Lir-Rumani 10:1-21
10 Ħuti, ix-xewqa taʼ qalbi u dak li nitlob bil-ħniena* lil Alla għalih hu biex in-nies tiegħu jsalvaw.
2 Jien xhud li huma qed jipprovaw jaqdu lil Alla b’żelu, imma ma jifhmux verament xi jrid Alla.*
3 Peress li ma jafux x’inhu ġust għal Alla, huma għamlu dak li dehrilhom li hu tajjeb. B’hekk ma żammewx mal-livelli t’Alla taʼ x’inhu tajjeb.
4 Permezz taʼ Kristu, il-Liġi spiċċat. Issa kull min juri fidi fih hu kkunsidrat ġust.
5 Mosè kiteb li xi ħadd li jagħmel dak li hu ġust skont il-Liġi se jgħix.
6 Imma dwar dawk li jitqiesu ġusti għax juru fidi, il-Kelma t’Alla tgħid: “Tgħidx f’qalbek, ‘Min se jitlaʼ fis-sema?’ jiġifieri biex iġib lil Kristu,
7 jew ‘Min se jinżel fl-abbiss?’ jiġifieri biex iqajjem lil Kristu mill-mewt.”
8 Imma x’tgħid l-Iskrittura? “Il-messaġġ hu qribek, f’ħalqek u f’qalbek stess.” Dan qed jirreferi għall-“messaġġ” tal-fidi li qed nippritkaw dwaru.
9 Jekk tgħid quddiem oħrajn li Ġesù hu Mulej, u għandek fidi f’qalbek li Alla qajmu mill-mewt, se tiġi salvat.
10 Għax meta wieħed juri fidi mill-qalb, jiġi kkunsidrat ġust. Imma biex jiġi salvat irid jitkellem m’oħrajn dwar dan il-messaġġ.
11 Għax l-Iskrittura tgħid: “Kull min għandu fidi fih mhux se jiġi ddiżappuntat.”
12 Il-Lhud u l-Griegi* huma meqjusin l-istess. Kollha għandhom l-istess Mulej. Hu jgħin b’mod ġeneruż lil dawk kollha li jafdaw fih.*
13 Għax “kull min jitlob lil Ġeħova* għall-għajnuna billi juża ismu, se jiġi salvat.”
14 Imma kif se jitolbuh jekk m’għandhomx fidi fih? U kif se jkollhom fidi fih jekk ma semgħux dwaru? U kif se jisimgħu dwaru jekk ħadd ma jippritkalhom?
15 U kif se jippritkaw jekk ħadd ma jibgħathom? Hu eżatt bħalma tgħid l-Iskrittura: “Kemm huma sbieħ dawk* li jippritkaw l-aħbar tajba!”
16 Iżda mhux kulħadd aċċetta l-aħbar tajba, għax Isaija staqsa: “Ġeħova,* min wera fidi f’dak li semaʼ mingħandna?”
17 Bniedem juri fidi biss wara li jismaʼ, u hu jismaʼ meta xi ħadd jippritkalu dwar Kristu.
18 Imma dwar Iżrael, jien nistaqsi, Kellhom opportunità li jisimgħu? Iva. Fil-fatt l-Iskrittura tgħid: “Ingħatat xhieda lill-art kollha, u l-messaġġ wasal sa truf l-art.”
19 Nistaqsi wkoll, Jaqaw Iżrael ma fehemx? Mosè qal: “Jien se nqanqalkom tgħiru għan-nies li mhumiex poplu; b’poplu stupidu se nġegħelkom tirrabjaw ħafna.”
20 Imbagħad Isaija qal b’kuraġġ: “Dawk li ma kinux qed ifittxuni, sabuni; u dawk li ma kinux qed jistaqsu għalija, saru jafuni.”
21 Imma dwar Iżrael qal: “Il-ġurnata kollha jien ftaħt idejja għal poplu diżubbidjenti u rasu iebsa.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “imma mhux skont l-għarfien eżatt.”
^ Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
^ Jew “jgħajtulu b’ismu.”
^ Jew “saqajn dawk.”