fit-tempju tiegħu. Il-Wieħed bilqiegħda fuq it-tron se jipproteġihom.*
16 Huma mhux se jkunu iktar bil-ġuħ jew bil-għatx, u lanqas mhu se jinħarqu bix-xemx jew bis-sħana tikwi,
17 għax il-Ħaruf, li qiegħed ħdejn it-tron, se jirgħahom u jiggwidahom lejn għejun tal-ilma tal-ħajja. U Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “mil-Lvant.”
^ Letteralment “ilsien.”
^ Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “tribulazzjoni kbira.”
^ Jew “jifrex it-tinda tiegħu fuqhom.”