Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

X’Inhu L-Iskop T’Alla Għall-Art?

X’Inhu L-Iskop T’Alla Għall-Art?

Lezzjoni Nru. 5

X’Inhu L-​Iskop T’Alla Għall-​Art?

Jehovah għala ħalaq l-​art? (1, 2)

L-​art għala m’hijiex ġenna issa? (3)

X’se jiġrilhom in-​nies mill-​agħar? (4)

Fil-​futur, Ġesù x’se jagħmel għall-​morda? għall-​anzjani? għall-​mejtin? (5, 6)

Biex ikollok sehem fil-​barkiet futuri, x’għandek bżonn tagħmel? (7)

1. Jehovah ħalaq din l-​art biex il-​bnedmin ikunu jistgħu jieħdu pjaċir jgħixu fuqha għal dejjem. Ried li l-​art tkun dejjem abitata minn nies twajbin u ferħanin. (Salm 115:16; Isaija 45:18) L-​art qatt ma se tinqered; se tibqaʼ għal dejjem.—Salm 104:5; Koħèlet 1:4.

2. Qabel m’għamel lill-​bniedem, Alla għażel parti żgħira waħda mill-​art u dawwarha f’ġenna sabiħa. Semmieha l-​ġnien t’Għeden. Hawnhekk poġġiehom lill-​ewwel raġel u mara, Adam u Eva. L-​iskop t’Alla għalihom kien li jkollhom it-​tfal u jimlew l-​art kollha. Bil-​mod il-​mod kellhom jagħmlu l-​art kollha kemm hi ġenna.—Ġenesi 1:28; 2:8, 15.

3. Adam u Eva dinbu billi kisru l-​liġi t’Alla għax riedu. Għalhekk Jehovah tefagħhom ’il barra mill-​ġnien t’Għeden. Il-​ġenna tilfuha. (Ġenesi 3:1-6, 23) Imma Jehovah ma nsiehx l-​iskop tiegħu għal din l-​art. Hu jwiegħed li jdawwarha f’ġenna, fejn il-​bnedmin se jgħixu għal dejjem. Dan kif se jagħmlu?—Salm 37:29.

4. Qabel ma din l-​art tistaʼ ssir ġenna, iridu jitneħħew in-​nies mill-​agħar. (Salm 37:38) Dan se jseħħ f’Armageddon, li hija l-​gwerra t’Alla biex itemm il-​ħażen. Wara dan, Satana se jinqafel għal 1,000 sena. Dan ifisser li ħadd mill-​agħar ma se jibqaʼ biex iħassar l-​art. In-​nies t’Alla biss se jibqgħu ħajjin.—Apokalissi 16:14, 16; 20:1-3.

5. Imbagħad Ġesù Kristu se jaħkem bħala Sultan għal fuq din l-​art għal 1,000 sena. (Apokalissi 20:6) Bil-​mod il-​mod se jneħħi d-​dnub minn moħħna u minn ġisimna. Aħna se nsiru bnedmin perfetti sewwa sew bħalma kienu Adam u Eva qabel ma dinbu. Imbagħad mhux se jkun hemm iktar mard, xjuħija, u mewt. Il-​morda se jitfejqu, u x-​xjuħ se jsiru żgħażagħ mill-​ġdid.—Ġob 33:25; Isaija 33:24; Apokalissi 21:3, 4.

6. Matul ir-​Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù, bnedmin leali se jaħdmu biex ibiddlu l-​art kollha f’ġenna. (Luqa 23:43) Ukoll, miljuni taʼ wħud mejtin se jiġu rxoxtati għall-​ħajja umana fuq l-​art. (Atti 24:15) Jekk jagħmlu dak li Alla jirrikjedi minnhom, se jkomplu jgħixu fuq l-​art għal dejjem. Jekk le, se jiġu meqrudin għal dejjem.—Ġwann 5:28, 29; Apokalissi 20:11-15.

7. L-​iskop oriġinali t’Alla għall-​art b’hekk se jintlaħaq. Tixtieq int li jkollok sehem f’dawn il-​barkiet futuri? Jekk inhu hekk, jeħtieġ li tkompli titgħallem dwar Jehovah u tobdi l-​ħtiġijiet tiegħu. Li tattendi l-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna lokali tax-​Xhieda taʼ Jehovah se jgħinek tagħmel hekk.—Isaija 11:9; Lhud 10:24, 25.

[Stampa f’paġna 10]

Ġenna mitlufa

[Stampi f’paġna 11]

Wara Armageddon, l-​art se tiġi mibdula f’ġenna