Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Inhi S-Saltna T’Alla?

X’Inhi S-Saltna T’Alla?

Lezzjoni Nru. 6

X’Inhi S-​Saltna T’Alla?

Fejn tinsab is-​Saltna t’Alla? (1)

Min hu s-​Sultan tagħha? (2)

Hemm xi oħrajn li għandhom sehem f’li jaħkmu mas-​Sultan? Jekk inhu hekk, kemm hemm? (3)

X’juri li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem? (4)

Is-​Saltna t’Alla x’se tagħmel għall-​umanità fil-​futur? (5-7)

1. Meta kien fuq l-​art, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu għas-​Saltna t’Alla. Saltna hija gvern immexxi minn sultan. Is-​Saltna t’Alla hija gvern speċjali. Hija mwaqqfa fis-​sema u se taħkem għal fuq din l-​art. Se tissantifika, jew tqaddes, l-​isem t’Alla. Se ġġiegħel li sseħħ ir-​rieda t’Alla fuq l-​art kif inhi fis-​sema.—Mattew 6:9, 10.

2. Alla wiegħed li Ġesù kellu jsir is-​Sultan tas-​Saltna Tiegħu. (Luqa 1:30-33) Meta kien fuq l-​art, Ġesù ta prova li kellu jkun Ħakkiem ħanin, ġust, u perfett. Meta rritorna lejn is-​sema, ma kienx inkurunat Sultan tas-​Saltna t’Alla mill-​ewwel. (Lhud 10:12, 13) Fl-​1914, Jehovah ta lil Ġesù l-​awtorità li kien wiegħdu. Minn dak inhar, Ġesù beda u għadu jaħkem fis-​sema bħala s-​Sultan maħtur taʼ Jehovah.—Danjel 7:13, 14.

3. Jehovah għażel ukoll xi rġiel u nisa leali mill-​art biex imorru fis-​sema. Dawn se jaħkmu maʼ Ġesù bħala slaten, imħallfin, u qassisin għal fuq l-​umanità. (Luqa 22:28-30; Apokalissi 5:9, 10) Ġesù sejħilhom “merħla ċkejkna” lil dawn il-​ħakkiema bi sħab miegħu fis-​Saltna tiegħu. Huma jgħoddu 144,000.—Luqa 12:32; Apokalissi 14:1-3.

4. Hekk kif sar Sultan, Ġesù tefaʼ lil Satana u lill-​anġli mill-​agħar tiegħu ’l barra mis-​sema u ’l isfel lejn l-​art. Għalhekk l-​affarijiet ħżienu daqshekk hawn fuq l-​art mill-​1914 ’l hawn. (Apokalissi 12:9, 12) Gwerer, ġuħ, pesti, żjieda fin-​nuqqas taʼ ħarsien tal-​liġi—dawn kollha huma parti minn “sinjal” li jindika li Ġesù qiegħed jaħkem u li din is-​sistema qiegħda fl-​aħħar jiem tagħha.—Mattew 24:3, 7, 8, 12; Luqa 21:10, 11; 2 Timotju 3:1-5.

5. Ġesù dalwaqt se jiġġudika lin-​nies, billi jisseparahom bħalma ragħaj jifred in-​nagħaġ mill-​mogħoż. In-​“nagħaġ” huma dawk li se jkunu wrew li huma s-​sudditi leali tiegħu. Dawn se jirċievu ħajja taʼ dejjem fuq l-​art. Il-​“mogħoż” huma dawk li se jkunu ċaħdu s-​Saltna t’Alla. (Mattew 25:31-34, 46) Fil-​futur qarib, Ġesù se jeqred lil dawk kollha bħal mogħoż. (2 Tessalonikin 1:6-9) Jekk int trid tkun wieħed min-​“nagħaġ” taʼ Ġesù, trid tagħti widen għall-​messaġġ tas-​Saltna u taġixxi fuq dak li titgħallem.—Mattew 24:14.

6. Bħalissa l-​art maqsuma f’ħafna pajjiżi. Kull wieħed għandu l-​gvern tiegħu stess. Dawn il-​ġnus spiss jiġġieldu bejniethom. Imma s-​Saltna t’Alla se tieħu post il-​gvernijiet umani kollha. Se taħkem bħala l-​uniku gvern għal fuq l-​art kollha kemm hi. (Danjel 2:44) Imbagħad mhux se jkun hemm iktar gwerer, kriminalità, u vjolenza. In-​nies kollha se jgħixu flimkien fil-​paċi u fl-​unità.—Mikea 4:3, 4.

7. Matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù, bnedmin leali se jsiru perfetti, u l-​art kollha se ssir ġenna. Sa l-​aħħar taʼ l-​elf sena, Ġesù se jkun wettaq kulma Alla talbu jagħmel. Imbagħad se jrodd is-​Saltna lura lil Missieru. (1 Korintin 15:24) Għax ma tgħidx lill-​ħbieb u l-​maħbubin tiegħek dwar x’se tagħmel is-​Saltna t’Alla?

[Stampa f’paġna 13]

Taħt il-​ħakma taʼ Ġesù, mhux se jkun hemm iktar mibegħda jew preġudizzju