Ittra lil Titu 1:1-16
1 Jien Pawlu, ilsir t’Alla u appostlu taʼ Ġesù Kristu skont il-fidi tal-magħżulin t’Alla u l-għarfien eżatt tal-verità. Din il-verità turi kif inkunu leali lejn Alla
2 u hi bbażata fuq it-tama tal-ħajja taʼ dejjem, li Alla, li ma jistax jigdeb, wegħedna żmien twil ilu.
3 Imma fiż-żmien li għażel, Alla għamel il-kelma tiegħu magħrufa permezz tal-ippritkar li ġie fdat lili skont il-kmand tiegħu, Dak li Jsalvana.
4 Jien qed nibgħat din l-ittra lilek Titu, qaddej sieħbi fil-fidi u li nqisek bħala t-tifel tiegħi:
Jalla Alla l-Missier u Kristu Ġesù, Dak li Jsalvana, juruk qalb tajba kbira u jgħinuk ikollok il-paċi.
5 Jien ħallejtek fi Kreta biex tirranġa dak li hemm bżonn* u tinkariga anzjani* f’belt wara oħra, bħalma qabbadtek tagħmel.
6 Min jiġi inkarigat m’għandux ikollu fuqiex jiġi akkużat, ikun miżżewweġ mara waħda, u t-tfal tiegħu jkunu jemmnu u ma jkunux akkużati li huma sfrattati jew ribellużi.
7 Għax bħala qaddej fdat* t’Alla, anzjan m’għandux ikollu fuqiex jiġi akkużat, ma jkunx rasu iebsa, ma jitilgħulux malajr, ma jiskirx, ma jkunx vjolenti,* u ma jkunx rgħib biex jakkwista affarijiet b’mod diżonest,
8 imma għandu jkun ospitabbli, iħobb it-tajjeb, juża l-għaqal,* ġust, leali, jikkontrolla lilu nnifsu,
9 u l-mod taʼ kif jgħallem għandu jkun fi qbil mal-messaġġ li taʼ min jafdah, ħalli jkun jistaʼ jinkuraġġixxi bit-tagħlim li hu taʼ benefiċċju* u jikkoreġi lil dawk li jiħduha kontra t-tagħlim.
10 Għax hemm ħafna ribellużi, ilabalbu fil-vojt, u jqarrqu, speċjalment dawk li jinsistu li għandha ssir iċ-ċirkonċiżjoni.
11 Lil dawn hemm bżonn li tagħlqilhom ħalqhom, għax qed jeqirdu l-fidi taʼ familji sħaħ billi jgħallmu affarijiet ħżiena biex jagħmlu qligħ diżonest.
12 Wieħed minnhom, profeta tagħhom stess, qal: “In-nies taʼ Kreta dejjem jigdbu, huma bħal annimali slavaġ u perikolużi, u huma għażżenin u żaqqiqin.”*
13 Dan li ntqal hu veru. Minħabba f’hekk, kompli kkoreġihom* bl-aħrax, ħalli l-fidi tagħhom tissoda
14 u ma jagħtux kas il-ħrejjef Lhud u l-kmandi taʼ nies li tbiegħdu mill-verità.
15 Kollox hu nadif għal dawk li Alla jqishom nodfa. Imma għal dawk li Alla ma jqishomx nodfa u li m’għandhomx fidi, xejn mhu nadif, għax moħħhom u l-kuxjenza tagħhom huma mniġġsin.
16 Huma jgħidu quddiem kulħadd li jafu lil Alla, imma b’dak li jagħmlu juru li ma jaċċettawhx, għax huma nies taʼ min jitqażżiżhom, ma jobdux, u mhumiex approvati biex jagħmlu xi ħaġa tajba.
Noti taʼ taħt
^ Jew “tikkoreġi l-affarijiet difettużi.”
^ Jew “prokuratur.”
^ Jew “ma jsawwatx.”
^ Jew “moħħu f’loku.”
^ Jew “mimli saħħa.”
^ Jew “u għandhom il-vizzju li jieklu żżejjed.”
^ Jew “widdibhom.”