Mur fil-kontenut

Faraġ Għal Dawk Dipressi

Faraġ Għal Dawk Dipressi

Faraġ Għal Dawk Dipressi

“Il-​ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-​uġigħ tal-​ħlas.” (Rumani 8:22) It-​tbatija tal-​bniedem kienet kbira meta dan il-​kliem inkiteb iktar minn 1,900 sena ilu. Ħafna kienu dipressi. Għalhekk, il-​Kristjani ġew imħeġġin: “Lissnu kliem li jikkonsla lill-​erwieħ dipressi.”—1 Tessalonikin 5:​14, New World Translation.

Illum, in-​niket tal-​bniedem huwa saħansitra akbar, u ħafna iktar nies minn qatt qabel huma dipressi. Imma għandu dan jissorprendina? Mhux bilfors, għax il-​Bibbja tidentifika dawn il-​jiem bħala “l-​aħħar tad-​dinja” u ssejħilhom “żmien iebes.” (2 Timotju 3:​1-5) Ġesù Kristu bassar li matul l-​aħħar jiem kellu jkun hemm “ħwejjeġ tal-​biżaʼ.”—Korsiv tagħna; Luqa 21:​7-11; Mattew 24:​3-14.

Meta n-​nies iġarrbu ansjetà, biżaʼ, niket, jew emozzjonijiet negattivi oħrajn bħal dawn fit-​tul, taʼ spiss isiru dipressi. Ir-​raġuni wara d-​dipressjoni jew in-​niket kbir tistaʼ tkun il-​mewt taʼ xi ħadd maħbub, xi divorzju, it-​telf taʼ impjieg, jew mard kiefer li ma jaqtaʼ qatt. In-​nies isiru dipressi wkoll meta jibdew iħossuhom li ma jiswew għal xejn, li huma falliment u li huma taʼ diżappunt għal kulħadd. Kulħadd jistaʼ jħossu mkisser minħabba xi sitwazzjoni stressanti, imma meta persuna tibda tħossha bla tama u ma tkun tistaʼ tara l-​ebda soluzzjoni għal xi sitwazzjoni kerha, tistaʼ tirriżulta dipressjoni serja.

Nies fiż-​żminijiet tal-​qedem ħassewhom l-​istess. Ġob sofra minn mard u sfortuna persunali. Hu ħass li Alla kien abbandunah, u għalhekk beda jistmerr il-​ħajja. (Ġob 10:1; 29:​2, 4, 5) Ġakobb kien dipress minħabba dik li dehret li kienet il-​mewt taʼ ibnu, u b’hekk irrifjuta li jiġi mfarraġ u xtaq li jmut. (Ġenesi 37:​33-35) Billi ħassu ħati taʼ żball serju, is-​Sultan David beka: “Il-​jum kollu ngħaddih fid-​dwejjaq. Mifni nħossni.”—Salm 38:​7, 9 [38:​6, 8, NW]; 2 Korintin 7:​5, 6.

Illum, ħafna saru dipressi minħabba li tgħabbew b’piżijiet żejda. Huma jipprovaw isegwu rutina taʼ kuljum li r-​riżorsi mentali, emozzjonali, u fiżiċi tagħhom ma jlaħħqux magħha. Mid-​dehra l-​istress, flimkien maʼ ħsibijiet u emozzjonijiet negattivi, jistaʼ jeffettwa l-​ġisem u jikkontribwixxi għal żbilanċ kimiku fil-​moħħ, u b’hekk jipproduċi d-​dipressjoni.—Qabbel Proverbji 14:30.

Għajnuna li Għandhom Bżonn

Epafroditu, Kristjan taʼ l-​ewwel seklu minn Filippi, ‘inkwieta ħafna għax ħbiebu semgħu li kien marad.’ Epafroditu, li kien marad wara li kien intbagħat lejn Ruma minn ħbiebu bi provvisti għall-​appostlu Pawlu, forsi ħassu li kien taʼ diżappunt għal ħbiebu u li huma qisuh bħala falliment. (Filippin 2:​25-27; 4:18) L-​appostlu Pawlu kif kien taʼ għajnuna?

Hu bagħat lil Epafroditu lura lejn daru b’ittra lill-​ħbieb Filippin li kienet tgħid: “Ilqgħuh [lil Epafroditu] ilkoll ferħana fil-​Mulej; għożżuhom nies bħal dawn.” (Filippin 2:​28-30) Il-​fatt li Pawlu tkellem tant bi stima dwaru u li l-​Filippin laqgħuh b’kordjalità u affezzjoni, żgur li kkonsla lil Epafroditu u għenu jtaffi d-​dipressjoni li kellu.

Bla dubju, il-​parir tal-​Bibbja biex ‘illissnu kliem taʼ konsolazzjoni lill-​erwieħ dipressi’ (NW) huwa l-​aqwa wieħed. “Int għandek bżonn tkun taf li oħrajn jimpurtahom minnek,” qalet waħda mara li kellha d-​dipressjoni. “Ikollok bżonn tismaʼ lil xi ħadd jgħidlek, ‘Qiegħed nifhmek; issa jgħaddilek.’”

Min ikun dipress taʼ spiss ikollu bżonn jieħu l-​inizjattiva billi jfittex lil xi ħadd li jifhmu sew ħalli jkun jistaʼ jiftaħ qalbu miegħu. Dan il-​wieħed għandu jkun semmiegħ tajjeb u jkollu ħafna paċenzja. Ma jridx joqgħod jagħmillu xi priedki lil dak li hu dipress jew jiġġudikah billi joqgħod jgħidlu, ‘M’għandekx għalfejn tħossok hekk’ jew, ‘Dik mhix attitudni tajba.’ L-​emozzjonijiet taʼ min ikun dipress huma delikati, u kummenti taʼ kritika bħal dawn se jġagħluh biss iħossu agħar dwaru nnifsu.

Min hu dipress jistaʼ jħossu li ma jiswa għal xejn. (Ġona 4:3) Madankollu, dak li jkun għandu jżomm f’moħħu li dak li tassew jgħodd hu kif Alla jistmah. Il-​bnedmin lil Ġesù Kristu ‘xejn ma qisuh,’ imma dan ma biddilx l-​istima vera li Alla għandu lejh. (Isaija 53:3) Kun ċert li sewwa sew bħalma Alla jħobb lill-​għażiż Ibnu, hu jħobb lilek ukoll.—Ġwann 3:16.

Ġesù tħassar lill-​imnikktin u pprova jgħinhom biex jaraw kemm kull wieħed minnhom kien taʼ valur. (Mattew 9:36; 11:​28-30; 14:14) Hu spjega kif għal Alla saħansitra l-​għasafar tal-​bejt li huma żgħar u insinifikanti huma taʼ valur. “Anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla,” hu qal. Kemm huma ħafna iktar taʼ valur għalih il-​bnedmin li jipprovaw jagħmlu r-​rieda tiegħu! Dwar dawn Ġesù qal: “Sa x-​xagħar taʼ raskom, kollu magħdud.”—Luqa 12:​6, 7.

Veru, jistaʼ jkun diffiċli għal min hu dipress serjament, u megħlub bid-​dgħjufijiet u n-​nuqqasijiet tiegħu biex jemmen li Alla jistmah ħafna. Hu jistaʼ jħossu ċert li ma jixraqlux l-​imħabba u l-​attenzjoni t’Alla. “Il-​kuxjenza ċċanfarna,” tirrikonoxxi l-​Kelma t’Alla. Imma huwa dan fattur determinanti? Le m’huwiex. Alla jirrealizza li bnedmin midinbin jistgħu jaħsbu b’mod negattiv u saħansitra jikkundannaw lilhom infushom. Għalhekk, il-​Kelma tiegħu tfarraġhom: “Alla hu aqwa mill-​kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox.”—1 Ġwann 3:​19, 20.

Iva, Missierna tas-​sema li jħobb, jara lil hinn mid-​dnubiet u l-​iżbalji tagħna. Hu jaf f’liema ċirkustanzi ninsabu, kif ngħixu ħajjitna, il-​motivi u l-​intenzjonijiet tagħna. Jaf li aħna writna d-​dnub, il-​mard, u l-​mewt, u għalhekk għandna limitazzjonijiet kbar. Il-​fatt li nħossuna mnikktin u mdejqin bina nfusna huwa prova fih innifsu li ma rridux nidinbu u ma qbiżniex il-​limitu. Il-​Bibbja tgħid li aħna ‘ninsabu taħt il-​frugħa’ mhux għax irridu. Mela Alla jifhem f’liema stat miżeru ninsabu, u b’mogħdrija jqis id-​dgħjufijiet tagħna.—Rumani 5:12; 8:20.

“Ħanin u twajjeb il-​Mulej,” aħna assigurati. “Daqs kemm hu mbiegħed il-​lvant mill-​punent, hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:​8, 12, 14) Verament, Jehovah hu “Alla taʼ kull faraġ. Hu jfarraġna fl-​hemm kollu tagħna.”—2 Korintin 1:​3, 4.

L-aħjar għajnuna għal min hu dipress tiġi milli hu jersaq qrib lejn dak Alla ħanin tiegħu u milli jaċċetta l-​istedina tiegħu biex ‘jixħet it-​tagħbija tiegħu fuqu.’ Hu jistaʼ tabilħaqq ‘iqawwi l-​qalb miksura.’ (Salm 55:​22, NW; Isaija 57:15) Mela l-​Kelma t’Alla tħeġġiġna biex nitolbu, billi tgħid: “Ixħtu fuqu l-​ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.” (1 Pietru 5:7) Iva, permezz tat-​talb u t-​tħannin uħud jistgħu jersqu qrib t’Alla u jgawdu “s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem.”—Filippin 4:​6, 7; Salm 16:​8, 9.

Jekk wieħed jagħmel aġġustamenti prattiċi fil-​mod taʼ kif jgħix, dan ukoll jistaʼ jgħinu jegħleb burdata dipressanti. L-​eżerċizzju fiżiku, l-​ikel bnin, l-​arja friska, li tistrieħ biżżejjed, u li tevita li tara wisq TV huma kollha importanti. Waħda mara għenet lil uħud dipressi billi ġagħlithom jagħmlu mixjiet vigorużi. Meta waħda dipressa qalet: “Ma rridx immur nimxi,” il-​mara bil-​ħlewwa imma b’mod sod wieġbet: “Iva, int sejra.” Il-​mara rrapportat: ‘Imxejna erbaʼ mili. Meta ġejna lura, hi kienet għajjiena, imma ħassitha aħjar. Ma temminx kemm hu taʼ għajnuna l-​eżerċizzju vigoruż sakemm tipprovah.’

Madankollu, xi drabi huwa impossibbli li tegħleb id-​dipressjoni għalkollox, saħansitra meta tkun ipprovajt minn kollox, anki terapiji mediċi. “Jien ipprovajt minn kollox,” qalet mara taʼ mezz’età, “imma d-​dipressjoni tibqaʼ.” B’mod simili, anki issa huwa kważi dejjem impossibbli li tfejjaq lill-​għomja, lit-​torox, jew liz-​zopop. Madankollu, uħud dipressi jistgħu jsibu faraġ u tama billi regolarment jaqraw il-​Kelma t’Alla, li tipprovdi t-​tama ċerta taʼ ħelsien permanenti minn kull mard uman.—Rumani 12:12; 15:4.

Meta Ħadd Iktar Ma Se Jerġaʼ Jkun Dipress

Meta Ġesù ddeskriva l-​affarijiet koroh li kellhom jiġu fuq l-​art fl-​aħħar jiem, hu żied: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-​fidwa tagħkom hi fil-​qrib.” (Luqa 21:28) Ġesù kien qed jitkellem dwar il-​ħelsien ġod-​dinja ġdida taʼ tjieba t’Alla, fejn “il-​ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-​jasar tat-​taħsir u jiksbu l-​ħelsien tal-​glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.

X’serħan se jkun għall-​bnedmin li jiġu meħlusin minn dak li qabel kien ifixkilhom u li jqumu kuljum b’moħħhom mistrieħ, ħerqanin biex imiddu għonqhom għall-​attività tal-​ġurnata! Qatt iktar ma se jkun hemm xi ħadd ibati minħabba d-​dipressjoni. Hemm wegħda ċerta għall-​bnedmin, u din hi li Alla se “jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:​3, 4.

Jekk mhux indikat mod ieħor, il-​kwotazzjonijiet Skritturali huma meħudin mill-​Bibbja Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni (1996).