Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 4

“Ara! L-​Iljun tat-​Tribù taʼ Ġuda”

“Ara! L-​Iljun tat-​Tribù taʼ Ġuda”

“Jien hu”

1-3. Liema periklu jiffaċċja Ġesù, u kif jirreaġixxi?

MARMALJA qed tfittex lil Ġesù sabiex tarrestah. Armati bi sjuf u bsaten u b’suldati fosthom, l-​irġiel jifformaw folla kbira. Bħallikieku mmexxijin minn skop wieħed mill-​agħar, huma jgħaddu mit-​toroq mudlama taʼ Ġerusalemm u jaqsmu l-​Wied taʼ Kidron għall-​Muntanja taż-​Żebbuġ. Għalkemm il-​qamar kwinta, qed iġorru t-​torċi u l-​imsiebaħ. Huwa dan minħabba li s-​sħab qed jgħatti d-​dawl tal-​qamar? Jew qed jistennew li se jsibu lil dak li qed ifittxu mistoħbi fid-​dlam? Ħaġa waħda hija ċerta: Kulmin jistenna li Ġesù se jaħrab bil-​biża’ ma jaf xejn dwar il-​karattru tiegħu.

2 Ġesù hu konxju tal-​periklu li riesaq. Minkejja dan, hu ma jipprovax jaħrab imma jibqa’ jistenna fejn hu. Il-​marmalja qed toqrob, immexxija minn Ġuda, li darba kien ħabib fdat taʼ Ġesù. Ġuda jittradixxi lil Ġesù b’mod sfaċċat, billi jidentifika lil dak li qabel kien sidu b’tislima kollha ipokrisija u b’bewsa. Xorta waħda, Ġesù jibqa’ kalm. Imbagħad jersaq quddiem il-​marmalja. “Lil min qed tfittxu?” jistaqsi hu. “Lil Ġesù n-​Nazzarenu,” iwieġbu huma.

3 Il-​biċċa l-​kbira min-​nies kieku jitriegħdu bil-​biża’ quddiem marmalja armata bħal din. Forsi l-​folla hekk qed tistenna li se jagħmel dan ir-​raġel li qiegħed quddiemhom. Imma Ġesù ma jibżax, ma jaħrabx, u lanqas ma taħrablu xi gidba. Minflok, hu sempliċement jgħid: “Jien hu.” Tant hu kalm, tant hu qalbieni, li l-​irġiel jibqgħu mbellhin. Huma jersqu lura u jaqgħu maʼ l-​art!—Ġwanni 18:1-​6; Mattew 26:45-​50; Marku 14:41-​46.

4-6. (a) L-​Iben t’Alla maʼ xiex jiġi mxebbah, u għala? (b) Liema huma tliet modi li bihom Ġesù wera l-​kuraġġ?

4 Ġesù kif seta’ jiffaċċja dan il-​periklu kbir b’tant rażna u kontroll fuqu nnifsu? It-​tweġiba, f’kelma waħda, hi l-​kuraġġ. Il-​kuraġġ huwa waħda mill-​iktar kwalitajiet ammirati u bżonnjużi f’mexxej, u ebda bniedem ma qatt kien daqs Ġesù, aħseb u ara kemm kien aħjar minnu, f’dan ir-​rigward. Fil-​kapitlu taʼ qabel, tgħallimna kemm Ġesù kien umli u ġwejjed. Hu bix-​xieraq issejjaħ “il-​Ħaruf.” (Ġwanni 1:29) Madankollu, il-​kuraġġ taʼ Ġesù huwa r-​raġuni għala ngħata deskrizzjoni oħra differenti ħafna. Il-​Bibbja tgħid hekk dwar l-​Iben t’Alla: “Ara! L-​Iljun tat-​tribù taʼ Ġuda.”—Rivelazzjoni 5:5.

5 L-​iljun spiss jiġi assoċjat mal-​kuraġġ. Qatt kont bil-​wieqfa wiċċ imbwiċċ maʼ ljun kbir? Jekk iva, x’aktarx li kont fis-​sigurtà, mifrud minnu permezz taʼ xi lqugħ ħdejn il-​post fejn jinżamm fiż-​żu. Xorta waħda, esperjenza bħal din tista’ tkun tal-​biża’. Hekk kif tħares fiss lejn wiċċ dan l-​annimal kbir u b’saħħtu u hu jħares fiss lejk, żgur ma jgħaddilekx minn moħħok li l-​iljun qatt se jaħrab bil-​biża’ minn xi ħaġa. Il-​Bibbja titkellem dwar “l-​iljun, l-​iktar setgħan fost il-​bhejjem u li ma jerġa’ lura minn quddiem ħadd.” (Proverbji 30:30) Il-​kuraġġ taʼ Kristu hu eżatt bħal taʼ l-​iljun.

6 Ejja niddiskutu kif Ġesù wera kuraġġ bħal taʼ ljun bi tliet modi: billi ddefenda l-​verità, billi wera l-​ġustizzja, u billi ffaċċja l-​oppożizzjoni. Se naraw ukoll li lkoll kemm aħna—kemm jekk aħna qalbenin minna nfusna u kemm jekk le—nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li nuru l-​kuraġġ.

Hu Ddefenda l-​Verità bil-​Kuraġġ

7-9. (a) X’ġara meta Ġesù kellu 12-​il sena, u għala tħoss li din is-​sitwazzjoni kienet xi ftit tal-​biża’? (b) Ġesù kif wera l-​kuraġġ bil-​mod kif ittratta lill-​għalliema fit-​tempju?

7 F’dinja maħkuma minn Satana, “missier il-​gidba,” spiss jirrikjedi l-​kuraġġ biex niddefendu l-​verità. (Ġwanni 8:44; 14:30) Ġesù ma stenniex sakemm isir adult biex jieħu din il-​waqfa. Meta kellu 12-​il sena, Ġesù ntilef minn mal-​ġenituri tiegħu wara l-​festa tal-​Qbiż f’Ġerusalemm. Għal tlett ijiem, Marija u Ġużeppi fittxewh bla heda. Fl-​aħħar sabuh fit-​tempju. U x’kien qed jagħmel hemm? Kien “bil-​qiegħda f’nofs l-​għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” (Luqa 2:41-​50) Ikkunsidra l-​isfond taʼ din id-​diskussjoni.

8 L-​istorjografi jgħidu li wħud mill-​mexxejja reliġjużi prominenti kellhom id-​drawwa li jibqgħu fit-​tempju wara l-​festi u jgħallmu f’wieħed mill-​portiċi spazjużi li kien hemm. In-​nies kienu joqogħdu bil-​qiegħda maʼ l-​art u jistaqsuhom mistoqsijiet. Dawn l-​għalliema kienu rġiel t’edukazzjoni għolja. Kienu jafu tajjeb x’tgħid il-​Liġi Mosajka u wkoll il-​liġijiet u t-​tradizzjonijiet bla tarf u kumplessi li għamlu l-​bnedmin u li kienu żdiedu tul is-​snin. Kif stajt ħassejtek bil-​qiegħda f’nofshom? Xi ftit beżgħan? U bir-​raġun. U xi ngħidu kieku kellek biss 12-​il sena? Ħafna adoloxxenti huma mistħijin. (Ġeremija 1:6) Xi wħud jipprovaw jagħmlu minn kollox biex ma jiġbdux l-​attenzjoni taʼ l-​għalliema tagħhom fl-​iskola; dawn l-​adoloxxenti jibżgħu li jiġu mitlubin jagħmlu jew jgħidu xi ħaġa, jibżgħu li jingħataw attenzjoni speċjali, jibżgħu li forsi se jiġu imbarazzati jew imwaqqgħin għaċ-​ċajt.

9 Madankollu, hawnhekk insibu lil Ġesù, bil-​qiegħda f’nofs dawn l-​irġiel għorrief, bla biża’ jistaqsihom mistoqsijiet li jolqtuhom fil-​laħam il-​ħaj. U għamel saħansitra iktar minn hekk. Ir-​rakkont jgħidilna: “Dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-​tweġibiet tiegħu.” (Luqa 2:47) Il-​Bibbja ma tgħidilniex x’qal f’din l-​okkażjoni, imma nistgħu nkunu fiduċjużi li hu ma qagħadx jirripeti t-​tagħlim falz li tant kien jogħġob lil dawn l-​għalliema reliġjużi. (1 Pietru 2:22) Le, hu żamm mal-​verità tal-​Kelma t’Alla, u s-​semmiegħa tiegħu żgur baqgħu mbellhin b’tifel taʼ 12-​il sena li seta’ jesprimi lilu nnifsu b’daqshekk dehen u kuraġġ.

Ħafna żgħażagħ Kristjani jaqsmu l-​fidi tagħhom b’kuraġġ m’oħrajn

10. Kristjani żgħażagħ illum kif jimitaw il-​kuraġġ taʼ Ġesù?

10 Illum, għadd kbir taʼ Kristjani żgħażagħ qed isegwu l-​passi taʼ Ġesù. M’għandniex xi ngħidu, m’humiex perfetti bħal ma kien iż-​żagħżugħ Ġesù. Però, bħalu ma jistennewx li jkunu adulti biex jieħdu waqfa għall-​verità. Fl-​iskola jew fil-​komunitajiet fejn joqogħdu, huma b’tattika jistaqsu lin-​nies mistoqsijiet, jisimgħu, u b’rispett jaqsmu l-​verità magħhom. (1 Pietru 3:15) Bħala grupp, dawn iż-​żgħażagħ għenu lil sħabhom tal-​klassi, lill-​għalliema, u lill-​ġirien isiru segwaċi taʼ Kristu. Min jaf kemm il-​kuraġġ tagħhom iferraħ lil Ġeħova! Il-​Kelma tiegħu xxebbah lil dawn iż-​żgħażagħ maʼ qtar tan-​nida—rifreskanti, pjaċevoli, u numerużi.—Salm 110:3.

11, 12. Bħala adult, Ġesù kif wera l-​kuraġġ f’li jiddefendi l-​verità?

11 Bħala raġel, Ġesù wera l-​kuraġġ darba wara l-​oħra f’li jiddefendi l-​verità. Fil-​fatt, il-​ministeru tiegħu beda b’konfrontazzjoni li ħafna jqisuha tal-​biża’. Bħala sempliċi bniedem tad-​demm u l-​laħam, u mhux bħala l-​arkanġlu setgħan, Ġesù kellu jiffaċċja lil Satana, l-​iktar għadu setgħan u perikoluż taʼ Ġeħova. Ġesù ċaħad lil Satana u ta prova li dan kien applika ħażin l-​Iskrittura ispirata. Ġesù temm il-​konversazzjoni billi bil-​qlubija kkmanda: “Mur ’l hemm, Satana!”—Mattew 4:2-​11.

12 B’hekk, Ġesù sejjes il-​pedament għall-​ministeru tiegħu, billi bil-​qlubija ddefenda l-​Kelma taʼ Missieru mill-​isforzi biex jgħawġuha jew jużawha ħażin. Dak iż-​żmien, bħal-​lum, diżonestà bħal din fi kwistjonijiet reliġjużi kienet komuni ħafna. Lill-​mexxejja reliġjużi taʼ żmienu, Ġesù qalilhom: “Iġġibu l-​kelma t’Alla fix-​xejn bit-​tradizzjoni tagħkom li intom għaddejtu lil oħrajn.” (Marku 7:13) Dawn l-​irġiel kienu onorati bil-​kbir min-​nies in ġenerali, imma Ġesù bla biża’ akkużahom bħala gwidi għomja u ipokriti. * (Mattew 23:13, 16) Kif nistgħu nimitaw dan l-​aspett taʼ l-​eżempju kuraġġuż taʼ Ġesù?

13. Xi rridu niftakru meta nimitaw lil Ġesù, madankollu xi privileġġ għandna?

13 M’għandniex xi ngħidu, aħna niftakru li la għandna l-​abbiltà taʼ Ġesù li naqraw il-​qlub u lanqas l-​awtorità tiegħu li niġġudikaw. Madankollu, nistgħu nimitaw il-​mod kif iddefenda l-​verità bil-​qlubija. Per eżempju, billi nikxfu t-​tagħlim reliġjuż falz—il-​gideb li spiss jiġi mgħallem dwar Alla, l-​iskopijiet tiegħu, u l-​Kelma tiegħu—aħna nitfgħu dawl f’dinja mudlama minħabba l-​propaganda taʼ Satana. (Mattew 5:14; Rivelazzjoni 12:9, 10) Aħna ngħinu lin-​nies biex jinħelsu mill-​jasar tat-​tagħlim falz li jimla lil qalbhom b’biża’ kbir u li jħassar ir-​relazzjoni tagħhom m’Alla. Xi privileġġ għandna li naraw it-​twettiq tal-​wegħda taʼ Ġesù: “Il-​verità teħliskom”!—Ġwanni 8:32.

Hu Wera l-​Ġustizzja bil-​Kuraġġ

14, 15. (a) Liema hu mod wieħed kif Ġesù għamel ċar “x’inhi l-​ġustizzja”? (b) Meta tkellem maʼ mara Samaritana, Ġesù injora liema preġudizzji?

14 Il-​profezija Biblika bassret li l-​Messija kellu juri lill-​ġnus b’mod ċar “x’inhi l-​ġustizzja.” (Mattew 12:18; Isaija 42:1) Ġesù żgur li beda jagħmel dan meta kien fuq l-​art. B’kuraġġ kbir, hu wera li dejjem kien ġust u imparzjali fil-​mod kif ittratta lin-​nies. Per eżempju, hu rrifjuta li jaċċetta l-​preġudizzji u l-​intolleranza mhux Skritturali li kienu komuni fid-​dinja ta’ madwaru.

15 Meta Ġesù tkellem maʼ mara Samaritana ħdejn il-​bir taʼ Sikar, id-​dixxipli tiegħu baqgħu mbellhin. Għala? Dak iż-​żmien, il-​biċċa l-​kbira mil-​Lhud kienu jobogħdu lis-​Samaritani; din il-​mibegħda kienet ilha għaddejja s-​snin. (Esdra 4:4) Barra minn hekk, xi wħud mir-​rabbini kienu jħarsu lejn in-​nisa bi stmerrija. Ir-​regoli rabbiniċi, li iktar tard tniżżlu bil-​miktub, kienu jiskuraġġixxu lill-​irġiel milli jkellmu lin-​nisa; saħansitra kienu jindikaw li n-​nisa ma kienx jistħoqqilhom jiġu mgħallmin il-​Liġi t’Alla. B’mod partikulari, in-​nisa Samaritani kienu jitqiesu bħala li m’humiex nodfa. Ġesù injora dawn il-​preġudizzji mhux ġusti u fil-​beraħ għallem lill-​mara Samaritana (li kienet qed tgħix ħajja immorali), saħansitra rrivelalha l-​identità tiegħu bħala l-​Messija.—Ġwanni 4:5-​27.

16. Il-​Kristjani għala għandhom bżonn il-​kuraġġ biex ikunu differenti fejn jidħol il-​preġudizzju?

16 Ġieli sibt ruħek fost uħud li kellhom preġudizzji xejn sbieħ? Forsi wħud li bi tmaqdir jiċċajtaw b’nies taʼ razza jew ġens ieħor, jitkellmu b’disprezz dwar membri tas-​sess oppost, jew iħarsu lejn dawk taʼ livell soċjali jew ekonomiku differenti bħala li huma inferjuri. Is-​segwaċi taʼ Kristu ma japprovawx ideat bħal dawn, u jaħdmu iebes biex jeliminaw kwalunkwe traċċa taʼ preġudizzju li jista’ jkun hemm f’qalbhom. (Atti 10:34) Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nikkultivaw il-​kuraġġ biex inkunu imparzjali f’dan ir-​rigward.

17. Ġesù liema azzjoni ħa fit-​tempju, u għala?

17 Ukoll, il-​kuraġġ wassal lil Ġesù biex jiġġieled għall-​indafa tal-​poplu t’Alla u għall-​arranġament tal-​qima pura. Kmieni fil-​ministeru tiegħu, hu daħal fil-​post fejn kien hemm it-​tempju f’Ġerusalemm u ħassu diżgustat x’ħin ra l-​merkanti u s-​sarrafa tal-​flus jinnegozjaw hemmhekk. Mimli rabja ġusta, Ġesù keċċa lil dawn l-​irġiel rgħiba u l-​merkanzija tagħhom ’il barra. (Ġwanni 2:13-​17) Hu għamel xi ħaġa simili iktar tard, lejn tmiem il-​ministeru tiegħu. (Marku 11:15-​18) Dawn l-​għemejjel żgur wassluh biex ikollu għedewwa setgħana, madankollu ma qagħadx jaħsibha. Għala? Sa minn ċkunitu, hu sejjaħ dan it-​tempju dar Missieru—u verament qiesu b’dan il-​mod. (Luqa 2:49) Ġesù qatt ma seta’ jagħlaq għajnejh għall-​inġustizzja li kienet qed isseħħ fit-​tempju, jiġifieri li titħammeġ il-​qima pura. Iż-​żelu tiegħu tah il-​kuraġġ biex jagħmel dak li kien meħtieġ.

18. Il-​Kristjani llum kif jistgħu juru l-​kuraġġ b’konnessjoni maʼ l-​indafa tal-​kongregazzjoni?

18 Illum, is-​segwaċi taʼ Kristu bl-​istess mod jinteressahom ħafna mill-​indafa tal-​poplu t’Alla u mill-​arranġament għall-​qima pura. Jekk jaraw li Kristjan ieħor qed jinvolvi ruħu fi dnub serju, ma jaqbdux u jagħlqu għajnejhom għall-​ħażen. Bil-​kuraġġ huma jkellmu lill-​persuna jew lill-​anzjani. (1 Korintin 1:11) Huma jagħmlu ċert li l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jkunu informati. L-​anzjani jistgħu jgħinu lil dawk li jkunu morda spiritwalment u wkoll jistgħu jieħdu azzjoni biex in-​nagħaġ taʼ Ġeħova jibqgħu nodfa f’għajnejh.—Ġakbu 5:14, 15.

19, 20. (a) Liema inġustizzji kienu komuni fi żmien Ġesù, u liema pressjoni ffaċċja Ġesù? (b) Is-​segwaċi taʼ Kristu għala jirrifjutaw li jinvolvu ruħhom fil-​politika u fil-​vjolenza, u liema hu premju wieħed għall-​waqfa tagħhom?

19 Però, għandna nikkonkludu li Ġesù ġġieled kontra l-​inġustizzja soċjali fid-​dinja b’mod ġenerali? Ċertament li kien hemm inġustizzji kullimkien. Art twelidu kienet maħkuma minn potenza barranija. Ir-​Rumani ħaqru lil-​Lhud bi preżenza militari qawwija, għamlulhom taxxi ebsin, u saħansitra ndaħlu fid-​drawwiet reliġjużi tagħhom. Mhux taʼ b’xejn li ħafna riedu lil Ġesù jinvolvi ruħu fil-​politika taʼ żmienu. (Ġwanni 6:14, 15) Għal darb’oħra, Ġesù kellu juri l-​kuraġġ.

20 Ġesù spjega li s-​Saltna tiegħu ma kinitx parti mid-​dinja. Bl-​eżempju tiegħu, hu ħarreġ lis-​segwaċi tiegħu biex ma jinvolvux ruħhom fit-​taqbid politiku taʼ dak iż-​żmien, u biex minflok jiffokaw fuq l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. (Ġwanni 17:16; 18:36) Hu għallem lezzjoni qawwija rigward in-​newtralità meta l-​marmalja marret biex tarrestah. Pietru mill-​ewwel ħa azzjoni, billi bla ma ħasibha xejjer is-​sejf tiegħu u weġġa’ lil wieħed raġel. Huwa faċli li nifhmu lil Pietru. Jekk il-​vjolenza qatt setgħet tidher li hi ġustifikata, kien f’dan il-​lejl, meta l-​Iben innoċenti t’Alla ġie attakkat. Madankollu, Ġesù f’dak il-​mument ħalla l-​eżempju għas-​segwaċi tiegħu fuq l-​art sa żmienna: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” (Mattew 26:51-​54) Żgur li biex jieħdu din il-​waqfa paċifika, is-​segwaċi taʼ Kristu kellhom bżonn il-​kuraġġ, bħalma jeħtieġ li jkollna aħna llum. Minħabba n-​newtralità Kristjana tagħhom, in-​nies t’Alla llum għandhom rekord nadif b’konnessjoni man-​numru bla għadd taʼ gwerer, olokawsti, rewwixti, u atti simili taʼ vjolenza. Dan ir-​rekord eċċellenti huwa premju wieħed għall-​kuraġġ tagħhom.

Hu Ffaċċja l-​Oppożizzjoni bil-​Kuraġġ

21, 22. (a) Ġesù liema għajnuna rċieva qabel ma ffaċċja l-​iktar prova diffiċli tiegħu? (b) Ġesù kif wera li kien kuraġġuż sat-​tmiem?

21 L-​Iben taʼ Ġeħova kien jaf sew bil-​quddiem li kien se jiffaċċja oppożizzjoni ħarxa hawn fuq l-​art. (Isaija 50:4-​7) Hu ffaċċja ħafna theddid taʼ mewt, li wasslu għal dak li ddeskrivejna fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu. Ġesù kif baqa’ kuraġġuż meta ffaċċja dawn il-​perikli? Mela, Ġesù x’kien qed jagħmel qabel ma l-​marmalja marret biex tarrestah? Kien qed jitlob bil-​ħrara lil Ġeħova. U Ġeħova x’għamel? Il-​Bibbja tgħidilna li t-​talb taʼ Ġesù “ntlaqa’.” (Ebrej 5:7) Ġeħova bagħat anġlu mis-​sema biex isaħħaħ lill-​Iben qalbieni tiegħu.—Luqa 22:42, 43.

22 Ftit wara li ġie msaħħaħ, Ġesù qal lill-​appostli tiegħu: “Qumu, ejja mmorru.” (Mattew 26:46) Aħseb ftit dwar il-​qlubija li wera f’dan il-​kliem. “Ejja mmorru,” qal hu, avolja kien jaf li kien se jitlob lill-​marmalja biex teħles lil sħabu, avolja kien jaf li dawn il-​ħbieb kienu se jabbandunawh u jaħarbu, u avolja kien jaf li kien se jkompli waħdu biex jiffaċċja l-​iktar prova diffiċli taʼ ħajtu. Waħdu, hu ffaċċja ġuri illegali u inġust, twaqqigħ għaċ-​ċajt, tortura, u mewta agonizzanti. Matul dan kollu, il-​kuraġġ qatt ma naqsu.

23. Spjega għala Ġesù ma kienx qed juri nuqqas taʼ responsabbiltà fil-​mod kif iffaċċja l-​periklu u t-​theddid taʼ mewt.

23 Kien Ġesù qed juri nuqqas taʼ responsabbiltà? Le; in-​nuqqas taʼ responsabbiltà m’għandux x’jaqsam mal-​kuraġġ veru. Fil-​fatt, Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex ikunu attenti, biex iwarrbu b’mod għaqli mill-​periklu ħalli jkomplu jagħmlu r-​rieda t’Alla. (Mattew 4:12; 10:16) Però, f’dan il-​każ, Ġesù kien jaf li ma setax iwarrab. Hu kien jaf x’kienet tinvolvi r-​rieda t’Alla. Ġesù kien determinat li jżomm l-​integrità tiegħu, u għalhekk l-​unika ħaġa li seta’ jagħmel kienet li jibqa’ miexi ’l quddiem, billi jiffaċċja l-​prova direttament.

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova wrew il-​kuraġġ meta ffaċċjaw il-​persekuzzjoni

24. Għala nistgħu nkunu ċerti li nistgħu nuru l-​kuraġġ meta niffaċċjaw kwalunkwe prova li tista’ tqum?

24 Kienu bosta d-​drabi li s-​segwaċi taʼ Ġesù mxew bil-​kuraġġ fil-​passi taʼ Sidhom! Ħafna ħadu waqfa soda meta ffaċċjaw twaqqigħ għaċ-​ċajt, persekuzzjoni, arrest, ħabs, tortura, u saħansitra mewt. Bnedmin imperfetti minfejn isibu dan il-​kuraġġ? M’huwiex fin-​natura tagħna. Sewwasew bħalma Ġesù rċieva għajnuna mingħand Alla, hekk ukoll is-​segwaċi tiegħu. (Filippin 4:13) Għalhekk, tibżax minn dak li se jġib miegħu l-​futur. Kun determinat li żżomm l-​integrità tiegħek, u Ġeħova jagħtik il-​kuraġġ li għandek bżonn. Ibqa’ ssaħħaħ bl-​eżempju tal-​Mexxej tagħna, Ġesù, li qal: “Agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-​dinja.”—Ġwanni 16:33.

^ par. 12 L-​istorjografi kitbu li l-​oqbra tar-​rabbini kienu jingħataw qima simili ħafna għal dik li kienet tingħata lill-​oqbra tal-​profeti u l-​patrijarki.