Salm 147:1-20
147 Faħħru lil Jah!*
Hu tajjeb li nfaħħru bil-kant* lill-Alla tagħna;Kemm hu pjaċevoli u xieraq li nfaħħruh.
2 Ġeħova qed jibni lil Ġerusalemm;Qed jiġbor flimkien lill-Iżraelin li huma lsiera.
3 Hu jfejjaq lil dawk taʼ qalbhom maqsuma;Jinfaxxa l-ġrieħi tagħhom.
4 Hu jaf kemm hemm stilel;Jgħajtilhom kollha b’isimhom.
5 Il-Mulej tagħna hu kbir u b’saħħtu ħafna;L-għerf tiegħu* hu bla limitu.
6 Ġeħova jqajjem lill-umli,Imma jwaddab mal-art lill-ħżiena.
7 Irringrazzjaw lil Ġeħova bil-kant;Faħħru lill-Alla tagħna bil-kant waqt li ddoqqu l-arpa,
8 Lil Dak li jiksi s-sema bis-sħab,Dak li jipprovdi x-xita għall-art,Dak li jkabbar il-ħaxix fuq il-muntanji.
9 Hu jagħti l-ikel lill-annimali,Lill-frieħ taċ-ċawluni li jgħajtu bil-ġuħ.
10 Is-saħħa taż-żiemel mhi xejn għalih;Lanqas jimpressjona ruħu bis-saħħa* tal-bniedem.
11 Imma Ġeħova jieħu pjaċir b’dawk li jirrispettawh ħafna,*Hu jieħu pjaċir b’dawk li jittamaw fl-imħabba u l-lealtà* tiegħu.
12 Ġerusalemm, igglorifika lil Ġeħova.
Sijon, faħħar lill-Alla tiegħek.
13 Hu jissoda l-istaneg tal-bibien tal-belt tiegħek;Ibierek lit-tfal tiegħek.
14 Hu jġib il-paċi fit-territorju tiegħek;Ixebbgħek bl-aqwa qamħ.
15 Hu jagħti kmand lill-art;Dak li jgħid jasal hemm malajr.
16 Hu jgħatti l-art bil-borra bħal kutra tas-suf;Ixerred il-borra bħall-irmied.
17 Hu jitfaʼ s-silġ tiegħu bħall-frak tal-ħobż.
Min jiflaħ għall-kesħa tiegħu?
18 Meta jagħti kmand, is-silġ idub.
Hu jġiegħel lir-riħ jonfoħ u l-ilmijiet igelglu.
19 Hu jxandar il-kelma tiegħu lil Ġakobb,Ir-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu lil Iżrael.
20 Hu m’għamilx dan ma’ poplu ieħor;Dawn ma jafu xejn dwar id-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu.
Faħħru lil Jah!*
Noti taʼ taħt
^ Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.
^ Jew “indoqqu l-mużika.”
^ Jew “L-abbiltà li jifhem.”
^ Letteralment “bis-saqajn.”
^ Letteralment “jibżgħu minnu.”
^ Jew “fl-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “Ħallelujah!” “Jah” hu forma mqassra tal-isem Ġeħova.