Lir-Rumani 14:1-23

  • Tiġġudikawx lil xulxin (1-12)

  • Tfixklux lil oħrajn (13-18)

  • Aħdmu biex tkunu fil-paċi u magħqudin (19-23)

14  Ilqaʼ lil min għandu fidi dgħajfa u tiġġudikax lil dawk li għandhom opinjoni differenti minn tiegħek.*  Hemm min għandu fidi soda u jiekol kull tip t’ikel, imma min għandu fidi dgħajfa jiekol ħaxix biss.  Min jiekol kull tip t’ikel m’għandux ikollu ħarsa negattiva lejn dak li ma jikolx kollox, u min ma jikolx kull tip t’ikel m’għandux jiġġudika lil dak li jiekol kollox, għax Alla aċċettah.*  Min int biex tiġġudika l-qaddej taʼ ħaddieħor? Sidu stess jiddeċiedi jekk hux tajjeb jew ħażin.* Bl-għajnuna taʼ Ġeħova,* dan jistaʼ jirnexxi.*  Xi wħud jaħsbu li ġurnata hi aħjar minn oħra; oħrajn jaħsbu li kull ġurnata hi l-istess bħall-oħrajn. Kull persuna għandha tkun konvinta li dak li temmen hu tajjeb.  Dawk li jqisu ġurnata iktar importanti minn oħra jagħmlu hekk biex jogħġbu lil Ġeħova.* Dawk li jieklu kull tip t’ikel jagħmlu hekk biex jogħġbu lil Ġeħova,* għax huma jirringrazzjawh għall-ikel. U dawk li ma jiklux, jagħmlu hekk biex jogħġbu lil Ġeħova,* u anki dawn jirringrazzjawh.  Ħadd minna ma jgħix għalih biss, u ħadd minna ma jmut għalih biss.  Għax jekk ngħixu, ngħixu għal Ġeħova,* u jekk immutu, immutu għal Ġeħova.* Għalhekk, kemm jekk ngħixu jew immutu, aħna taʼ Ġeħova.*  Fil-fatt, kien għalhekk li Kristu miet u reġaʼ qam, ħalli jkollu awtorità* kemm fuq il-mejtin u kemm fuq il-ħajjin. 10  Imma għala tiġġudika* lil ħuk? Jew għala għandek ħarsa negattiva tiegħu? Kollha se nidhru quddiem Alla, u hu se jiġġudikana.* 11  Għax l-Iskrittura tgħid: “‘Daqskemm jien ħaj,’ jgħid Ġeħova,* ‘kulħadd se jmil quddiemi u kulħadd se jkollu jsir jaf* li jien Alla.’” 12  Għalhekk, kull wieħed minna se jkollu jagħti kont lil Alla. 13  Mela tibqgħux tiġġudikaw lil xulxin. Minflok kunu determinati li qatt ma tagħmlu xi ħaġa li ddgħajjef il-fidi taʼ ħukom jew tfixklu.* 14  Permezz tal-Mulej Ġesù, jien konvint li l-ebda ħaġa li nieklu mhi mniġġsa. Imma meta persuna taħseb li xi ħaġa hi mniġġsa, ikun ħażin li tikolha. 15  Jekk ħuk iħossu offiż minħabba l-ikel li tiekol, ma tkunx qed turi mħabba. Kristu miet għalih, allura tirrovinax* il-fidi tiegħu b’dak li tiekol. 16  Tagħmilx affarijiet li għalik jidhru tajbin imma li jistgħu jġiegħlu n-nies jitkellmu negattiv dwarek. 17  Li nidħlu fis-Saltna t’Alla ma jiddependix minn dak li nieklu u nixorbu, imma jiddependi mill-ġustizzja, il-paċi, u l-ferħ li jiġu mill-ispirtu qaddis. 18  Kull min jaqdi lil* Kristu u għandu dawn il-kwalitajiet, Alla se jaċċettah u n-nies se japprovawh. 19  Għalhekk, għandna nagħmlu kulma nistgħu biex inżommu l-paċi u nsaħħu lil xulxin. 20  Tibqax teqred dak li qed jagħmel Alla sempliċement minħabba l-ikel. Vera, kull ikel hu aċċettabbli,* imma jkun ħażin li tiekol xi ħaġa jekk dan se jfixkel lil ħaddieħor.* 21  Ikun aħjar li ma tikolx laħam, ma tixrobx inbid, jew ma tagħmel xejn li jfixkel lil ħuk.* 22  Dak li temmen fuq affarijiet bħal dawn hu bejnek u bejn Alla. Int se tkun ferħan meta ma tħossokx ħati talli għamilt dak li tħoss li hu tajjeb. 23  Imma jekk persuna għandha d-dubji dwar dak li tistaʼ tiekol, diġà hi ħatja* jekk tiekol minnu, għax dan mhux ibbażat fuq il-fidi. Kull ħaġa li nagħmlu li ma tkunx ibbażata fuq il-fidi hi dnub.

Noti taʼ taħt

Jew forsi “li għandhom id-dubji f’qalbhom.”
Jew “laqgħu.”
Letteralment “jekk iżommx wieqaf jew jaqax.”
Letteralment “Ġeħova jistaʼ jżommu wieqaf.”
Jew “ikun Mulej.”
Jew “tikkundanna.”
Letteralment “Ilkoll se nidhru quddiem it-tron tal-ġudizzju t’Alla.”
Jew “jgħid pubblikament.”
Jew “li quddiem ħukom ma tpoġġu xejn li jistaʼ jfixklu jew iwaqqgħu.”
Jew “teqridx.”
Jew “ikun ilsir taʼ.”
Letteralment “kollox hu nadif.”
Jew “idgħajjef il-fidi taʼ ħaddieħor.”
Jew “idgħajjef il-fidi taʼ ħuk.”
Jew “ikkundannata.”