KAPITLU 8
“Għal Dan Intbgħatt”
1-4. (a) Ġesù kif jgħallem lil waħda mara Samaritana bis-sengħa, u b’liema riżultat? (b) L-appostli tiegħu kif jirreaġixxu?
ILHOM mexjin sigħat sħaħ. Ġesù u l-appostli tiegħu qed jivvjaġġaw lejn it-tramuntana, mexjin mil-Lhudija lejn il-Galilija. L-iqsar rotta—vjaġġ taʼ madwar tlett ijiem—tgħaddihom mis-Samarija. Hekk kif ix-xemx tkun fl-eqqel tagħha, huma javviċinaw belt żgħira jisimha Sikar, fejn jieqfu għal ftit mistrieħ.
2 Sakemm l-appostli tiegħu jmorru jixtru l-ikel, Ġesù jistrieħ ħdejn bir ’il barra mill-belt. Waħda mara tersaq viċin biex ittella’ l-ilma. Ġesù jista’ jiddeċiedi li ma jagħtix kasha. Hu “għajjien mill-vjaġġ.” (Ġwanni 4:6) Kien ikun raġunevoli kieku sempliċement għalaq għajnejh u ħalla lil din il-mara Samaritana tiġi u titlaq mingħajr ma jagħti kas. Bħalma rajna f’Kapitlu 4 taʼ dan il-ktieb, il-mara x’aktarx tistenna li kwalunkwe Lhudi se jittrattaha b’disprezz. Madankollu, Ġesù jaqbad ikellimha.
3 Jibda b’tixbiha meħuda mill-ħajja taʼ kuljum taʼ din il-mara—tabilħaqq, waħda li għandha x’taqsam maʼ dak li qed tagħmel f’dan il-mument stess. Qiegħda hawn biex ittella’ l-ilma; Ġesù jitkellem dwar ilma li jagħti l-ħajja u li jista’ jissodisfa l-għatx spiritwali tagħha. Diversi drabi, hi tqajjem punti li jistgħu jwasslu għal argumenti. * Ġesù b’tattika jevita dawn il-kwistjonijiet u jibqa’ jitkellem dwar is-suġġett li għandu f’moħħu. Hu jiffoka fuq kwistjonijiet spiritwali—il-qima pura u Alla Ġeħova. Il-kliem tiegħu ma jeffettwax lil din il-mara biss, għax hi tirrakkontah lin-nies tal-belt, u huma wkoll jixtiequ jisimgħu lil Ġesù.—Ġwanni 4:3-42.
4 X’ħin jirritornaw, l-appostli kif iħossuhom dwar ix-xiehda rimarkevoli li Ġesù qed jagħti hawnhekk? M’hemm ebda indikazzjoni t’entużjażmu min-naħa tagħhom. Huma mbellhin li Ġesù saħansitra qed ikellem lil din il-mara, u milli jidher ma jgħidulha xejn. Wara li titlaq, huma jibqgħu jħeġġu lil Ġesù biex jiekol l-ikel li ġabu. Madankollu, Ġesù jgħidilhom: “Għandi ikel x’niekol li ma tafux bih.” Imħawdin, għall-ewwel jieħdu kliemu b’mod letterali. Imbagħad jispjega: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġwanni 4:32, 34) Ġesù b’hekk jgħallimhom li x-xogħol prinċipali tiegħu fil-ħajja huwa iktar importanti għalih milli jiekol. Hu jrid li huma jħossuhom bl-istess mod dwar dan. X’inhu dan ix-xogħol?
5. X’kien ix-xogħol li Ġesù ddedika ħajtu għalih, u x’se nikkunsidraw f’dan il-kapitlu?
5 Ġesù darba qal: ‘Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla, għax għal dan intbgħatt.’ (Luqa 4:43) Iva, Ġesù ntbagħat biex jippriedka u jgħallem l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. * Is-segwaċi taʼ Ġesù llum għandhom l-istess xogħol x’jagħmlu. Għalhekk, huwa vitali li nikkunsidraw għala Ġesù ppriedka, dak li ppriedka, u x’attitudni kellu lejn l-inkarigu tiegħu.
Għala Ġesù Ppriedka
6, 7. Ġesù kif ried lil “kulmin jgħallem fil-pubbliku” jħossu dwar li jaqsam l-aħbar tajba m’oħrajn? Agħti tixbiha.
6 Ejja nikkunsidraw kif Ġesù ħassu dwar il-veritajiet li għallem; imbagħad se niddiskutu l-attitudni tiegħu lejn in-nies li għallem. Ġesù uża tixbiha ħajja biex juri kif ħassu dwar li jaqsam m’oħrajn il-veritajiet li Ġeħova kien għallmu. Hu qal: “Kulmin jgħallem fil-pubbliku, meta jitgħallem dwar is-saltna tas-smewwiet, hu bħal raġel, sid taʼ dar, li joħroġ mit-teżor maħżun tiegħu affarijiet ġodda u qodma.” (Mattew 13:52) Sid id-dar f’din it-tixbiha għala joħroġ affarijiet mit-teżor maħżun tiegħu?
7 Sid id-dar m’huwiex sempliċement qed jiffanfra bil-ġid tiegħu, kif darba għamel is-Sultan Ħeżekija tal-qedem—b’konsegwenzi taʼ wġigħ. (2 Slaten 20:13-20) Xi jqanqal lil sid id-dar? Ikkunsidra tixbiha: Int tmur iżżur għalliem favorit tiegħek f’daru. Hu jiftaħ kexxun taʼ l-iskrivanija u joħroġ żewġ ittri—waħda sfaret biż-żmien u l-oħra iktar ġdida. Huma ittri li hu rċieva mingħand missieru—waħda minnhom għaxriet taʼ snin ilu meta l-għalliem kien għadu tifel, l-oħra m’ilhiex daqshekk. Għajnejh ileqqu bil-ferħ hekk kif jgħidlek kemm jgħożż dawn l-ittri u kif il-pariri li fihom biddlulu ħajtu u jistgħu jkunu t’għajnuna għalik. Jidher ċar li l-għalliem jgħożż dawn l-ittri u għandhom post għażiż f’qalbu. (Luqa 6:45) Hu ma jurikx dawn l-ittri biex jiftaħar jew biex jiggwadanja b’xi mod, imma biex int tibbenefika u tara kemm huma taʼ valur.
8. Għala għandna raġuni valida biex inħossu li l-veritajiet li nitgħallmu mill-Kelma t’Alla huma teżori?
8 L-Għalliem il-Kbir, Ġesù, kellu motivi simili meta qasam il-veritajiet t’Alla m’oħrajn. Għalih, dawn il-veritajiet kienu teżor imprezzabbli. Hu ħabbhom, u kien ħerqan li jaqsamhom m’oħrajn. Hu ried li s-segwaċi kollha tiegħu, “kulmin jgħallem fil-pubbliku,” iħossuhom b’dan il-mod. Hekk inħossuna?
Aħna għandna raġuni valida biex inħobbu kull verità li nitgħallmu mill-Kelma t’Alla. Ngħożżu kliem prezzjuż taʼ verità kemm jekk hu twemmin li ilna ngħożżuh u kemm jekk hu rfinar ġdid. Billi nitkellmu b’entużjażmu mill-qalb u nżommu l-imħabba tagħna għal dak li Ġeħova għallimna, aħna nkunu qed nuru din l-imħabba, kif għamel Ġesù.9. (a) Ġesù kif ħassu dwar in-nies li għallem? (b) Kif nistgħu nimitaw l-attitudni taʼ Ġesù lejn in-nies?
9 Ġesù ħabb ukoll lin-nies li għallem, kif se niddiskutu f’iktar dettall fit-Tielet Sezzjoni. Kien profetizzat li l-Messija kellu “jiddispjaċih għall-batut u għall-fqir.” (Salm 72:13) Tabilħaqq, Ġesù interessah min-nies. Hu kien interessat mill-ħsibijiet u l-attitudnijiet li influwenzawhom; hu kien konċernat dwar it-tagħbijiet li taqqluhom u l-ostakli li fixkluhom milli jaqbdu qabda soda mal-verità. (Mattew 11:28; 16:13; 23:13, 15) Per eżempju, ftakar fil-mara Samaritana. Bla dubju kienet impressjonata ħafna li Ġesù wera interess fiha. Id-dehen tiegħu dwar is-sitwazzjoni persunali tagħha qanqalha biex taċċettah bħala profeta u biex tgħid lil oħrajn dwaru. (Ġwanni 4:16-19, 39) M’għandniex xi ngħidu, is-segwaċi taʼ Ġesù llum ma jistgħux jaqraw il-qalb tan-nies li lilhom jippridkaw. Madankollu, nistgħu nuru interess fin-nies, bħalma għamel Ġesù; nistgħu nuru li jinteressana minnhom; u nistgħu nadattaw kliemna biex nissodisfaw l-interessi, l-isfidi, u l-bżonnijiet partikulari tagħhom.
Dak li Ppriedka Ġesù
10, 11. (a) Xi ppriedka Ġesù? (b) Għala kien hemm il-bżonn għas-Saltna t’Alla?
10 Xi ppriedka Ġesù? Li kieku kellek tfittex it-tweġiba billi teżamina t-tagħlim taʼ ħafna knejjes li jistqarru li jirrappreżentawh, għandek mnejn kont tikkonkludi li hu applika
prinċipji Kristjani għal problemi soċjali. Jew forsi kont tieħu l-impressjoni li hu appoġġa riforma politika jew li s-salvazzjoni persunali kienet l-iktar ħaġa importanti. Madankollu, bħalma nnotajna qabel, Ġesù b’mod ċar qal: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla.” Dan x’kien jinvolvi eżattament?11 Ftakar, Ġesù kien preżenti fis-sema meta Satana sfida għall-ewwel darba d-dritt tas-sovranità taʼ Ġeħova. Min jaf kemm ħassu mweġġa’ Ġesù li jara lil Missieru tant ġust jiġi malafamat u akkużat li kien Ħakkiem inġust u li ma jagħtix affarijiet tajbin lill-ħlejjaq Tiegħu! Min jaf kemm ħassu mweġġa’ l-Iben t’Alla meta Adam u Eva, il-ġenituri futuri taʼ l-umanità, taw kas il-malafama taʼ Satana! L-Iben ra li l-familja umana kienet infettata bid-dnub u l-mewt minħabba din ir-ribelljoni. (Rumani 5:12) Però, min jaf kemm ħassu ferħan meta sema’ li xi darba Missieru kellu jirranġa l-affarijiet!
12, 13. Is-Saltna t’Alla se tirranġa liema inġustizzji, u Ġesù kif ta importanza lis-Saltna fil-ministeru tiegħu?
12 X’kienet l-iktar ħaġa importanti li kellha tiġi rranġata? L-isem qaddis taʼ Ġeħova kellu jitqaddes, jitnaddaf minn kull traċċa taʼ tmaqdir li Satana u dawk kollha li ngħaqdu miegħu ġabu fuqu. Id-dritt tas-sovranità taʼ Ġeħova, il-mod tiegħu kif jaħkem, kellu jiġi vindikat. Aħjar minn kwalunkwe bniedem ieħor, Ġesù fehem dawn il-kwistjonijiet vitali. Fit-talba mudell, hu għallem lis-segwaċi tiegħu biex l-ewwel jitolbu għat-taqdis taʼ isem Missieru, imbagħad biex tiġi s-Saltna taʼ Missieru, u mbagħad biex tintgħamel ir-rieda t’Alla fuq l-art. (Mattew 6:9, 10) Is-Saltna t’Alla, bi Kristu Ġesù bħala l-Ħakkiem tagħha, dalwaqt se teħles l-art mis-sistema korrotta taʼ Satana u tikkonferma l-ħakma ġusta taʼ Ġeħova darba għal dejjem.—Danjel 2:44.
13 Din is-Saltna kienet it-tema tal-ministeru taʼ Ġesù. Il-kliem kollu tiegħu u l-azzjonijiet kollha tiegħu għenu biex jiċċaraw x’inhi s-Saltna u kif se twettaq l-iskop taʼ Ġeħova. Ġesù ma ħalla xejn itellfu mill-iskop tiegħu li jippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Fi żmienu, kien hemm kwistjonijiet soċjali importanti, inġustizzji bla għadd, però hu kien iffokat fuq il-messaġġ u x-xogħol tiegħu. Il-fatt li baqa’ ffokat ifisser li Ġesù ma kienx flessibbli fil-ħarsa tiegħu, mhux sensibbli u ripetittiv fil-metodu tiegħu? ’Il bogħod minn hekk!
14, 15. (a) Ġesù kif wera li kien “xi ħadd akbar minn Salamun”? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù f’dak li nippridkaw?
14 Bħalma se naraw f’din is-sezzjoni, Ġesù għamel it-tagħlim tiegħu interessanti u varjat. Hu tkellem bl-iskop li jilħaq qalb in-nies. Forsi niftakru fis-sultan għaref Salamun, li fittex kliem pjaċevoli, kliem korrett u veru, biex iwassal il-ħsibijiet li Ġeħova ispirah jikteb. (Ekkleżjasti 12:10) Ġeħova ta lil dan ir-raġel imperfett “qalb mimlija dehen,” li għenitu jitkellem dwar ħafna affarijiet, minn għasafar sa ħut, siġar, u annimali. In-nies ġew mill-bogħod biex jisimgħu lil Salamun jitkellem. (1 Slaten 4:29-34) Però, Ġesù kien “xi ħadd akbar minn Salamun.” (Mattew 12:42) Hu kien ħafna iktar għaref, b’“qalb mimlija [ħafna iktar] dehen.” Meta kien jgħallem lin-nies, Ġesù kien juża l-għarfien superjuri tiegħu tal-Kelma t’Alla kif ukoll taʼ l-għasafar, l-annimali, il-ħut, l-agrikultura, it-temp, il-ġrajjiet kurrenti, l-istorja, u l-kundizzjonijiet soċjali. Fl-istess ħin, Ġesù qatt ma ffanfra bl-għarfien li kellu sabiex jimpressjona lil oħrajn. Hu żamm il-messaġġ tiegħu sempliċi u ċar. Mhux taʼ b’xejn li n-nies tgħaxxqu jisimgħuh jitkellem!—Marku 12:37; Luqa 19:48.
15 Il-Kristjani llum jipprovaw isegwu l-eżempju taʼ Ġesù. Aħna m’għandniex l-għerf u l-għarfien profond tiegħu, 1 Timotju 4:16.
imma lkoll kemm aħna għandna ammont t’għarfien u esperjenza li nistgħu nużaw meta naqsmu m’oħrajn il-veritajiet tal-Kelma t’Alla. Per eżempju, il-ġenituri jistgħu jużaw l-esperjenza tagħhom tat-trobbija tat-tfal biex jagħtu tixbiha dwar l-imħabba taʼ Ġeħova għal uliedu. Oħrajn jistgħu jużaw eżempji jew tixbihat meħudin mix-xogħol sekulari, l-iskola, jew l-għarfien tagħhom dwar in-nies u ġrajjiet kurrenti. Fl-istess ħin, aħna attenti li nżommu l-attenzjoni fuq il-messaġġ li nagħtu—l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—L-Attitudni taʼ Ġesù Lejn il-Ministeru Tiegħu
16, 17. (a) Liema attitudni kellu Ġesù lejn il-ministeru tiegħu? (b) Ġesù kif wera li l-ministeru tiegħu kien l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu?
16 Ġesù ħass li l-ministeru tiegħu kien teżor prezzjuż. Hu tgħaxxaq jgħin lin-nies jaraw lil Missieru tas-sema bħalma Hu tassew u mhux bħala xi ħadd misterjuż minħabba d-duttrini u t-tradizzjonijiet li għamlu l-bnedmin. Ġesù kien iħobb jgħin lin-nies jiksbu relazzjoni approvata maʼ Ġeħova u t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem. Hu kien jitgħaxxaq iġib il-faraġ u l-ferħ taʼ l-aħbar tajba lin-nies. Kif wera li kellu dawn is-sentimenti? Ikkunsidra tliet modi.
17 L-ewwel, Ġesù għamel il-ministeru l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu. Li jitkellem dwar is-Saltna kien il-karriera, ix-xogħol taʼ ħajtu, l-interess ewlieni tiegħu. Huwa għalhekk, bħalma semmejna f’Kapitlu 5, li Ġesù b’mod għaqli żamm ħajtu sempliċi. Hekk kif ta pariri lil oħrajn, hu żamm għajnejh iffokati fuq l-iktar ħaġa importanti. Hu m’aljenax ruħu b’ħafna affarijiet li kien ikollu jħallas għalihom, jieħu ħsieb, u jsewwi jew ibiddel maż-żmien. Hu għex ħajja sempliċi sabiex xejn ma jaljenah bla bżonn mill-ministeru tiegħu.—Mattew 6:22; 8:20.
18. Ġesù b’liema modi wettaq il-ministeru tiegħu b’ruħu u b’ġismu?
18 It-tieni, Ġesù wettaq il-ministeru tiegħu b’ruħu u b’ġismu. Hu ddedika enerġija kbira għalih, letteralment mexa mijiet taʼ kilometri fil-Palestina, ifittex nies maʼ min jista’ jaqsam l-aħbar tajba. Hu kellimhom fi djarhom, fil-pjazez, fis-swieq, u fil-beraħ. Hu kellimhom anki meta kellu bżonn il-mistrieħ, l-ikel, l-ilma, jew ftit ħin għall-kwiet mal-ħbieb intimi tiegħu. Anki meta kien qed imut, hu kompla jaqsam m’oħrajn l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla!—19, 20. Ġesù kif ta tixbiha dwar l-urġenza tax-xogħol taʼ l-ippridkar?
19 It-tielet, Ġesù ttratta l-ministeru bħala xi ħaġa urġenti. Ftakar fil-konversazzjoni tiegħu mal-mara Samaritana ħdejn il-bir ’il barra minn Sikar. L-appostli taʼ Ġesù milli jidher ma rawx f’din is-sitwazzjoni bżonn urġenti biex jaqsmu m’oħrajn l-aħbar tajba. Ġesù qalilhom: “Ma tgħidux li għad baqa’ erba’ xhur għall-ħsad? Ara! Ngħidilkom: Erfgħu għajnejkom u ħarsu lejn l-għelieqi, kif inhuma bojod għall-ħsad.”—Ġwanni 4:35.
20 Ġesù ġab din it-tixbiha mill-istaġun kurrenti. Milli jidher kien ix-xahar taʼ Ċislev (Novembru/Diċembru). Il-ħsad tax-xgħir kien fadallu erba’ xhur, madwar iż-żmien tal-Qbiż, fl-14 taʼ Nisan. Għalhekk, il-bdiewa ma ħassewx urġenza għall-ħsad f’dak il-waqt. Kien fadallu ħafna żmien. Imma xi ngħidu dwar il-ħsad tan-nies? Iva, ħafna kienu lesti li jisimgħu, li jitgħallmu, li jsiru dixxipli taʼ Kristu u li jiksbu t-tama meraviljuża li Ġeħova poġġa quddiemhom. Kien bħallikieku Ġesù seta’ jħares lejn dawk l-għelieqi figurattivi u jara li kienu bojod bil-qamħ misjur jixxejjer maż-żiffa, u b’hekk juru li huma lesti għall-ħsad. * Iż-żmien kien wasal, u x-xogħol kien urġenti! B’konsegwenza t’hekk, meta n-nies minn belt waħda riedu jżommu lil Ġesù magħhom, hu wieġeb: “Irrid inxandar l-aħbar tajba tas-saltna t’Alla lil bliet oħrajn ukoll, għax għal dan intbgħatt.”—Luqa 4:43.
21. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?
21 Fit-tliet modi li għadna kif iddiskutejna, nistgħu nimitaw lil Ġesù. Nistgħu nagħmlu l-ministeru Kristjan l-iktar ħaġa importanti f’ħajjitna. Għalkemm forsi għandna obbligi fil-familja jew sekulari, nistgħu nuru li l-ministeru tagħna jiġi l-ewwel billi jkollna sehem żeluż u regulari fih, bħalma kellu Ġesù. (Mattew 6:33; 1 Timotju 5:8) Nistgħu nwettqu l-ministeru b’ruħna u b’ġisimna, nagħtu mill-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tagħna b’mod ġeneruż biex nappoġġawh. (Luqa 13:24) U nistgħu dejjem inżommu f’moħħna li x-xogħol tagħna hu urġenti. (2 Timotju 4:2) Irridu naħtfu kull opportunità biex nippridkaw!
22. X’se jiġi kunsidrat fil-kapitlu li jmiss?
22 Ġesù wera wkoll li ra l-importanza tax-xogħol billi aċċerta ruħu li kien se jitkompla wara mewtu. Hu inkariga lis-segwaċi tiegħu biex ikomplu fix-xogħol taʼ l-ippridkar u t-tagħlim. Dan l-inkarigu se jkun is-suġġett tal-kapitlu li jmiss.
^ par. 3 Per eżempju, meta staqsiet dwar għala Lhudi qed jindirizza Samaritana, hi ssemmi s-suġġett li għal sekli sħaħ tlewmu dwaru ż-żewġ popli. (Ġwanni 4:9) Hi tgħid ukoll li niesha huma dixxendenti taʼ Ġakobb, stqarrija li l-Lhud taʼ dak iż-żmien jiċħdu b’saħħa. (Ġwanni 4:12) Huma jsejħu lis-Samaritani bl-isem Kuteani biex jenfasizzaw id-dixxendenza tagħhom minn popli barranin.
^ par. 5 Li tippriedka jfisser li tipproklama, jew tiddikjara, messaġġ. Li tgħallem għandu tifsira simili imma jinvolvi li tagħti messaġġ iktar fil-fond u dettaljat. Tagħlim tajjeb jinkludi li nsibu modi kif nilħqu l-qlub sabiex nimmotivaw lill-istudenti jaġixxu fuq dak li jisimgħu.
^ par. 20 Rigward dan il-vers, wieħed xogħol taʼ referenza jgħid: “Il-qamħ meta jkun sar jinbidel minn kulur ħadrani għal kulur safrani, jew kulur ċar, u b’hekk jindika li wasal il-waqt għall-ħsad.”