Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 6

“Tgħallem l-Ubbidjenza”

“Tgħallem l-Ubbidjenza”

1, 2. Missier li jħobb għala jieħu pjaċir jara lil ibnu jobdih, u s-​sentimenti tiegħu kif jirriflettu s-​sentimenti taʼ Ġeħova?

MISSIER jittawwal mit-​tieqa, qed jara lit-​tifel ċkejken tiegħu jilgħab maʼ xi ħbieb. Il-​ballun tagħhom jaqbeż ’il barra mill-​bitħa u jiġi fit-​triq. Għajnejn it-​tifel isegwu l-​ballun għax jixtieq imur għalih. Wieħed minn sħabu jħeġġu biex joħroġ fit-​triq u jġibu, imma t-​tifel ixengel rasu. “Ma nistax nagħmel hekk,” jgħid hu. Il-​missier jitbissem b’sodisfazzjon.

2 Il-​missier għala hu daqshekk ferħan? Għaliex hu għallem lil ibnu biex ma joħroġx fit-​triq meta jkun waħdu. Meta t-​tifel jobdi—avolja ma jafx li missieru qed jarah—il-​missier jaf li ibnu qed jitgħallem l-​ubbidjenza, u b’hekk jinsab iktar fis-​sigurtà. Dan il-​missier iħossu bħalma jħossu Missierna tas-​sema, Ġeħova. Alla jaf li jekk aħna rridu nibqgħu leali u ngħixu biex naraw il-​futur meraviljuż li għandu maħżun għalina, irridu nitgħallmu nafdawh u nobduh. (Proverbji 3:5, 6) Għaldaqstant, hu bagħtilna l-​aħjar wieħed mill-​għalliema umani kollha.

3, 4. Ġesù kif “tgħallem l-​ubbidjenza” u ‘ntgħamel perfett’? Agħti tixbiha.

3 Il-​Bibbja tgħid xi ħaġa taʼ l-​għaġeb dwar Ġesù: “Għalkemm kien Iben, tgħallem l-​ubbidjenza minn dak li sofra; u wara li kien magħmul perfett sar responsabbli mis-​salvazzjoni taʼ dejjem taʼ dawk kollha li jobduh.” (Ebrej 5:8, 9) Dan l-​Iben kien eżista għal snin bla għadd fis-​sema. Hu ra lil Satana u lil sħabu l-​anġli ribellużi juru diżubbidjenza, imma l-​ewwel Iben imwieled qatt ma ngħaqad magħhom. Il-​profezija mnebbħa applikat dan il-​kliem għalih: “Jien . . . ma kontx ribelluż.” (Isaija 50:5) Għalhekk, il-​kliem “tgħallem l-​ubbidjenza” kif seta’ japplika għal dan l-​Iben ubbidjenti b’mod perfett? Ġesù, li kien ħliqa perfetta, kif seta’ ‘jintgħamel perfett’?

4 Ikkunsidra tixbiha. Suldat għandu sejf tal-​ħadid. Għalkemm dan is-​sejf qatt ma ġie provat f’xi battalja, huwa perfett għal dak li se jintuża għalih u ġie disinjat bis-​sengħa. Madankollu, hu jibdel dan is-​sejf maʼ wieħed magħmul minn metall iktar b’saħħtu, azzar temprat. Dan is-​sejf il-​ġdid diġà ġie użat b’mod effettiv f’battalja. M’hijiex din bidla għaqlija? B’mod simili, l-​ubbidjenza li wera Ġesù qabel ma ġie fuq l-​art kienet bla difett. Imma wara ż-​żmien li għamel hawn fuq l-​art, l-​ubbidjenza tiegħu kienet taʼ kwalità differenti għalkollox. Issa kienet imġarrba, temprata, biex ngħidu hekk, u testjata bi provi li Ġesù qatt ma seta’ jgħaddi minnhom fis-​sema.

5. X’kien li għamel l-​ubbidjenza taʼ Ġesù daqshekk importanti, u x’se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu?

5 L-​ubbidjenza kienet vitali għall-​inkarigu li kellu Ġesù meta ġie fuq l-​art. Bħala “l-​aħħar Adam,” Ġesù ġie hawn biex jagħmel dak li l-​ewwel ġenitur tagħna naqas li jagħmel—jibqa’ ubbidjenti lejn Alla Ġeħova, anki fil-​provi. (1 Korintin 15:45) Madankollu, l-​ubbidjenza taʼ Ġesù ma kinitx xi ħaġa mekkanika. Ġesù obda b’moħħu, b’qalbu, u b’ruħu kollha. U għamel dan bil-​ferħ. Kien iktar importanti għalih li jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru milli jiekol! (Ġwanni 4:34) X’se jgħinna nimitaw l-​ubbidjenza taʼ Ġesù? Ejja l-​ewwel nikkunsidraw il-​motivi tiegħu. Jekk nikkultivaw motivi bħal tiegħu se niġu megħjunin biex nirreżistu t-​tentazzjoni u biex inwettqu r-​rieda t’Alla. Imbagħad se nirrivedu xi premjijiet li jiġu meta nuru ubbidjenza bħal taʼ Kristu.

Il-​Motivi Wara l-​Ubbidjenza taʼ Ġesù

6, 7. X’kienu xi ftit mill-​motivi taʼ Ġesù għall-​ubbidjenza tiegħu?

6 L-​ubbidjenza taʼ Ġesù ġiet minn dak li kellu f’qalbu. Bħalma rajna f’Kapitlu 3, Kristu kien umli f’qalbu. Is-​suppervja tagħmel lin-​nies jistmerru l-​ubbidjenza, filwaqt li l-​umiltà tgħinna nobdu lil Ġeħova għax irridu aħna. (Eżodu 5:1, 2; 1 Pietru 5:5, 6) Iżjed minn hekk, l-​ubbidjenza taʼ Ġesù ġiet minn dak li kien iħobb u minn dak li kien jobgħod.

7 Fuq kollox, Ġesù kien iħobb lil Missieru tas-​sema, Ġeħova. Din l-​imħabba se tiġi diskussa f’iktar dettall f’Kapitlu 13. Imħabba bħal din qanqlet lil Ġesù biex juri l-​biża’ minn Alla. Tant kienet b’saħħitha l-​imħabba tiegħu għal Ġeħova, tant kien profond ir-​rispett tiegħu, li beża’ li jnikket lil Missieru. Il-​biża’ minn Alla kien raġuni waħda għala t-​talb taʼ Ġesù ntlaqa’. (Ebrej 5:7) Il-​biża’ minn Ġeħova huwa wkoll aspett li jispikka tal-​ħakma taʼ Ġesù bħala s-​Sultan Messjaniku.—Isaija 11:3.

L-​għażla tiegħek tad-​divertiment turi li tobgħod dak li hu ħażin?

8, 9. Bħalma kien profetizzat, Ġesù kif ħassu dwar is-​sewwa u l-​ħażen, u kif wera dawn is-​sentimenti biċ-​ċar?

8 L-​imħabba għal Ġeħova tinvolvi wkoll mibegħda għal dak li jobgħod Ġeħova. Per eżempju, innota din il-​profezija indirizzata lis-​Sultan Messjaniku: “Int tħobb il-​ġustizzja u tobgħod il-​ħażen. Huwa għalhekk li Alla, Alla tiegħek, dilkek biż-​żejt tal-​ferħ iktar minn sħabek.” (Salm 45:7) ‘Sħab’ Ġesù kienu s-​slaten l-​oħrajn min-​nisel tal-​familja tas-​Sultan David. Iktar minn kwalunkwe wieħed minnhom, Ġesù għandu għalfejn jifraħ, jew jithenna bil-​kbir, meta jiġi midluk. Għala? Il-​premju tiegħu huwa ħafna akbar minn tagħhom, il-​ħakma tiegħu hija taʼ benefiċċju ħafna akbar. Hu jiġi premjat għaliex l-​imħabba tiegħu għas-​sewwa, jew ġustizzja, u l-​mibegħda tiegħu għall-​ħażen qanqluh biex jobdi lil Alla f’kollox.

9 Ġesù kif wera b’mod ċar kif iħossu dwar is-​sewwa u l-​ħażen? Per eżempju, meta s-​segwaċi tiegħu obdew id-​direzzjoni tiegħu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u minħabba f’hekk ġew imberkin, Ġesù kif irreaġixxa? Hu kien ferħan ħafna. (Luqa 10:1, 17, 21) U meta n-​nies taʼ Ġerusalemm għal darba wara l-​oħra wrew spirtu diżubbidjenti, billi ċaħdu l-​isforzi kollha mħabba tiegħu biex jgħinhom, Ġesù kif ħassu? Hu beka minħabba l-​attitudni ribelluża taʼ din il-​belt. (Luqa 19:41, 42) Ġesù kien konċernat ħafna kemm dwar kondotta tajba kif ukoll dwar kondotta ħażina.

10. Liema sentimenti rridu nikkultivaw fejn jidħlu għemejjel sewwa u għemejjel ħżiena, u x’se jgħinna nagħmlu dan?

10 Meditazzjoni fuq is-​sentimenti taʼ Ġesù tgħinna neżaminaw il-​motivi tagħna għala nobdu lil Ġeħova. Minkejja li aħna imperfetti, nistgħu nikkultivaw imħabba mill-​qalb għal għemejjel tajbin u mibegħda soda għal kondotta ħażina. Jeħtieġ li nitolbu lil Ġeħova jgħinna nikkultivaw sentimenti bħal tiegħu u dawk taʼ Ibnu. (Salm 51:10) Fl-​istess ħin, irridu nevitaw influwenzi li jmewtu dawn is-​sentimenti. Huwa essenzjali li nagħżlu d-​divertiment u s-​sħubija tagħna b’mod għaqli. (Proverbji 13:20; Filippin 4:8) Jekk nikkultivaw motivi bħal taʼ Kristu, l-​ubbidjenza tagħna mhix se tkun sempliċement formalità. Se nagħmlu dak li huwa sewwa għax inħobbu nagħmluh. Se nevitaw għemejjel ħżiena, mhux għax nibżgħu li ninqabdu, imma għax nobogħdu kondotta bħal din.

“Hu M’Għamel Ebda Dnub”

11, 12. (a) Xi ġralu Ġesù kmieni fil-​ministeru tiegħu? (b) Satana kif ittanta lil Ġesù l-​ewwel darba, u liema tattiki makakki uża?

11 Kmieni fil-​ministeru tiegħu, Ġesù ġie mġarrab rigward il-​mibegħda li kellu għad-​dnub. Wara l-​magħmudija tiegħu, hu għadda 40 jum u lejl fix-​xagħri mingħajr ikel. Fi tmiem dan il-​perijodu, Satana mar biex jittantah. Innota kemm kien makakk ix-​Xitan.—Mattew 4:1-​11.

12 L-​ewwel, Satana qal: “Jekk int bin Alla, għid lil dan il-​ġebel isir ħobż.” (Mattew 4:3) Ġesù kif ħassu wara li kien ilu sajjem? Il-​Bibbja tgħid ċar u tond: “Qabdu l-​ġuħ.” (Mattew 4:2) Għalhekk, Satana ħa vantaġġ mix-​xewqa naturali għall-​ikel u bla dubju stenna apposta sakemm Ġesù kien dgħajjef fiżikament. Innota wkoll il-​frażi kollha tkasbir taʼ Satana: “Jekk int bin Alla.” Satana kien jaf li Ġesù kien “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu.” (Kolossin 1:15) Xorta waħda, Ġesù ma ħalliex lil Satana jġiegħlu jkun diżubbidjenti. Ġesù kien jaf li ma kinitx ir-​rieda t’Alla li juża l-​qawwa tiegħu għal skopijiet egoistiċi. Hu rrifjuta li jagħmel dan, billi wera li straħ bl-​umiltà fuq Ġeħova għall-​ikel u d-​direzzjoni.—Mattew 4:4.

13-15. (a) Satana kif ittanta lil Ġesù t-​tieni u t-​tielet darba, u Ġesù kif wieġeb? (b) Kif nafu li Ġesù qatt ma seta’ jieqaf milli jibqa’ għassa għal Satana?

13 Għat-​tieni tentazzjoni tiegħu, Satana ħa lil Ġesù fuq l-​ogħla ħajt tat-​tempju. B’sengħa, Satana għawweġ il-​Kelma t’Alla u ttanta lil Ġesù biex jagħmel wirja spettakolari billi jintefa’ għal isfel minn dak l-​għoli sabiex l-​anġli jkollhom isalvawh. Kieku l-​folol fit-​tempju raw miraklu bħal dan, kien xi ħadd se jażżarda jiddubita li Ġesù kien il-​Messija mwiegħed? U jekk il-​folol aċċettaw lil Ġesù bħala l-​Messija fuq il-​bażi taʼ din it-​turija spettakolari, ma setax Ġesù forsi jevita ħafna tbatija u inkwiet? Jista’ jkun. Imma Ġesù kien jaf li r-​rieda taʼ Ġeħova kienet li l-​Messija jwettaq ix-​xogħol tiegħu b’mod umli, mhux li jinfluwenza lin-​nies biex jemmnu fih minħabba turijiet spettakolari. (Isaija 42:1, 2) Għal darb’oħra, Ġesù rrifjuta li jkun diżubbidjenti lejn Ġeħova. Il-​fama ma ħajritux.

14 Però, xi ngħidu dwar il-​ġibda għall-​poter? Fit-​tielet attentat tiegħu, Satana offra lil Ġesù s-​saltniet kollha tad-​dinja jekk Ġesù jwettaq att wieħed taʼ qima lil Satana. Ħaseb bis-​serjetà dwar l-​offerta taʼ Satana? “Mur ’l hemm, Satana!” kienet ir-​risposta tiegħu. Hu kompla jgħid: “Għax hu miktub, ‘Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.’” (Mattew 4:10) Qatt ma kien se jkun hemm xi ħaġa li tħajjar lil Ġesù jqim alla ieħor. Ebda offerta taʼ poter jew influwenza f’din id-​dinja ma setgħet iċċaqalqu biex jikkommetti kwalunkwe att taʼ diżubbidjenza.

15 Qata’ qalbu Satana? Huwa minnu li telaq mal-​kmand taʼ Ġesù. Madankollu, l-​Evanġelju taʼ Luqa jgħid li x-​Xitan “telaq minn ħdejh sakemm isib ħin konvenjenti ieħor.” (Luqa 4:13) Tabilħaqq, Satana, sat-​tmiem, kien se jibqa’ jfittex drabi oħrajn biex jgħaddi lil Ġesù minn prova u jittantah. Il-​Bibbja tgħidilna li Ġesù “ġie provat fl-​aspetti kollha.” (Ebrej 4:15) Għalhekk, Ġesù qatt ma seta’ jieqaf milli jibqa’ għassa; u lanqas aħna ma nistgħu.

16. Satana kif jittanta lill-​qaddejja t’Alla llum, u kif nistgħu niċħdu l-​isforzi tiegħu?

16 Satana jkompli jittanta lill-​qaddejja t’Alla llum. B’dispjaċir, l-​imperfezzjonijiet tagħna spiss jagħmluna miri faċli. Satana b’makakkerija jappella għall-​egoiżmu, il-​kburija, u r-​regħba għall-​poter. Permezz tal-​ġibda għall-​materjaliżmu, Satana jista’ saħansitra jappella għal dawn kollha f’daqqa! Huwa vitali li kultant nieqfu u neżaminaw lilna nfusna b’mod onest. Nagħmlu tajjeb jekk nimmeditaw fuq il-​kliem taʼ l-​1 Ġwanni 2:15-​17. Hekk kif nagħmlu dan, nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk ix-​xewqat tal-​laħam taʼ din is-​sistema, ix-​xenqa għall-​ġid materjali, u x-​xewqa li nimpressjonaw lil oħrajn dgħajfux xi ftit jew wisq l-​imħabba tagħna għal Missierna tas-​sema. Irridu niftakru li din id-​dinja qed tgħaddi, eżatt bħall-​ħakkiem tagħha, Satana. Ejja niċħdu l-​isforzi makakki tiegħu biex iħajjarna naqgħu fid-​dnub! Jalla niġu mqanqlin minn Sidna, għaliex “hu m’għamel ebda dnub.”—1 Pietru 2:22.

“Dejjem Nagħmel Dak li Jogħġob Lilu”

17. Ġesù kif ħassu dwar li jobdi lil Missieru, però liema oġġezzjoni jistgħu jqajmu xi wħud?

17 L-​ubbidjenza tinvolvi ħafna iktar milli sempliċement inżommu lura milli nidinbu; Kristu wettaq b’mod attiv kull kmand taʼ Missieru. Hu stqarr: “Dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:29) Din l-​ubbidjenza ġabitlu ferħ kbir lil Ġesù. M’għandniex xi ngħidu, xi wħud forsi joġġezzjonaw li l-​ubbidjenza kienet xi ħaġa iktar faċli għal Ġesù. Forsi jirraġunaw li hu kellu jobdi lil Ġeħova biss, li Hu perfett, filwaqt li aħna spiss ikollna nobdu lil bnedmin imperfetti li għandhom pożizzjonijiet t’awtorità. Però, il-​verità hi li Ġesù kien ubbidjenti lejn bnedmin imperfetti li kellhom pożizzjonijiet t’awtorità.

18. Bħala żagħżugħ, liema eżempju t’ubbidjenza ħalla Ġesù?

18 Waqt it-​trobbija tiegħu, Ġesù kien taħt l-​awtorità taʼ Ġużeppi u Marija, il-​ġenituri umani imperfetti tiegħu. X’aktarx li iktar minn tfal oħrajn, hu seta’ jara n-​nuqqasijiet tal-​ġenituri tiegħu. Irribella hu, billi qabeż l-​irwol tiegħu bħala tifel fil-​familja u qalilhom kif għandhom jieħdu ħsieb il-​familja? Innota dak li jgħid Luqa 2:51 dwar Ġesù meta kellu 12-​il sena: “Baqa’ sottomess lejhom.” B’din l-​ubbidjenza, hu ħalla eżempju eċċellenti għaż-​żgħażagħ Kristjani li jistinkaw biex jobdu lill-​ġenituri tagħhom u juruhom rispett xieraq.—Efesin 6:1, 2.

19, 20. (a) Ġesù liema sfidi uniċi ffaċċja rigward l-​ubbidjenza lejn bnedmin imperfetti? (b) Il-​Kristjani veri llum għala għandhom ikunu ubbidjenti lejn dawk li jieħdu t-​tmexxija fosthom?

19 Rigward l-​ubbidjenza lejn bnedmin imperfetti, Ġesù ffaċċja sfidi li l-​Kristjani veri llum qatt ma se jkollhom jiffaċċjaw. Ikkunsidra ż-​żmien uniku li kien jgħix fih. Is-​sistema reliġjuża Lhudija, bit-​tempju tagħha f’Ġerusalemm u s-​saċerdozju tagħha, kienet ilha approvata minn Ġeħova imma kienet waslet biex tiġi miċħuda u minflokha kellu jkun hemm l-​arranġament tal-​kongregazzjoni Kristjana. (Mattew 23:33-​38) Sadanittant, ħafna mill-​mexxejja reliġjużi kienu qed jgħallmu tagħlim falz meħud mill-​filosofija Griega. Fit-​tempju, il-​korruzzjoni tant kienet mifruxa li Ġesù sejjaħlu “għar tal-​ħallelin.” (Marku 11:17) Żamm ’il bogħod Ġesù minn dan it-​tempju u mis-​sinagogi? Le! Ġeħova kien għadu qed juża dawn l-​arranġamenti. Sakemm Alla ħa azzjoni u għamel bidliet, Ġesù b’ubbidjenza mar għall-​festi fit-​tempju u s-​sinagoga.—Luqa 4:16; Ġwanni 5:1.

20 Jekk Ġesù kien ubbidjenti f’dawn iċ-​ċirkustanzi, kemm iktar għandhom il-​Kristjani veri jibqgħu ubbidjenti llum! Wara kollox, aħna ngħixu fi żminijiet differenti ferm, iż-​żmien tat-​tiġdid tal-​qima pura li ilu tant imbassar. Alla jassigurana li hu qatt m’hu se jħalli lil Satana jikkorrompi lill-​poplu mġedded tiegħu. (Isaija 2:1, 2; 54:17) Huwa minnu li aħna niffaċċjaw id-​dnub u l-​imperfezzjoni fil-​kongregazzjoni Kristjana. Imma għandna nużaw in-​nuqqasijiet t’oħrajn bħala skuża biex ma nobdux lil Ġeħova, forsi billi ma nattendux il-​laqgħat Kristjani jew billi nikkritikaw lill-​anzjani? Qatt! Minflok, aħna minn qalbna nappoġġaw lil dawk li qed jieħdu t-​tmexxija fil-​kongregazzjoni. B’ubbidjenza, aħna nattendu l-​laqgħat Kristjani u l-​assembleat u napplikaw il-​pariri Skritturali li nirċievu hemmhekk.—Ebrej 10:24, 25; 13:17.

Aħna b’ubbidjenza napplikaw dak li nitgħallmu fil-​laqgħat Kristjani

21. Ġesù kif wieġeb għall-​pressjoni mill-​bnedmin biex ma jibqax ubbidjenti lejn Alla, u b’hekk liema eżempju ħalla għalina?

21 Ġesù qatt ma ħalla lin-​nies, anki ħbieb b’intenzjonijiet tajbin, iwaqqfuh milli jobdi lil Ġeħova. Per eżempju, l-​appostlu Pietru pprova jipperswadi lil Sidu li ma kellux għalfejn ibati u jmut. Ġesù b’mod sod ċaħad il-​parir taʼ Pietru, li għalkemm b’intenzjoni tajba ma kienx f’loku biex Ġesù jkun ħanin miegħu nnifsu. (Mattew 16:21-​23) Illum, is-​segwaċi taʼ Ġesù spiss ikampaw maʼ qraba li għandhom intenzjonijiet tajbin u li jistgħu jipprovaw iħajruhom ma jobdux il-​liġijiet u l-​prinċipji t’Alla. Bħas-​segwaċi taʼ Ġesù fl-​ewwel seklu, aħna nżommu l-​waqfa tagħna li “nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-​bnedmin.”—Atti 5:29.

Premjijiet taʼ li Nuru Ubbidjenza bħal taʼ Kristu

22. Ġesù ta t-​tweġiba għal liema mistoqsija, u kif?

22 Meta Ġesù ffaċċja l-​mewt, l-​ubbidjenza tiegħu għaddiet minn prova l-​iktar ħarxa. Matul dak il-​jum mudlam, “hu tgħallem l-​ubbidjenza” fl-​iktar sens sħiħ. Hu għamel ir-​rieda taʼ Missieru u mhux tiegħu. (Luqa 22:42) Matul dan iż-​żmien, hu stabbilixxa rekord perfett taʼ integrità. (1 Timotju 3:16) Hu wieġeb il-​mistoqsija pendenti: Jista’ bniedem perfett jibqa’ ubbidjenti lejn Ġeħova saħansitra fil-​prova? Adam u Eva kienu fallew. Imbagħad Ġesù ġie, għex, miet, u pprovda t-​tweġiba. L-​akbar mill-​ħlejjaq kollha taʼ Ġeħova ta l-​iktar tweġiba b’saħħitha possibbli. Hu obda anki meta l-​ubbidjenza swietlu ħafna.

23-25. (a) L-​ubbidjenza kif inhi relatata maʼ l-​integrità? Agħti tixbiha. (b) X’inhu s-​suġġett tal-​kapitlu li jmiss?

23 L-​integrità, jew id-​devozzjoni lejn Ġeħova b’qalb sħiħa, tintwera bl-​ubbidjenza. Minħabba li Ġesù obda, hu żamm l-​integrità tiegħu u l-​umanità kollha bbenefikat. (Rumani 5:19) Ġeħova ppremjah bil-​kbir lil Ġesù. Jekk nobdu lil Sidna, Kristu, Ġeħova se jippremjana wkoll. L-​ubbidjenza lejn Kristu twassal għal “salvazzjoni taʼ dejjem”!—Ebrej 5:9.

24 Iżjed minn hekk, l-​integrità hija premju fiha nfisha. Proverbji 10:9 jgħid: “Dak li qed jimxi bl-​integrità se jimxi fis-​sigurtà.” Jekk l-​integrità titqabbel maʼ villa magħmula bi briks taʼ kwalità, kull att t’ubbidjenza jista’ jitqabbel maʼ briksa individwali. Briksa tista’ tidher insinifikanti, imma kull waħda għandha postha, il-​valur tagħha. U meta ħafna jingħaqdu flimkien, tinbena xi ħaġa ħafna iktar taʼ valur. Meta atti t’ubbidjenza jingħaqdu flimkien, wieħed maʼ l-​ieħor, jum wara jum u sena wara sena, aħna nibnu d-​dar sabiħa taʼ l-​integrità tagħna.

25 Ħajja t’ubbidjenza fuq tul taʼ żmien iġġibilna f’moħħna kwalità oħra—is-​sabar. Dan l-​aspett taʼ l-​eżempju taʼ Ġesù huwa s-​suġġett tal-​kapitlu li jmiss.