Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Qaddejja t’Alla Jridu Jkunu Nodfa

Il-Qaddejja t’Alla Jridu Jkunu Nodfa

Lezzjoni Nru. 9

Il-​Qaddejja t’Alla Jridu Jkunu Nodfa

Għala rridu nkunu nodfa b’kull mod? (1)

X’ifisser li tkun nadif spiritwalment? (2) nadif moralment? (3) nadif mentalment? (4) nadif fiżikament? (5)

Liema xorta taʼ diskors mhux nadif għandna nevitaw? (6)

1. Alla Jehovah hu nadif u qaddis. Jistenna li l-​adoraturi tiegħu jibqgħu nodfa—spiritwalment, moralment, mentalment, u fiżikament. (1 Pietru 1:16) Teħtieġ sforz veru biex tibqaʼ nadif f’għajnejn Alla. Ngħixu f’dinja maħmuġa. Għandna wkoll ġlieda kontra t-​tendenzi tagħna nfusna li nagħmlu l-​ħażen. Imma ma rridux inċedu.

2. Indafa Spiritwali: Jekk irridu naqdu lil Jehovah, ma nistgħu nibqgħu nħaddnu ebda tagħlim jew drawwiet tar-​reliġjon il-​falza. Irridu noħorġu mir-​reliġjon il-​falza u ma nappoġġjawha b’ebda mod. (2 Korintin 6:14-18; Apokalissi 18:4) Ladarba nkunu tgħallimna l-​verità dwar Alla, irridu noqogħdu attenti li ma niġux żvijati minn nies li jgħallmu l-​qerq.—2 Ġwann 10, 11.

3. Indafa Morali: Jehovah jrid li l-​adoraturi tiegħu jġibu ruħhom bħala Kristjani veri l-​ħin kollu. (1 Pietru 2:12) Hu jara kulma nagħmlu, saħansitra fil-​moħbi. (Lhud 4:13) Għandna nevitaw l-​immoralità sesswali u prattiċi maħmuġin oħrajn taʼ din id-​dinja.—1 Korintin 6:9-11.

4. Indafa Mentali: Jekk nimlew imħuħna bi ħsibijiet nodfa u puri, il-​kondotta tagħna wkoll se tkun nadifa. (Filippin 4:8) Imma jekk noqogħdu naħsbu dwar affarijiet maħmuġin, se nispiċċaw nagħmlu affarijiet mill-​agħar. (Mattew 15:18-20) Għandna nevitaw tipi taʼ divertiment li jistgħu jħammġulna mħuħna. Nistgħu nimlew imħuħna bi ħsibijiet nodfa billi nistudjaw il-​Kelma t’Alla.

5. Indafa Fiżika: Minħabba li jirrappreżentaw ’l Alla, il-​Kristjani għandhom iżommu ġisimhom u ħwejjiġhom nodfa. Għandna naħslu idejna wara li nużaw it-​tojlit, u għandna naħsluhom qabel nieklu jew immissu affarijiet taʼ l-​ikel. Jekk m’għandekx sistema tajba għad-​dispożizzjoni tad-​drenaġġ, il-​ħmieġ għandu jintradam. (Dewteronomju 23:13, 14 [23:12, 13, NW]) Li nżommu rwieħna nodfa fiżikament jikkontribwixxi għas-​saħħa. Dar taʼ Kristjan għandha tkun pulita u nadifa kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra. Għandha tispikka fil-​komunità bħala eżempju tajjeb.

6. Diskors Nadif: Il-​qaddejja t’Alla jridu jgħidu dejjem il-​verità. Il-​giddibin m’humiex se jidħlu fis-​Saltna t’Alla. (Efesin 4:25; Apokalissi 21:8) Il-​Kristjani ma jużawx diskors maħmuġ. La jisimgħu u lanqas jgħidu ċajt baxx jew stejjer maħmuġin. Minħabba d-​diskors nadif tagħhom, jispikkaw bħala differenti fuq ix-​xogħol jew l-​iskola u fejn jgħixu.—Efesin 4:29, 31; 5:3.

[Stampi f’paġna 18, 19]

Il-​qaddejja t’Alla jridu jkunu nodfa f’kollox