Lir-Rumani 6:1-23
6 Ifisser dan li għandna nkomplu nidinbu sabiex Alla juri iktar qalb tajba* magħna?
2 Żgur li le! Ladarba m’għadniex ikkontrollati mid-dnub, ma jkunx xieraq li nkomplu nidinbu.
3 Ma tafux li meta tgħammidna u ngħaqadna maʼ Kristu Ġesù, tgħammidna wkoll fil-mewt tiegħu?
4 Aħna ndfinna miegħu permezz tal-magħmudija tagħna fil-mewt tiegħu. Bħalma Kristu ġie mqajjem għal ħajja ġdida permezz tal-qawwa glorjuża taʼ Missieru, aħna qed ngħixu ħajja ġdida.
5 Għax jekk mitna bħalu, aħna żgur li se nirxoxtaw bħalu, u b’dan il-mod aħna magħqudin miegħu.
6 Aħna nafu li l-personalità l-qadima tagħna ġiet imsammra maz-zokk flimkien miegħu sabiex id-dnub ma jibqax jikkontrollana. B’hekk, m’għandniex nibqgħu lsiera tad-dnub.
7 Għax min miet inħafirlu d-dnub* tiegħu.
8 Aħna mitna maʼ Kristu u nemmnu li se ngħixu wkoll miegħu.
9 Aħna nafu li Kristu ma jistax jerġaʼ jmut, ladarba qam mill-mewt. Għalhekk, il-mewt m’għadhiex tikkontrollah.
10 Hu miet biex ineħħi d-dnub darba għal dejjem, u issa qed jgħix biex jagħmel dak li jrid Alla.
11 Bl-istess mod, ikkunsidraw lilkom infuskom bħala li intom mejtin fejn jidħol id-dnub, imma għixu biex tagħmlu dak li jrid Alla bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù.
12 Tħallux id-dnub jikkontrolla* kif tgħixu. Iċċedux għax-xewqat tal-ġisem tagħkom li qed imut.
13 Toffrux il-ġisem tagħkom għad-dnub bħala għodda biex tagħmlu l-ħażin,* imma offru lilkom infuskom lil Alla bħala nies li qiskom ġejtu rxoxtati mill-mewt. Offru ġisimkom lil Alla bħala għodda biex tagħmlu t-tajjeb.
14 Id-dnub m’għandux jikkontrollakom ladarba m’intomx taħt il-Liġi. Intom issa qed tgawdu l-qalb tajba kbira* t’Alla.
15 Ifisser dan li għandna nagħmlu d-dnub minħabba li Alla qed jurina qalb tajba kbira u m’aħniex taħt il-Liġi? Żgur li le!
16 Ma tafux li jekk tagħżlu li tobdu lil xi ħadd bħala lsiera, tkunu qed issiru lsiera tiegħu? Mela, jew tkunu lsiera tad-dnub li jwassal għall-mewt, jew ilsiera tal-ubbidjenza li twassal għall-ġustizzja.
17 Aħna nirringrazzjaw lil Alla li għalkemm darba kontu lsiera tad-dnub, issa qed tobdu minn qalbkom it-tagħlim li rċivejtu.
18 Wara li ġejtu meħlusin mid-dnub, intom sirtu lsiera tal-ġustizzja.
19 Minħabba li intom imperfetti, qed nuża kliem li n-nies jifhmuh. Qabel kontu tħallu x-xewqat tal-ġisem jagħmlukom ilsiera biex tagħmlu dak li hu ħażin u mhux nadif. Issa għandu jkollkom xewqat li jagħmlukom ilsiera taʼ dak li hu ġust u qaddis.
20 Għax meta kontu lsiera tad-dnub, ma kellkomx bżonn tagħmlu dak li hu tajjeb.
21 X’kien ir-riżultat taʼ dak li għamiltu dak iż-żmien? Intom għamiltu affarijiet li issa jġegħlukom tistħu, u dawn l-affarijiet iwasslu għall-mewt.
22 Imma issa li ġejtu meħlusin mid-dnub, agħmlu dak li hu qaddis bħala lsiera t’Alla, u r-riżultat se jkun ħajja taʼ dejjem.
23 Għax id-dnub* iwassal għall-mewt,* imma r-rigal li jagħti Alla hu ħajja taʼ dejjem permezz taʼ Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.
Noti taʼ taħt
^ Jew ”qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “inħeles mid-dnub.”
^ Letteralment “isaltan fuq.”
^ Letteralment “armi tal-inġustizzja.”
^ Jew ”il-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “Għax il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt.”