Lir-Rumani 15:1-33
15 Dawk minna li għandhom fidi soda jridu jżommu f’moħħhom id-dgħufijiet taʼ dawk li l-fidi tagħhom mhix soda. M’għandniex nagħmlu biss dak li jogħġob lilna.
2 Kull wieħed minna għandu jipprova jogħġob u jagħmel dak li hu tajjeb għal ħaddieħor biex isaħħu.
3 Lanqas il-Kristu m’għamel affarijiet li jogħġbu lilu. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “It-tmaqdir taʼ dawk li jmaqdru lilek ġie fuqi.”
4 Għax dak kollu li nkiteb żmien twil ilu fl-Iskrittura, inkiteb biex jgħallimna, u aħna għandna tama minħabba li nissaportu u nirċievu inkuraġġiment mill-Iskrittura.
5 Jalla Alla jgħinkom tissaportu u jinkuraġġikom biex ikollkom l-istess attitudni li kellu Kristu Ġesù.
6 B’dan il-mod tkunu magħqudin biex tigglorifikaw lil Alla, li hu l-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
7 Għalhekk, aċċettaw* lil xulxin bħalma l-Kristu aċċetta lilkom. Dan iġib glorja lil Alla.
8 Ngħidilkom li Kristu sar qaddej tal-Lhud* biex juri li dak li jgħid Alla hu veru u li l-wegħdi li għamel lil missirijiethom huma taʼ min joqgħod fuqhom.
9 Dan sar ukoll biex il-popli jkunu jistgħu jfaħħru lil Alla għall-ħniena li wera magħhom. Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Jien se nfaħħrek fost il-popli u lil ismek se nfaħħru bil-kant.”
10 L-Iskrittura tgħid ukoll: “Nies taʼ popli oħra, ifirħu mal-poplu tiegħu.”
11 U jerġaʼ tgħid: “Faħħru lil Ġeħova,* ġnus kollha, u ħa jfaħħruh il-popli kollha.”
12 Ukoll, Isaija qal: “Se jiġi xi ħadd mill-familja* taʼ Ġesse u se jmexxi fuq ħafna popli. Huma se jistennewh bil-ħeġġa biex jagħmel affarijiet tajbin.”
13 Jalla l-Alla li jagħti t-tama jagħtikom ħafna ferħ u paċi hekk kif tafdawh, biex bil-qawwa tal-ispirtu qaddis tkunu tistgħu tittamaw b’qalbkom kollha.
14 Ħuti, jien konvint li intom lesti biex tagħmlu affarijiet tajbin, li għandkom l-għarfien, u li kapaċi tgħallmu* lil xulxin.
15 Madankollu, qed niktbilkom ċar u tond dwar xi punti bħala tfakkira. Qed infakkarkom dwarhom għax Alla wrieni qalb tajba kbira.
16 Dan għamlu sabiex inkun qaddej taʼ Kristu Ġesù u nxandar l-aħbar tajba lill-popli kollha. Dan ix-xogħol hu qaddis u qed nagħmlu biex Alla jaċċetta lin-nies taʼ dawn il-popli bħala sagrifiċċju li sar qaddis permezz tal-ispirtu qaddis.
17 Jien ferħan għax jien dixxiplu taʼ Kristu Ġesù u qed nagħmel ix-xogħol t’Alla.
18 Mhux se nitkellem dwar dak li għamilt jien, imma se nitkellem biss dwar dak li għamel Kristu u li qal permezz tiegħi biex ngħin lil nies taʼ popli oħra jobduh.
19 Huma obdewh minħabba l-mirakli kbar u l-affarijiet tal-għaġeb li saru permezz tal-ispirtu t’Alla. B’dan il-mod, jien ippritkajt l-aħbar tajba fid-dettall dwar il-Kristu minn Ġerusalemm sal-Illirja.
20 Il-mira tiegħi kienet li ma nxandarx l-aħbar tajba fejn kienu diġà semgħu dwar Kristu, ħalli ma nkomplix ix-xogħol li beda xi ħadd ieħor.*
21 Hu bħalma tgħid l-Iskrittura: “Dawk li ma ntqalilhomx dwaru se jsiru jafu, u dawk li ma semgħux se jifhmu.”
22 Hu għalhekk li ħafna drabi ma stajtx niġi għandkom.
23 Imma issa ppritkajt fil-postijiet kollha taʼ dawn ir-reġjuni, u ilni ħafna* snin nixtieq niġi narakom.
24 Għalhekk qed nittama li narakom jien u sejjer Spanja. Wara li nkun gawdejt il-kumpanija tagħkom għal xi żmien, nittama li tagħmlu parti mill-vjaġġ miegħi lejn Spanja.
25 Imma issa sejjer Ġerusalemm biex ngħin lill-aħwa* t’hemm.
26 Għax l-aħwa fil-Maċedonja u l-Akaja taw minn qalbhom minn dak li kellhom sabiex jgħinu lill-foqra fost il-poplu t’Alla* f’Ġerusalemm.
27 Dawn l-aħwa għamlu dan minn qalbhom għax ħassewhom obbligati lejn il-Lhud f’Ġerusalemm peress li kienu qasmu magħhom affarijiet spiritwali. Għalhekk issa dawn l-aħwa se jgħinuhom billi jagħtuhom affarijiet materjali.
28 Wara li nagħtihom din il-kontribuzzjoni, narakom jien u sejjer lejn Spanja.
29 Iktar minn hekk, naf li meta niġi għandkom, se nġibilkom barka kbira mingħand Kristu.
30 Ħuti, ninkuraġġikom biex flimkien miegħi, titolbu lil Alla bil-ħeġġa għalija permezz tal-fidi li għandna fil-Mulej Ġesù Kristu u l-imħabba li tiġi mill-ispirtu qaddis.
31 Itolbu li ninħeles minn dawk fil-Lhudija li ma jemmnux u li n-nies t’Alla f’Ġerusalemm jilqgħu din il-kontribuzzjoni b’mod tajjeb.
32 Imbagħad, jekk Alla jrid, niġi għandkom ferħan u ninkuraġġixxu lil xulxin.
33 Jalla l-Alla li jagħti l-paċi jkun magħkom ilkoll. Ammen.
Noti taʼ taħt
^ Jew “ilqgħu.”
^ Letteralment “taʼ dawk ċirkonċiżi.”
^ Letteralment “mill-għerq.”
^ Jew “twiddbu.”
^ Letteralment “ma nibnix fuq il-pedament taʼ xi ħadd ieħor.”
^ Jew forsi “xi.”
^ Letteralment “lill-qaddisin.”
^ Letteralment “il-qaddisin.”