Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Nuru Rispett Lejn Il-Ħajja u D-Demm

Nuru Rispett Lejn Il-Ħajja u D-Demm

Lezzjoni Nru. 12

Nuru Rispett Lejn Il-​Ħajja u D-​Demm

Kif għandna nħarsu lejn il-​ħajja? (1) l-​abort? (1)

Il-​Kristjani kif juru li jibżgħu għal ħajjithom? (2)

Huwa ħażin li toqtol l-​annimali? (3)

X’inhuma xi prattiċi li ma jurux rispett lejn il-​ħajja? (4)

X’inhi l-​liġi t’Alla dwar id-​demm? (5)

Jinkludi dan trasfużjonijiet tad-​demm? (6)

1. Jehovah hu s-​Sors tal-​ħajja. L-​affarijiet ħajjin kollha jafu ħajjithom lil Alla. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Il-​ħajja hija sagra għal Alla. Saħansitra l-​ħajja taʼ tarbija mhix imwielda f’ġuf ommha hija prezzjuża għal Jehovah. Huwa ħażin f’għajnejn Alla li toqtol apposta tarbija bħal din li qiegħda tiżviluppa.—Eżodu 21:22, 23; Salm 127:3.

2. Il-​Kristjani veri jibżgħu għal ħajjithom. Huma jiżguraw li l-​karozzi u d-​djar tagħhom m’humiex perikolużi. (Dewteronomju 22:8) Il-​qaddejja t’Alla ma jissugrawx ħajjithom bla bżonn sempliċement għall-​pjaċir jew eċċitament. Għalhekk ma jipparteċipawx fi sport vjolenti li deliberatament iweġġaʼ lil ħaddieħor. Huma jevitaw divertiment li jinkuraġġixxi l-​vjolenza.—Salm 11:5; Ġwann 13:35.

3. Il-​ħajja taʼ l-​annimali wkoll hija sagra għall-​Ħallieq. Kristjan jistaʼ joqtol annimali biex jipprovdi l-​ikel u l-​ilbies jew biex jipproteġi lilu nnifsu mill-​mard u l-​periklu. (Ġenesi 3:21; 9:3; Eżodu 21:28) Imma ħażin li taħqar l-​annimali jew li toqtolhom sempliċement għall-​isport jew għall-​gost.—Proverbji 12:10.

4. It-​tipjip, l-​użu taʼ sustanzi stimulanti, u l-​użu tad-​drogi għall-​gost m’humiex għall-​Kristjani. Dawn il-​prattiċi huma ħżiena għaliex (1) jagħmluna skjavi tagħhom, (2) jagħmlulna l-​ħsara, u (3) m’humiex nodfa. (Rumani 6:19; 12:1; 2 Korintin 7:1) Jistaʼ jkun diffiċli ferm li taqtaʼ dawn il-​vizzji. Imma hekk irridu nagħmlu biex nogħġbu lil Jehovah.

5. Id-​demm ukoll huwa sagru f’għajnejn Alla. Alla jgħid li r-​ruħ, jew ħajja, hija fid-​demm. Mela huwa ħażin li tiekol id-​demm. Huwa ħażin ukoll li tiekol il-​laħam t’annimal li ma jkunx ġie skarnat kif suppost. Jekk annimal jiġi maħnuq jew imut f’xi nassa, m’għandux jittiekel. Jekk jiġi milqut b’xi lanza jew b’xi tir, għandu jiġi skarnat malajr jekk se jittiekel.—Ġenesi 9:3, 4; Levitiku 17:13, 14; Atti 15:28, 29.

6. Huwa ħażin li taċċetta trasfużjoni tad-​demm? Ftakar, Jehovah jirrikjedi li nastjenu mid-​demm. Dan ifisser li ma rridu nieħdu ġo ġisimna assolutament bl-​ebda mod id-​demm taʼ ħaddieħor jew saħansitra d-​demm tagħna stess li jkun ġie maħżun. (Atti 21:25) Għalhekk, il-​Kristjani veri m’humiex se jaċċettaw trasfużjoni tad-​demm. Se jaċċettaw tipi oħrajn taʼ kura medika, bħalma hija t-​trasfużjoni taʼ prodotti li ma fihomx demm. Huma jridu jgħixu, imma m’humiex se jipprovaw isalvaw ħajjithom billi jiksru l-​liġijiet t’Alla.—Mattew 16:25.

[Stampi f’paġna 25]

Biex nogħġbu ’l Alla, irridu nevitaw trasfużjonijiet tad-​demm, vizzji maħmuġin, u riskji bla bżonn