Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nersqu Qrib T’Alla Fit-Talb

Nersqu Qrib T’Alla Fit-Talb

Lezzjoni Nru. 7

Nersqu Qrib T’Alla Fit-​Talb

Għala huwa importanti li titlob regolarment? (1)

Lil min għandna nitolbu, u kif? (2, 3)

Liema huma suġġetti xierqa li tistaʼ titlob dwarhom? (4)

Meta għandek titlob? (5, 6)

Jismaʼ Alla t-​talb kollu? (7)

1. It-​talb huwa li nitkellmu b’umiltà m’Alla. Għandek titlob ’l Alla regolarment. B’hekk tistaʼ tħossok qrib tiegħu bħala ħabib għażiż. Jehovah hu tant kbir u potenti, u madankollu jismaʼ t-​talb tagħna! Titlob int ’l Alla b’mod regulari?—Salm 65:3 [65:2, NW]; 1 Tessalonikin 5:17.

2. It-​talb huwa parti mill-​qima tagħna. B’hekk, għandna nitolbu biss ’l Alla, Jehovah. Meta Ġesù kien fuq l-​art hu dejjem talab lil Missieru, u mhux lil xi ħadd ieħor. Aħna għandna nagħmlu l-​istess. (Mattew 4:10; 6:9) Madankollu, it-​talb tagħna għandu jingħad kollu f’isem Ġesù. Dan juri li nirrispettaw il-​pożizzjoni taʼ Ġesù u li għandna fidi fis-​sagrifiċċju tiegħu bħala l-​prezz tal-​fidwa.—Ġwann 14:6; 1 Ġwann 2:1, 2.

3. Meta nitolbu għandna nitkellmu m’Alla minn qalbna. M’għandniex ngħidu t-​talb tagħna għax tgħallimnieh bl-​amment jew naqrawh minn xi ktieb tat-​talb. (Mattew 6:7, 8) Nistgħu nitolbu fi kwalunkwe pożizzjoni taʼ rispett, fi kwalunkwe ħin, u fi kwalunkwe post. Alla kapaċi jismaʼ wkoll talb mhux imlissen li jingħad f’qalbna. (1 Samwel 1:12, 13) Huwa tajjeb li nsibu post għall-​kwiet, ’il bogħod minn nies oħrajn biex ngħidu t-​talb persunali tagħna.—Mark 1:35.

4. Dwar liema suġġetti tistaʼ titlob? Kwalunkwe ħaġa li tistaʼ teffettwa l-​ħbiberija tiegħek miegħu. (Filippin 4:6, 7) It-​talba mudell turi li għandna nitolbu dwar l-​isem u l-​iskop taʼ Jehovah. Nistgħu nitolbu wkoll biex jiġu pprovduti l-​bżonnijiet materjali tagħna, biex dnubietna jiġu maħfurin, u għal għajnuna biex nirreżistu t-​tentazzjoni. (Mattew 6:9-13) It-​talb tagħna m’għandux ikun egoistiku. Għandna nitolbu biss għal affarijiet li huma fi qbil mar-​rieda t’Alla.—1 Ġwann 5:14.

5. Tistaʼ titlob kull meta qalbek tqanqlek biex tirringrazzja jew tfaħħar ’l Alla. (1 Kronaki 29:10-13) Għandek titlob meta jkollok xi problemi u meta l-​fidi tiegħek tkun għaddejja minn prova. (Salm 55:23 [55:22 NW]; 120:1) Huwa xieraq li titlob qabel ma tiekol. (Mattew 14:19) Jehovah jistedinna biex nitolbu “dejjem.”—Efesin 6:18.

6. Għandna nitolbu b’mod speċjali jekk inkunu kkommettejna xi dnub serju. F’waqtiet bħal dawn għandna nittallbu għall-​ħniena u l-​maħfra taʼ Jehovah. Jekk nistqarru dnubietna lilu u nagħmlu l-​almu tagħna biex ma nerġgħux, Alla “lest biex [j]aħfer.”—Salm 86:5, KŻ; Proverbji 28:13.

7. Jehovah jismaʼ biss it-​talb taʼ nies twajbin. Biex it-​talb tiegħek jinstemaʼ minn Alla, trid tkun qiegħed tagħmel ħiltek kollha biex tgħix skond il-​liġijiet tiegħu. (Proverbji 15:29; 28:9) Trid tkun umli meta titlob. (Luqa 18:9-14) Trid tagħmel sforz biex taġixxi fi qbil maʼ dak li titlob dwaru. Int b’hekk se tagħti prova li għandek fidi u li verament tixtieq dak li qiegħed titlob. Huwa biss wara dan li Jehovah se jwieġeb it-​talb tiegħek.—Lhud 11:6.