Salm 44:1-26
Lid-direttur. Maskil* ta’ dawk li jiġu minn Koraħ.
44 Alla tagħna, aħna smajna;Missirijietna rrakkontawlnaDak li int għamilt fi żmienhom,Żmien twil ilu.
2 Bis-saħħa tiegħek, int keċċejt lill-popliU tajt l-art tagħhom lil missirijietna.
Int irbaħt lill-ġnus u keċċejthom ’l hemm.
3 Missirijietna ma ħadux l-art bis-saħħa tax-xabla tagħhom,U ma kienx bis-saħħa taʼ jdejhom stess li rebħu.
Imma kien bis-saħħa t’idek il-leminija, il-qawwa tiegħek, u l-ħniena tiegħek,Għax int ħabbejthom.
4 Alla tiegħi, int ir-Re tiegħi.
Agħtih rebħa kbira* lil Ġakobb.
5 Bis-saħħa tiegħek, aħna se nkeċċu lill-għedewwa tagħna;F’ismek aħna se ngħaddu minn fuq dawk li jiħduha kontrina.
6 Għax jien ma nafdax fil-qaws tiegħi,U x-xabla tiegħi ma tistax issalvani.
7 Int kont li salvajtna mill-għedewwa tagħna,U li umiljajt lil dawk li jobogħduna.
8 Alla tagħna, aħna se nfaħħruk il-ġurnata kollha,U se nfaħħru lil ismek għal dejjem. (Sela)
9 Imma issa warrabtna u umiljajtna,U m’intix tmexxi l-armati tagħna.
10 Int tħalli lill-għedewwa tagħna jġegħluna naħarbu,U lil dawk li jobogħduna jieħdu li jridu mingħandna.
11 Int tagħtina bħal nagħaġ għall-qatla;Int ixxerridna fost il-popli.
12 Int tbigħ lill-poplu tiegħek kważi b’xejn,U ma tagħmilx qligħ minnu.
13 Int iġġegħelna naqgħu għaċ-ċajt quddiem il-ġirien tagħna;In-nies taʼ madwarna jgħajruna u jiddieħqu bina.
14 Int iġġegħelna niġu umiljati* fost il-popli;Meta jħarsu lejna huma jxenglu rashom.
15 Jien inħossni umiljat il-ġurnata kollha,U ma niflaħx ngħolli wiċċi bil-mistħija
16 Minħabba t-tgħajjir u t-twaqqigħ għaċ-ċajt,Għax l-għadu tagħna qed jivvendika ruħu.
17 Għalkemm ġie dan kollu fuqna, aħna ma nsejniekx,U ma ksirniex il-patt tiegħek.
18 Qalbna baqgħet leali lejk,U bqajna fit-triq tiegħek.
19 Imma int ħallejtna nitilfu fil-post fejn jgħixu l-klieb slavaġ;Int ġegħeltna ngħaddu minn tbatija kbira.
20 Alla tagħna, jekk insejna ismekJew tlabna lil xi alla ieħor,
21 Żgur li kont tinduna.
Int taf kulma għandna f’qalbna.
22 Peress li aħna l-poplu tiegħek, qed niġu maqtulin kuljum;L-għedewwa tagħna jqisuna bħal nagħaġ għall-qatla.
23 Ġeħova, għala tibqaʼ bħallikieku rieqed?
Jekk jogħġbok, agħmel xi ħaġa.
Tibqax tabbandunana għal dejjem.
24 Għala taħbi wiċċek minna?
Għala tħallina nsofru u niġu maħqurin?
25 Aħna* ġejna umiljati sa ma sirna bħat-trab;Aħna mixħutin mal-art u ma nistgħu nagħmlu xejn.
26 Aġixxi u għinna!
Salvana,* għax int turi mħabba u lealtà.*
Noti taʼ taħt
^ Jew “salvazzjoni grandjuża.”
^ Letteralment “tagħmilna proverbju.”
^ Jew “Ruħna.”
^ Letteralment “Ifdina.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.