Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 5

“It-Teżori Kollha ta’ l-Għerf”

“It-Teżori Kollha ta’ l-Għerf”

1-3. F’ġurnata tar-​rebbiegħa fis-​sena 31 E.K., Ġesù f’liema sfond jagħmel il-​priedka tiegħu, u s-​semmiegħa għala jibqgħu mistagħġbin?

HIJA ġurnata tar-​rebbiegħa fis-​sena 31 E.K. Ġesù Kristu jinsab viċin Kafarnahum, belt mimlija attività fuq ix-​xtut tal-​majjistral tal-​Baħar tal-​Galilija. Fuq muntanja fil-​qrib, Ġesù talab waħdu l-​lejl kollu. Hekk kif jibda jbexbex, hu jsejjaħ lid-​dixxipli tiegħu, u minn fosthom jagħżel 12, li jsejħilhom appostli. Sadanittant, folol kbar taʼ nies—uħud minnhom ġejjin mill-​bogħod—segwew lil Ġesù f’dan il-​post u jinsabu miġburin f’wita fuq il-​muntanja. Huma ħerqanin biex jisimgħu x’għandu x’jgħid u biex jiġu mfejqin mill-​mard tagħhom. Ġesù ma jiddiżappuntahomx.—Luqa 6:12-​19.

2 Ġesù javviċina lill-​folol u jfejjaq lil dawk kollha li huma morda. Fl-​aħħar, meta ħadd minnhom ma jħoss l-​uġigħ taʼ mard serju, hu joqgħod bil-​qiegħda u jibda jgħallem. * Dak li jgħid f’dik il-​ġurnata mimlija arja friska tar-​rebbiegħa żgur li jaħsad lis-​semmiegħa tiegħu. Wara kollox, qatt ma semgħu lil xi ħadd jgħallem bħalu. Sabiex jagħti importanza lit-​tagħlim tiegħu, hu la jikkwota mit-​tradizzjonijiet orali u lanqas lir-​rabbini Lhud li kienu magħrufin sew. Minflok, hu għal darba wara l-​oħra jikkwota mill-​Iskrittura Ebrajka ispirata. Il-​messaġġ tiegħu huwa dirett, il-​kliem tiegħu sempliċi, it-​tifsir tiegħu ċar. Meta jispiċċa, il-​folol jibqgħu mistagħġbin. U mhux taʼ b’xejn. Għadhom kif semgħu l-​iktar raġel għaref li qatt għex!—Mattew 7:28, 29.

“Il-​folol baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom”

3 Din il-​priedka, flimkien maʼ ħafna affarijiet oħrajn li Ġesù qal u għamel, hija mniżżla fil-​Kelma t’Alla. Nagħmlu tajjeb jekk inħaffru fil-​fond f’dak li tgħid il-​Bibbja dwar Ġesù, għax fih hemm “it-​teżori kollha taʼ l-​għerf.” (Kolossin 2:3) Minfejn ġab dan l-​għerf—l-​abbiltà li juża l-​għarfien u l-​fehma b’mod prattiku? Kif wera l-​għerf, u kif nistgħu nsegwu l-​eżempju tiegħu?

“Dan ir-​Raġel Minfejn Ġab Dan l-​Għerf?”

4. Is-​semmiegħa taʼ Ġesù f’Nazaret qajmu liema mistoqsija, u għala?

4 Matul wieħed mill-​vjaġġi taʼ l-​ippridkar tiegħu, Ġesù mar Nazaret, ir-​raħal fejn kien trabba, u beda jgħallem fis-​sinagoga t’hemmhekk. Ħafna mis-​semmiegħa tiegħu stagħġbu u staqsew: “Dan ir-​raġel minfejn ġab dan l-​għerf?” Kienu jafu lil familtu—il-​ġenituri tiegħu u ħutu—u kienu jafu li kien ġej minn familja fqira. (Mattew 13:54-​56; Marku 6:1-​3) Bla dubju kienu jafu wkoll li dan il-​mastrudaxxa fluwenti fi kliemu ma kienx attenda xi waħda mill-​iskejjel famużi tar-​rabbini. (Ġwanni 7:15) Għalhekk, il-​mistoqsija tagħhom dehret loġika.

5. Ġesù minn liema sors wera li kien ġej l-​għerf tiegħu?

5 L-​għerf li wera Ġesù ma kienx sempliċement riżultat tal-​ħsibijiet perfetti tiegħu. Iktar tard fil-​ministeru tiegħu, meta kien qed jgħallem bil-​miftuħ fit-​tempju, Ġesù wera li l-​għerf tiegħu kien ġej minn xi ħadd ħafna iktar superjuri. “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi,” qal hu, “imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 7:16) Iva, il-​Missier, li bagħat lill-​Iben, kien is-​sors veru taʼ l-​għerf taʼ Ġesù. (Ġwanni 12:49) Però, Ġesù kif irċieva l-​għerf mingħand Ġeħova?

6, 7. Ġesù b’liema modi kiseb l-​għerf mingħand Missieru?

6 L-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova kien qed jaħdem f’qalb u f’moħħ Ġesù. Rigward Ġesù bħala l-​Messija mwiegħed, Isaija bassar: “Fuqu jrid jistrieħ l-​ispirtu taʼ Ġeħova, l-​ispirtu taʼ l-​għerf u taʼ l-​abbiltà li jifhem, l-​ispirtu taʼ l-​għoti taʼ pariri u tas-​setgħa, l-​ispirtu taʼ l-​għarfien u tal-​biża’ taʼ Ġeħova.” (Isaija 11:2) Meta nqisu li l-​ispirtu taʼ Ġeħova kien fuqu u ggwida l-​ħsibijiet u d-​deċiżjonijiet tiegħu, għandna għalxiex nistagħġbu li l-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ Ġesù rriflettew l-​ogħla għerf?

7 Ġesù kiseb l-​għerf mingħand Missieru b’mod profond ieħor. Bħalma rajna f’Kapitlu 2, matul l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, li damet snin bla għadd, Ġesù kellu l-​opportunità li jassorbi l-​mod kif jaħsibha Missieru dwar l-​affarijiet. Bilkemm nistgħu nimmaġinaw l-​ammont t’għerf li kiseb l-​Iben meta kien maġenb Missieru, jaħdem bħala l-​“ħaddiem tas-​sengħa” t’Alla fil-​ħolqien taʼ l-​affarijiet l-​oħrajn kollha, dawk ħajjin u dawk bla ħajja. Mhux taʼ b’xejn mela li l-​Iben, qabel ma sar bniedem, hu deskritt bħala l-​għerf personifikat. (Proverbji 8:22-​31; Kolossin 1:15, 16) Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù seta’ jagħmel użu mill-​għerf li kiseb meta kien maġenb Missieru fis-​sema. * (Ġwanni 8:26, 28, 38) Għalhekk, m’għandniex għalfejn nibqgħu skantati bil-​wisa’ taʼ l-​għarfien u l-​fond tal-​fehma li dehru fil-​kliem taʼ Ġesù jew fil-​ġudizzju f’loku li kien evidenti fl-​għemejjel kollha tiegħu.

8. Bħala segwaċi taʼ Ġesù, kif nistgħu niksbu l-​għerf?

8 Bħala segwaċi taʼ Ġesù, aħna wkoll jeħtieġ li nħarsu lejn Ġeħova bħala s-​sors taʼ l-​għerf. (Proverbji 2:6) M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova ma jagħtiniex l-​għerf b’mod mirakoluż. Madankollu, hu jwieġeb it-​talb kollu ħeġġa tagħna għall-​għerf li għandna bżonn biex jirnexxilna niffaċċjaw l-​isfidi fil-​ħajja. (Ġakbu 1:5) Sabiex niksbu dan l-​għerf jirrikjedi ħafna sforz min-​naħa tagħna. Irridu nibqgħu nfittxuh “bħal teżori moħbijin.” (Proverbji 2:1-​6) Iva, irridu nkomplu nħaffru fil-​fond fil-​Kelma t’Alla, fejn insibu l-​għerf tiegħu, u nġibu ħajjitna fi qbil maʼ dak li nitgħallmu. L-​eżempju taʼ l-​Iben taʼ Ġeħova huwa speċjalment taʼ valur f’li jgħinna niksbu l-​għerf. Ejja neżaminaw diversi oqsma fejn Ġesù wera l-​għerf u nitgħallmu kif nistgħu nimitawh.

Kliem t’Għerf

L-​għerf t’Alla jintwera fil-​Bibbja

9. X’kien li għamel it-​tagħlim taʼ Ġesù wieħed mimli għerf?

9 In-​nies inġabru bi ħġarhom proprju biex jisimgħu lil Ġesù jitkellem. (Marku 6:31-​34; Luqa 5:1-​3) U mhux taʼ b’xejn, għax meta Ġesù fetaħ fommu, hu tkellem kliem t’għerf kbir! It-​tagħlim tiegħu rrifletta għarfien profond tal-​Kelma t’Alla u abbiltà li ma bħalha biex jilħaq l-​għerq tal-​kwistjoni. It-​tagħlim tiegħu jiġbed lin-​nies minn mad-​dinja kollha u hu dejjem validu. Ikkunsidra ftit eżempji taʼ l-​għerf li nsibu fil-​kliem taʼ Ġesù, il-​“Kunsillier taʼ l-​Għaġeb” imbassar.—Isaija 9:6.

10. Liema kwalitajiet pożittivi jħeġġiġna nikkultivaw Ġesù, u għala?

10 Il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, li semmejna fil-​bidu tal-​kapitlu, hija l-​akbar ġabra taʼ tagħlim taʼ Ġesù li ma fihiex narrattiv jew kliem taʼ xi ħadd ieħor. F’din il-​priedka, Ġesù ma jwissiniex sempliċement biex nitkellmu u naġixxu b’mod xieraq. Il-​pariri tiegħu jinvolvu ħafna iktar minn hekk. Peress li jaf sew li l-​ħsibijiet u s-​sentimenti jwasslu għall-​kliem u l-​azzjoni, Ġesù jħeġġiġna biex nikkultivaw kwalitajiet pożittivi f’moħħna u f’qalbna, bħal temperament ġwejjed, xewqa għal ġustizzja, inklinazzjoni biex nuru ħniena u nkunu paċifiċi, u mħabba għal oħrajn. (Mattew 5:5-​9, 43-​48) Hekk kif niżviluppaw dawn il-​kwalitajiet f’qalbna, ir-​riżultat se jkun kliem u kondotta xierqa li mhux biss jogħġbu lil Ġeħova imma wkoll jippromwovu relazzjonijiet tajbin mal-​bnedmin taʼ madwarna.—Mattew 5:16.

11. Meta jagħti pariri dwar imġiba midinba, Ġesù kif imur fl-​għerq tal-​problema?

11 Meta jagħti pariri dwar imġiba midinba, Ġesù jmur fl-​għerq tal-​problema. Hu ma jgħidilniex sempliċement biex inżommu lura milli nagħmlu atti vjolenti. Minflok, hu jwissina biex ma nħallux ir-​rabja tbejjet f’qalbna. (Mattew 5:21, 22; 1 Ġwanni 3:15) Hu mhux biss jipprojbixxi l-​att taʼ l-​adulterju. Minflok, hu jwissi dwar il-​passjoni li tibda fil-​qalb u twassal għal dan it-​tradiment. Hu jwissina biex ma nħallux lil għajnejna jqanqlu xewqat mhux xierqa u jistimulaw xenqiet. (Mattew 5:27-​30) Ġesù jitfa’ l-​attenzjoni lejn il-​kaġuni, mhux biss lejn is-​sintomi. Hu jiffoka fuq l-​attitudnijiet u x-​xewqat li jwasslu għal għemejjel midinba.—Salm 7:14.

12. Is-​segwaċi taʼ Kristu kif iqisu l-​pariri tiegħu, u għala?

12 X’għerf fih kliem Ġesù! Mhux taʼ b’xejn li “l-​folol baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom.” (Mattew 7:28) Bħala s-​segwaċi tiegħu, aħna nqisu l-​pariri għaqlin tiegħu bħala gwida għal ħajjitna. Nipprovaw nikkultivaw il-​kwalitajiet pożittivi li hu inkuraġġixxa—inkluż il-​ħniena, il-​paċi, u l-​imħabba—u b’hekk inkunu nafu li qed inpoġġu pedament għal kondotta li togħġob lil Ġeħova. Aħna nistinkaw biex inneħħu minn qalbna s-​sentimenti u x-​xewqat negattivi li hu wissiena kontrihom, bħal rabja ħarxa u xewqat immorali, billi nafu li jekk nagħmlu dan se niġu megħjunin nevitaw kondotta midinba.—Ġakbu 1:14, 15.

Għex Ħajja Mmexxija mill-​Għerf

13, 14. X’juri li Ġesù uża rraġunar f’loku meta ġie biex jagħżel kif jgħix ħajtu?

13 Ġesù wera l-​għerf mhux biss bil-​kliem imma wkoll bl-​għemil. Il-​ħajja kollha tiegħu—id-​deċiżjonijiet tiegħu, il-​mod kif qies lilu nnifsu, u l-​mod kif ittratta m’oħrajn—uriet il-​ħafna aspetti sbieħ taʼ l-​għerf. Ikkunsidra xi eżempji li juru li Ġesù kien immexxi mill-​‘għaqal u l-​abbiltà li jaħseb.’—Proverbji 3:21.

14 L-​għerf jinkludi ġudizzju f’loku. Ġesù uża rraġunar f’loku meta ġie biex jagħżel kif jgħix ħajtu. Tista’ timmaġina l-​ħajja li seta’ għex—id-​dar li seta’ bena, in-​negozju li seta’ stabbilixxa, jew il-​prominenza dinjija li seta’ kiseb? Ġesù kien jaf li ħajja dedikata għal dawn l-​affarijiet hija “frugħa u ġiri wara r-​riħ.” (Ekkleżjasti 4:4; 5:10) Ħajja bħal din tkun bluha, l-​oppost taʼ l-​għerf. Ġesù għażel li jżomm ħajtu sempliċi. Ma kienx interessat f’li jaqla’ l-​flus jew li jiġma’ ħafna ġid materjali. (Mattew 8:20) Fi qbil maʼ dak li għallem, hu żamm għajnejh iffokati fuq skop wieħed—li jagħmel ir-​rieda t’Alla. (Mattew 6:22) Ġesù b’mod għaqli ddedika l-​ħin u l-​enerġija tiegħu għall-​interessi tas-​Saltna, li huma ħafna iktar importanti u premjanti minn affarijiet materjali. (Mattew 6:19-​21) Hu b’hekk ħalla eżempju taʼ min jimitah.

15. Is-​segwaċi taʼ Ġesù kif jistgħu juru li qed iżommu għajnejhom sempliċi, u dan għala hu għaqli?

15 Is-​segwaċi taʼ Ġesù llum jaraw kemm hu għaqli li jżommu għajnejn sempliċi. Għalhekk, jevitaw li jtaqqlu lilhom infushom b’dejn mhux neċessarju u b’xogħlijiet dinjin li jieħdu wisq attenzjoni u enerġija. (1 Timotju 6:9, 10) Ħafna ħadu passi biex jissimplifikaw ħajjithom sabiex ikunu jistgħu jqattgħu iktar ħin fil-​ministeru Kristjan, forsi anki billi jaqdu bħala proklamaturi tas-​Saltna full-​time. Ma jistgħux jagħżlu triq aħjar, għaliex meta nżommu l-​interessi tas-​Saltna fil-​post xieraq tagħhom, ikollna l-​akbar ferħ u sodisfazzjon.—Mattew 6:33.

16, 17. (a) Ġesù b’liema modi wera li kien modest u realistiku f’dak li stenna minnu nnifsu? (b) Kif nistgħu nuru li aħna modesti u realistiċi f’dak li nistennew minna nfusna?

16 Il-​Bibbja torbot l-​għerf mal-​modestja, li tinkludi li nkunu konxji tal-​limitazzjonijiet tagħna. (Proverbji 11:2) Ġesù kien modest u realistiku f’dak li stenna minnu nnifsu. Hu kien jaf li ma kienx se jikkonverti lil dawk kollha li semgħu l-​messaġġ tiegħu. (Mattew 10:32-​39) Hu rrealizza wkoll li kien hemm limitu għall-​għadd taʼ nies li seta’ jilħaq personalment. Għalhekk, b’mod għaqli lis-​segwaċi tiegħu fdalhom ix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:18-​20) Hu b’modestja għaraf li huma kienu se ‘jagħmlu għemejjel akbar’ minn tiegħu, għax huma kienu se jilħqu iktar nies fuq medda akbar t’art u għal perijodu itwal taʼ żmien. (Ġwanni 14:12) Ġesù għaraf ukoll li kellu bżonn l-​għajnuna. Hu aċċetta l-​għajnuna taʼ l-​anġli li marru jassistuh fix-​xagħri u taʼ l-​anġlu li mar isaħħu fil-​Ġetsemani. Fl-​iktar mument li kellu bżonn, l-​Iben t’Alla għajjat għall-​għajnuna.—Mattew 4:11; Luqa 22:43; Ebrej 5:7.

17 Aħna wkoll irridu nkunu modesti u realistiċi f’dak li nistennew minna nfusna. Ċertament li rridu naħdmu b’ruħna kollha u nistinkaw kemm nifilħu fl-​ippridkar u fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli. (Luqa 13:24; Kolossin 3:23) Fl-​istess ħin, irridu niftakru li Ġeħova ma jqabbilniex maʼ xulxin, u lanqas aħna m’għandna nagħmlu hekk. (Galatin 6:4) L-​għerf prattiku se jgħinna nagħmlu miri realistiċi fi qbil maʼ l-​abbiltajiet u ċ-​ċirkustanzi tagħna. Flimkien maʼ dan, l-​għerf se jiggwida lil dawk li għandhom xi pożizzjoni taʼ responsabbiltà biex jagħrfu li għandhom il-​limitazzjonijiet u li minn żmien għal żmien ikollhom bżonn l-​għajnuna u l-​appoġġ. Il-​modestja se tgħin lil dawn l-​uħud jaċċettaw l-​għajnuna bi gratitudni, billi jagħrfu li Ġeħova jista’ juża sieħeb fit-​twemmin biex isir ‘għajnuna li ssaħħaħ’ għalihom.—Kolossin 4:11.

18, 19. (a) X’juri li Ġesù kien raġunevoli u pożittiv fil-​mod kif ittratta mad-​dixxipli tiegħu? (b) Għala għandna raġuni tajba biex inkunu pożittivi u raġunevoli hekk kif nittrattaw maʼ xulxin, u kif nistgħu nagħmlu dan?

18 Ġakbu 3:17 jgħid: “L-​għerf li ġej minn fuq hu . . . raġunevoli.” Ġesù kien raġunevoli u pożittiv fil-​mod kif ittratta mad-​dixxipli tiegħu. Hu kien konxju sew tan-​nuqqasijiet tagħhom, però fittex it-​tajjeb tagħhom. (Ġwanni 1:47) Hu kien jaf li kienu se jabbandunawh fil-​lejl taʼ l-​arrest tiegħu, imma ma ddubitax il-​lealtà tagħhom. (Mattew 26:31-​35; Luqa 22:28-​30) Pietru tliet darbiet ċaħad li saħansitra kien jaf lil Ġesù. Xorta waħda, Ġesù talab għal Pietru u wera fiduċja fil-​fedeltà tiegħu. (Luqa 22:31-​34) Fl-​aħħar lejl taʼ ħajtu fuq l-​art, Ġesù fit-​talb tiegħu lil Missieru ma ffokax fuq l-​iżbalji li kienu għamlu d-​dixxipli tiegħu. Minflok, hu tkellem b’mod pożittiv dwar it-​triq li għażlu sa dak il-​lejl, billi qal: “Huma osservaw kelmtek.” (Ġwanni 17:6) Minkejja l-​imperfezzjonijiet tagħhom, hu poġġa f’idejhom ix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna u taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20) Il-​fiduċja u l-​fidi li hu wera fihom bla dubju saħħewhom biex iwettqu x-​xogħol li kkmandahom jagħmlu.

19 Is-​segwaċi taʼ Ġesù għandhom raġuni tajba biex jimitaw l-​eżempju tiegħu f’dan ir-​rigward. Jekk l-​Iben perfett t’Alla kien paċenzjuż fil-​mod kif ittratta mad-​dixxipli imperfetti tiegħu, kemm iktar aħna bħala bnedmin midinbin għandna nkunu raġunevoli fil-​mod kif nittrattaw maʼ xulxin! (Filippin 4:5) Minflok ma niffokaw fuq in-​nuqqasijiet taʼ sħabna fit-​twemmin, nagħmlu tajjeb jekk infittxu t-​tajjeb tagħhom. Inkunu għaqlin jekk niftakru li Ġeħova ġibidhom lejh. (Ġwanni 6:44) Għalhekk, żgur li hu jara xi ħaġa tajba fihom, u aħna għandna nagħmlu l-​istess. Attitudni pożittiva se tgħinna mhux biss biex ‘nagħlqu għajnejna għall-​offiża’ imma wkoll biex infittxu modi kif nistgħu nfaħħru lil oħrajn. (Proverbji 19:11, Il-​Bibbja taʼ l-​Għaqda Biblika Maltija, It-​Tieni Edizzjoni [1996]) Meta nuru fiduċja f’ħutna l-​Kristjani, inkunu qed ngħinuhom jagħmlu l-​almu tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova u biex isibu l-​ferħ f’dan is-​servizz.—1 Tessalonikin 5:11.

20. X’għandna nagħmlu bit-​teżor prezzjuż t’għerf li jinsab fir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju, u għala?

20 Ir-​rakkonti tal-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù fl-​Evanġelju verament huma teżor prezzjuż t’għerf! X’għandna nagħmlu b’din l-​għotja imprezzabbli? Fil-​konklużjoni tal-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù ħeġġeġ lill-​udjenza tiegħu mhux biss biex jisimgħu l-​kliem t’għerf tiegħu imma wkoll biex jagħmluh, jew japplikawh. (Mattew 7:24-​27) Jekk insawru l-​ħsibijiet, il-​motivazzjonijiet, u l-​azzjonijiet tagħna fi qbil mal-​kliem u l-​għemil t’għerf taʼ Ġesù se niġu megħjunin biex insibu l-​aqwa ħajja possibbli issa u biex nibqgħu fit-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem. (Mattew 7:13, 14) Żgur li m’hemmx triq aħjar jew iktar għaqlija li nistgħu naqbdu!

^ par. 2 It-​taħdita li Ġesù ta dakinhar saret magħrufa bħala l-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja. Kif inhi dokumentata f’​Mattew 5:3–7:27, fiha 107 versi u x’aktarx li tieħu xi 20 minuta biss biex tingħata.

^ par. 7 Milli jidher, meta “s-​smewwiet infetħu” fil-​magħmudija taʼ Ġesù, il-​memorja taʼ l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem ngħatatlu lura.—Mattew 3:13-​17.