Lir-Rumani 8:1-39

  • Ħajja u ħelsien permezz tal-ispirtu (1-11)

  • L-ispirtu li għamilhom it-tfal adottati t’Alla jikkonvinċihom (12-17)

  • Il-ħolqien jistenna l-libertà bħala t-tfal t’Alla (18-25)

  • “L-ispirtu jitlob bil-ħniena għalina” (26, 27)

  • Alla għajjat lil dawk li għażel (28-30)

  • Aħna qed nirbħu permezz tal-imħabba t’Alla (31-39)

8  Għalhekk, dawk li qegħdin maʼ Kristu Ġesù mhumiex ikkundannati.  Għax il-liġi tal-ispirtu li jagħti l-ħajja permezz taʼ Kristu Ġesù ħelsitkom mil-liġi tad-dnub u l-mewt.  Il-Liġi taʼ Mosè ma setgħetx teħliskom, għax il-bnedmin huma dgħajfin u midinbin.* Alla setaʼ jeħliskom billi jibgħat lil Ibnu stess f’ġisem bħal dak tal-bnedmin midinbin biex ineħħi d-dnub. B’hekk, Alla kkundanna d-dnub tal-bnedmin.*  Dan kien biex inkunu nistgħu nagħmlu l-affarijiet ġusti li titlob il-Liġi billi ma nħallux il-ġisem midneb tagħna jikkontrollana, imma nħallu l-ispirtu t’Alla jagħmel dan.  Dawk li jagħmlu dak li jrid ġisimhom jaħsbu dwar xewqat ħżiena, imma dawk li jimxu mal-gwida tal-ispirtu qaddis jaħsbu dwar affarijiet* li għandhom x’jaqsmu mal-ispirtu qaddis.  Dawk li jiffokaw fuq affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dnub se jirċievu l-mewt, u dawk li jiffokaw fuq affarijiet spiritwali se jirċievu l-ħajja u l-paċi.  Dawk li jaħsbu dwar affarijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dnub isiru l-għedewwa t’Alla, għax il-ġisem midneb ma jridx u ma jistax jobdi l-liġi t’Alla.  Dawk li jissodisfaw il-ġisem midneb tagħhom ma jistgħux jogħġbu lil Alla.  Madankollu ħuti, intom mhux qed tissodisfaw il-ġisem midneb tagħkom. Jekk Alla jagħtikom l-ispirtu tiegħu, intom se tgħixu fi qbil mal-gwida tal-ispirtu. Jekk xi ħadd m’għandux l-ispirtu taʼ* Kristu, mhuwiex taʼ Kristu. 10  Jekk intom qegħdin maʼ Kristu, għalkemm ġisimkom imut minħabba d-dnub, l-ispirtu jagħtikom il-ħajja minħabba li tiġu kkunsidrati ġusti. 11  L-ispirtu t’Alla qajjem lil Ġesù mill-mewt. Jekk għandkom dan l-ispirtu, Dak li qajjem lil Kristu Ġesù mill-mewt se jagħti l-ħajja wkoll lil ġisimkom li qed imut. Dan se jagħmlu permezz tal-ispirtu tiegħu li qiegħed fikom. 12  Għalhekk ħuti, m’għandniex għalfejn inċedu għax-xewqat taʼ ġisimna. 13  Jekk iċċedu, żgur tmutu. Imma jekk tħallu l-qawwa tal-ispirtu tgħinkom twaqqfu għalkollox* id-drawwiet ħżiena, intom se tgħixu. 14  Għax it-tfal t’Alla huma dawk li jiġu ggwidati mill-ispirtu qaddis tiegħu. 15  Intom ma rċivejtux spirtu li jagħmilkom ilsiera u jġegħelkom terġgħu tgħixu fil-biżaʼ, anzi rċivejtu spirtu li jagħmilkom it-tfal adottati t’Alla. Minħabba dan l-ispirtu, aħna ngħajtu: “Abba,* Missier!” 16  L-ispirtu t’Alla jikkonvinċina* li aħna t-tfal t’Alla. 17  Jekk aħna t-tfal t’Alla, se nirċievu wirt mingħandu u se nirċievu l-wirt maʼ Kristu. Imma l-ewwel irridu nbatu bħal Kristu ħalli nirċievu pożizzjoni għolja bħalu. 18  Għalija, it-tbatija kollha li qed ngħaddu minnha mhi xejn meta mqabbla mal-glorja li se tintwera permezz tagħna. 19  Il-ħolqien kollu qed jistenna bil-ħeġġa ż-żmien meta Alla se juri li t-tfal tiegħu rċivew il-premju tal-għaġeb tagħhom. 20  Għax il-ħolqien ma riedx li jiġi kkundannat għal ħajja mingħajr tama għall-futur, però Alla ppermettieh dan. Imma meta qal x’inhi l-kundanna, hu tana tama. 21  Hu kien jaf li anki l-ħolqien kien se jinħeles mid-dnub u l-mewt, u jkollu l-libertà tal-għaġeb bħala t-tfal t’Alla. 22  Għax aħna nafu li s’issa l-ħolqien kollu kien qed jibki bid-dwejjaq u jbati. 23  Għalkemm aħna diġà rċivejna l-ewwel parti tal-premju, li hu l-ispirtu qaddis,* aħna xorta nħossuna mdejqin waqt li nistennew bil-ħeġġa għal meta niġu adottati għalkollox bħala t-tfal t’Alla. Dak iż-żmien, aħna se ninħelsu għalkollox minn ġisimna permezz tal-fidwa.* 24  Meta ġejna salvati, aħna ngħatajna din it-tama. Imma jekk dak li nittamaw għalih narawh, m’għandniex għalfejn inkomplu nittamaw għalih. Għax kif jistaʼ xi ħadd jittama għal xi ħaġa li jaraha? 25  Imma jekk nittamaw għal xi ħaġa li ma narawhiex, nibqgħu nistennewha bil-ħeġġa u bil-paċenzja. 26  Ukoll, l-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna meta nkunu dgħajfin. Aħna nafu li hemm bżonn nitolbu, imma kultant ma nkunux nafu għal xiex għandna nitolbu. Meta nkunu mdejqin imma ma nkunux nafu kif se nesprimu ruħna, l-ispirtu jitlob bil-ħniena għalina. 27  Alla jfittex dak li hemm f’qalbna u jifhem dak li qed jgħid l-ispirtu, għax dan jitlob bil-ħniena għall-qaddisin fi qbil maʼ dak li jrid Alla. 28  Aħna nafu li dak kollu li jagħmel Alla jaħdem id f’id għall-ġid taʼ dawk li jħobbuh, jiġifieri dawk li hu għażel skont l-iskop tiegħu. 29  Għax mill-bidu, hu kien jaf dwar dawk li kien se jagħżel u ddeċieda li kienu se jkunu bħal Ibnu, li hu l-ewwel imwieled fost ħafna aħwa. 30  Imbagħad, hu għajjat lil dawk li għażel u qieshom ġusti. Fl-aħħar, hu gglorifika lil dawk li qieshom ġusti. 31  Allura, x’nistgħu ngħidu dwar dawn l-affarijiet? Jekk Alla qiegħed magħna, min jistaʼ jirbħilna? 32  Hu ma ħelisx lil Ibnu mit-tbatija, imma tah biex imut għalina kollha. Allura sejjer hu ma jagħtiniex ukoll kull ħaġa oħra li għandna bżonn b’qalb tajba? 33  Min jistaʼ jakkuża l-magħżulin t’Alla? Alla hu l-wieħed li jqishom ġusti. 34  Min jistaʼ jikkundannahom? Ħadd. Kristu Ġesù hu dak li miet għalihom u li ġie rxoxtat. Issa hu qiegħed fuq il-lemin t’Alla jitlob bil-ħniena għalina. 35  Hemm xi ħaġa li tistaʼ tisseparana mill-imħabba taʼ Kristu? Nistgħu aħna niġu sseparati mill-imħabba taʼ Kristu minħabba l-problemi, l-inkwiet, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, il-periklu, il-vjolenza, jew għax ma jkollniex x’nilbsu? 36  L-Iskrittura tgħid: “Peress li aħna l-poplu tiegħek, qed niġu maqtulin kuljum; l-għedewwa tagħna jqisuna bħal nagħaġ għall-qatla.” 37  Imma bl-għajnuna* taʼ dak li jħobbna, aħna qed nirbħu f’dawn l-affarijiet kollha. 38  Jien konvint li xejn ma jistaʼ jisseparana mill-imħabba t’Alla, la l-mewt, la l-ħajja, la l-anġli, la l-gvernijiet, la l-affarijiet t’issa, la l-affarijiet li ġejjin, la l-qawwiet, 39  la l-għoli, la l-fond, u lanqas xi ħolqien ieħor. L-ebda ħaġa ma tistaʼ tisseparana mill-imħabba li Alla wriena permezz taʼ Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.

Noti taʼ taħt

Jew “jagħmlu d-dnub.”
Letteralment “id-dnub fil-laħam.”
Jew “moħħhom f’affarijiet.”
Jew “ma jaħsibx bħal.”
Letteralment “tmewtu.”
Kelma bl-Ebrajk jew bl-Aramajk li tfisser “O Missier!”
Letteralment “jixhed mal-ispirtu tagħna.”
Letteralment “aħna għandna l-ewwel frott tal-ispirtu.”
Jew “bil-qawwa.”