Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Daħla

Daħla

Għażiż Qarrej:

“Ejja kun segwaċi tiegħi.” (Marku 10:21) B’dan il-kliem, Ġesù Kristu fil-​fatt qed jistidinna biex insegwuh. Qed twieġeb int għas-​sejħa tiegħu? Jekk issegwih, dan se jkollu effett kbir fuq ħajtek. Għala?

Ġeħova bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fuq l-​art sabiex jagħti ħajtu bħala fidwa. (Ġwanni 3:16) Dan l-Iben mhux biss miet għalina imma wkoll uriena kif għandna ngħixu. F’kulma għamel, hu żamm l-​integrità tiegħu u ferraħ qalb Missieru. Ġesù wriena wkoll kif nistgħu nkunu bħal Missieru. It-​triqat u r-​rieda tal-​Missier dehru b’mod perfett fil-​kliem u fl-​għemejjel ta’ l-​Iben.​—Ġwanni 14:9.

Ġesù hu “mudell,” tgħid il-​Bibbja, “biex [nimxu] mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Jekk irridu nersqu eqreb lejn Ġeħova, jekk irridu ħajja tassew sodisfaċenti issa, u jekk irridu nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem, irridu nsegwu mill-​qrib il-passi ta’ Kristu.

Sabiex nibdew dan il-​vjaġġ, irridu nsiru midħla tal-​ħajja ta’ Ġesù fuq l-​art. Għalhekk, id-​deskrizzjoni ta’ Ġesù li hija preservata fil-​Bibbja jistħoqqilha li nistudjawha bir-​reqqa. Jekk nirriflettu fuq l-​affarijiet li Ġesù qal u għamel u nikkunsidraw kif nistgħu nimitawh bil-​kliem u bl-​għemejjel tagħna se niġu megħjunin biex naraw iktar ċar kif nistgħu nsegwuh.

Jalla din il-​pubblikazzjoni tgħinek tkabbar l-imħabba tiegħek għal Ġesù u għal Ġeħova. U jalla din l-​imħabba tqanqlek biex issegwi mill-​qrib il-​passi ta’ Ġesù sabiex tferraħ qalb Ġeħova issa u għal dejjem.

Il-Pubblikaturi