Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 10

“Hu Miktub”

“Hu Miktub”

“Illum twettqet din l-​iskrittura”

1-3. Ġesù jrid lin-​nies taʼ Nazaret jaslu għal liema konklużjoni vitali, u liema evidenza jagħti dwar dan?

ĠESÙ għadu kif beda l-​ministeru tiegħu. Kristu ġie lura Nazaret, il-​post fejn trabba. Il-​mira tiegħu hi li jgħin lin-​nies jaslu għal konklużjoni vitali: Hu l-​Messija li kien imbassar minn ħafna żmien qabel! Liema evidenza jagħti dwar dan?

2 Bla dubju ħafna nies qed jistennew xi miraklu. Huma semgħu dwar l-​għemejjel taʼ l-​għaġeb li wettaq Ġesù. Madankollu, hu ma jagħtihom ebda sinjal bħal dan. Minflok, hu jmur is-​sinagoga, kif inhu mdorri jagħmel. Iqum bil-​wieqfa biex jaqra, u jingħatalu r-​romblu taʼ Isaija. Huwa romblu twil, x’aktarx imgerbeb madwar żewġ vireg, u b’attenzjoni Ġesù jgerbeb id-​dokument minn virga għall-​oħra sakemm isib is-​silta li qed ifittex. Imbagħad hu jaqra b’leħen għoli dak li issa hu Isaija 61:1-​3.—Luqa 4:16-​19.

3 L-​udjenza żgur hija midħla tas-​silta. Hija profezija dwar il-​Messija. Għajnejn dawk kollha fis-​sinagoga huma fuq Ġesù. Hemm skiet perfett. Imbagħad Ġesù jibda jispjega, x’aktarx fid-​dettall: “Illum twettqet din l-​iskrittura li għadkom kemm smajtu.” L-​udjenza tibqa’ mistagħġba bil-​kliem ħelu tiegħu, iżda milli jidher ħafna xorta jridu jaraw xi sinjal spettakolari. Minflok, Ġesù b’kuraġġ juża eżempju Skritturali biex jikxef in-​nuqqas taʼ fidi tagħhom. In-​nies taʼ Nazaret dalwaqt se jipprovaw joqtluh!—Luqa 4:20-​30.

4. Ġesù pprovda liema eżempju fil-​ministeru tiegħu, u x’se nikkunsidraw f’dan il-​kapitlu?

4 Dakinhar Ġesù pprovda eżempju li hu baqa’ jsegwi matul il-​ministeru tiegħu. Hu kien jistrieħ bil-​kbir fuq il-​Kelma mnebbħa t’Alla. Huwa minnu li l-​mirakli tiegħu kienu taʼ importanza kbira f’li juru li l-​ispirtu t’Alla kien miegħu. Iżda, għal Ġesù xejn ma kien iktar importanti mill-​Iskrittura Mqaddsa. Ejja neżaminaw l-​eżempju li ħalla f’dan ir-​rigward. Se nikkunsidraw kif Sidna kkwota mill-​Kelma t’Alla, iddefenda l-​Kelma t’Alla, u spjega l-​Kelma t’Alla.

Ikkwota mill-​Kelma t’Alla

5. Ġesù x’kien determinat li juri lis-​semmiegħa tiegħu, u kif ta prova li kliemu kien veru?

5 Ġesù ried li n-​nies ikunu jafu minfejn kien ġej il-​messaġġ tiegħu. Hu qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 7:16) F’okkażjoni oħra, hu qal: “Ma nagħmel xejn minn rajja; imma dan ngħidu skond kif għallimni l-​Missier.” (Ġwanni 8:28) Iktar minn hekk, hu qal: “Dak li ngħidilkom ma ngħidux minni nnifsi; imma l-​Missier li jibqa’ f’unjoni miegħi qed jagħmel l-​għemejjel tiegħu.” (Ġwanni 14:10) Mod wieħed kif Ġesù ta prova li kummenti bħal dawn kienu veri hu billi kkwota l-​Kelma miktuba t’Alla għal darba wara l-​oħra.

6, 7. (a) Ġesù kemm kien jikkwota mill-​Iskrittura Ebrajka, u dan għala hu impressjonanti? (b) It-​tagħlim taʼ Ġesù kif inhu differenti mit-​tagħlim taʼ l-​iskribi?

6 Studju bir-​reqqa tal-​kliem dokumentat taʼ Ġesù juri li hu kkwota direttament minn iktar minn nofs il-​kotba fl-​Iskrittura Ebrajka jew irrefera għalihom b’mod indirett. Għall-​ewwel, dan jista’ ma jinstemax impressjonanti. Għandek mnejn tistaqsi lilek innifsek għala, fi tliet snin u nofs taʼ tagħlim u ppridkar pubbliku, hu ma kkwotax mill-​kotba ispirati kollha li kienu disponibbli. Madankollu, fir-​realtà hu x’aktarx li hekk għamel. Ftakar li parti żgħira biss mill-​kliem u l-​għemejjel taʼ Ġesù huma mniżżlin bil-​miktub. (Ġwanni 21:25) Fil-​fatt, int probabbilment tista’ taqra b’leħen għoli l-​kliem dokumentat kollu taʼ Ġesù fi ftit sigħat biss. Issa, immaġina li qed titkellem dwar Alla u s-​Saltna tiegħu għal ftit sigħat biss u tipprova tirreferi għal iktar minn nofs il-​kotba taʼ l-​Iskrittura Ebrajka! Barra minn hekk, ħafna drabi Ġesù ma kellux rombli miktubin disponibbli. Meta għamel il-​Priedka famuża taʼ fuq il-​Muntanja, hu għamel bosta referenzi b’mod dirett u indirett għall-​Iskrittura Ebrajka—kollha bl-​amment!

7 Il-​kwotazzjonijiet taʼ Ġesù wrew ir-​rispett profond li kellu għall-​Kelma t’Alla. Dawk li semgħuh “stagħġbu bil-​mod kif għallimhom, għax kien qed jgħallimhom bħal wieħed li għandu l-​awtorità, u mhux bħall-​iskribi.” (Marku 1:22) Meta l-​iskribi kienu jgħallmu, kienu jħobbu jirreferu għall-​hekk imsejħa liġi orali, billi jikkwotaw lil rabbini għorrief taʼ l-​imgħoddi. Ġesù lanqas darba ma kkwota mil-​liġi orali jew lil xi rabbi bħala awtorità. Minflok, hu kien iqis il-​Kelma t’Alla bħala l-​awtorità finali. Għal darba wara l-​oħra, hu qal: “Hu miktub.” Hu spiss kien juża dan il-​kliem jew kliem simili ieħor meta kien jgħallem lis-​segwaċi tiegħu u jikkoreġi l-​ideat żbaljati tagħhom.

8, 9. (a) Ġesù kif appoġġa l-​awtorità tal-​Kelma t’Alla meta naddaf it-​tempju? (b) Il-​mexxejja reliġjużi li kienu fit-​tempju b’liema mod urew diżrispett kbir lejn il-​Kelma t’Alla?

8 Meta Ġesù naddaf it-​tempju f’Ġerusalemm, hu qal: “Hu miktub, ‘Dari tissejjaħ dar tat-​talb,’ imma intom qed tagħmluha għar tal-​ħallelin.” (Mattew 21:12, 13; Isaija 56:7; Ġeremija 7:11) Il-​ġurnata taʼ qabel, hu kien wettaq ħafna għemejjel taʼ l-​għaġeb hemmhekk. Xi subien żgħar, minħabba li ġew impressjonati bil-​kbir b’dak li raw, bdew ifaħħruh. Madankollu, il-​mexxejja reliġjużi mgħaddbin staqsew lil Ġesù jekk kienx sema’ x’kienu qed jgħidu dawn it-​tfal. Hu wieġeb: “Iva. Qatt ma qrajtuh dan, ‘Minn fomm iċ-​ċkejknin u t-​trabi tal-​ħalib int ipprovdejt it-​tifħir’?” (Mattew 21:16; Salm 8:2) Ġesù ried lil dawk l-​irġiel ikunu jafu li l-​Kelma t’Alla approvat dak kollu li kien qed jiġri hemmhekk.

9 Iktar tard, dawn il-​mexxejja reliġjużi nġabru flimkien, resqu quddiem Ġesù, u staqsewh: “Int b’liema awtorità tagħmlu dan?” (Mattew 21:23) Ġesù kien għamilha ċara ferm min kien is-​Sors taʼ l-​awtorità tiegħu. Hu ma kienx joħloq xi ideat ġodda billi jaqla’ duttrini minn żniedu. Hu kien sempliċement japplika dak li kienet tgħid il-​Kelma mnebbħa taʼ Missieru. Mela allura dawn il-​qassisin u l-​iskribi kienu qed juru diżrispett kbir lejn Ġeħova u l-​Kelma tiegħu. Bla dubju kien jistħoqqilhom il-​kundanna taʼ Ġesù hekk kif kixef il-​ħażen wara l-​motivi tagħhom.—Mattew 21:23-​46.

10. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù fil-​mod kif nużaw il-​Kelma t’Alla, u liema għodod għandna li Ġesù ma kellux?

10 Bħal Ġesù, il-​Kristjani veri llum jistrieħu fuq il-​Kelma t’Alla fil-​ministeru. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova huma magħrufin mad-​dinja kollha għall-​ħerqa tagħhom biex jaqsmu m’oħrajn messaġġ mill-​Bibbja. Il-​pubblikazzjonijiet tagħna huma mimlijin skritturi u siltiet mill-​Bibbja. U fil-​ministeru tagħna nagħmlu l-​istess billi nistinkaw ħalli niftħu l-​Iskrittura kulmeta nitkellmu man-​nies. (2 Timotju 3:16) Kemm nifirħu meta xi ħadd iħallina naqraw mill-​Bibbja u niddiskutu l-​valur u t-​tifsir tal-​Kelma t’Alla! Aħna m’għandniex memorja perfetta bħalma kellu Ġesù, iżda għandna ħafna għodod li Ġesù ma kellux. Flimkien mal-​Bibbja sħiħa stampata b’għadd taʼ lingwi li dejjem jiżdied, aħna għandna bosta għodod li jgħinuna nifhmu l-​Bibbja u nsibu xi vers li nkunu rridu nfittxu. Ejja nkunu determinati li nkomplu nikkwotaw mill-​Bibbja u nidderieġu lin-​nies lejha f’kull opportunità!

Iddefenda l-​Kelma t’Alla

11. Ġesù għala kellu jiddefendi l-​Kelma t’Alla spiss?

11 Ġesù sab li l-​Kelma t’Alla spiss kienet tiġi attakkata, iżda dan żgur li ma ssorprendiehx. “Kelmtek hi l-​verità,” Ġesù qal lil Missieru fit-​talb. (Ġwanni 17:17) U Ġesù kien jaf sew li Satana, “il-​ħakkiem tad-​dinja,” hu “giddieb u missier il-​gidba.” (Ġwanni 8:44; 14:30) Meta ċaħad it-​tentazzjonijiet taʼ Satana, Ġesù kkwota mill-​Iskrittura tliet darbiet. Satana kkwota vers wieħed mill-​ktieb tas-​Salmi u bi skop applikah ħażin. Ġesù wieġeb billi ddefenda l-​Kelma t’Alla kontra dan l-​użu ħażin.—Mattew 4:6, 7.

12-14. (a) Il-​mexxejja reliġjużi kif urew diżrispett għal-​Liġi Mosajka? (b) Ġesù kif iddefenda l-​Kelma t’Alla?

12 Ġesù spiss kien jiddefendi l-​Iskrittura Mqaddsa minħabba li tkun ġiet użata, interpretata, u rappreżentata b’mod ħażin. L-​għalliema reliġjużi taʼ żmienu rrappreżentaw il-​Kelma t’Alla b’mod żbilanċjat. Huma kienu jpoġġu ħafna enfasi fuq li wieħed iħares il-​Liġi Mosajka sa l-​iċken dettall iżda ftit li xejn kienu jpoġġu enfasi fuq li wieħed japplika l-​prinċipji li fuqhom kienu bbażati l-​liġijiet. B’hekk, huma inkuraġġew forma superfiċjali taʼ qima, waħda li kienet tiffoka iktar fuq id-​dehra taʼ barra milli fuq kwistjonijiet iktar serji—bħalma huma l-​ġustizzja, il-​ħniena, u l-​lealtà. (Mattew 23:23) Ġesù kif iddefenda l-​Liġi t’Alla?

13 Fil-​Priedka tiegħu taʼ fuq il-​Muntanja, Ġesù spiss uża l-​frażi “smajtu li ntqal” sabiex jintroduċi xi statut tal-​Liġi Mosajka. Imbagħad hu kien jgħid “imma jien ngħidilkom” u wara jispjega xi prinċipju li kien jidħol iktar fid-​dettall mill-​osservanza superfiċjali tal-​Liġi. Kien qed jargumenta kontra l-​Liġi? Le, hu kien qed jiddefendiha. Per eżempju, in-​nies kienu jafuha sew il-​liġi “Toqtolx.” Iżda Ġesù qalilhom li l-​mibegħda lejn xi ħadd kienet tmur kontra l-​essenza taʼ din il-​liġi. B’mod simili, jekk wieħed jikkultiva xewqat romantiċi ħżiena għal persuna li ma tkunx is-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħu jkun qed jikser il-​prinċipju li jinsab fil-​liġi t’Alla kontra l-​adulterju.—Mattew 5:17, 18, 21, 22, 27-​39.

14 Fl-​aħħarnett, Ġesù qal: “Smajtu li ntqal, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek u obgħod lill-​għadu tiegħek.’ Madankollu, jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-​għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li qed jippersegwitawkom.” (Mattew 5:43, 44) Kien il-​kmand “obgħod lill-​għadu tiegħek” ġej mill-​Kelma t’Alla? Le, dan il-​kmand kien xi ħaġa li l-​mexxejja reliġjużi għallmu minn żniedhom. Huma naqqsu l-​importanza tal-​Liġi perfetta t’Alla minħabba l-​ħsibijiet tal-​bniedem. Bi qlubija, Ġesù ddefenda l-​Kelma t’Alla kontra l-​effetti taʼ ħsara li jġibu magħhom it-​tradizzjonijiet tal-​bniedem.—Marku 7:9-​13.

15. Ġesù kif iddefenda l-​Liġi t’Alla kontra t-​tentattivi biex tintgħamel tidher stretta żżejjed, saħansitra ħarxa?

15 Il-​mexxejja reliġjużi attakkaw il-​Liġi t’Alla wkoll billi għamluha tidher stretta żżejjed, saħansitra ħarxa. Meta d-​dixxipli taʼ Ġesù qatgħu ftit sbul tal-​qamħ huma u għaddejjin minn ġo għalqa, xi Fariżej stqarrew li huma kienu qed jiksru s-​Sabat. Ġesù uża eżempju Skritturali biex jiddefendi l-​Kelma t’Alla kontra din il-​ħarsa żbilanċjata. Hu rrefera għall-​unika silta fl-​Iskrittura li ssemmi l-​użu tal-​ħobż tal-​preżenza tat-​tempju barra s-​santwarju—meta David u l-​irġiel bil-​ġuħ li kellu miegħu kielu dan il-​ħobż. Ġesù wera lil dawn il-​Fariżej li huma kienu naqsu li jifhmu għala Ġeħova juri ħniena u mogħdrija.—Marku 2:23-​27.

16. Il-​mexxejja reliġjużi kif kienu bidlu l-​kmand taʼ Mosè rigward id-​divorzju, u Ġesù kif wieġeb?

16 Ukoll, il-​mexxejja reliġjużi ħolqu modi kif iduru mal-​Liġi t’Alla, u b’hekk idgħajfuha. Per eżempju, il-​Liġi kienet tippermetti li raġel jiddivorzja lil martu jekk kien isib “xi ħaġa indeċenti” min-​naħa tagħha, milli jidher xi problema serja li kienet iġġib għajb fuq il-​familja. (Dewteronomju 24:1) Madankollu, sa żmien Ġesù, il-​mexxejja reliġjużi użaw din l-​eċċezzjoni fil-​Liġi bħala skuża biex iħallu lil raġel jiddivorzja lil martu għal kull ħaġa taʼ xejn—saħansitra jekk taħraqlu l-​ikel! * Ġesù wera li huma kienu interpretaw ħażin il-​kliem imnebbaħ taʼ Mosè. Imbagħad hu rrestawra l-​livell oriġinali taʼ Ġeħova għaż-​żwieġ, dak tal-​monogamija, u b’hekk wera li l-​immoralità sesswali biss hija l-​bażi xierqa għal divorzju.—Mattew 19:3-​12.

17. Il-​Kristjani llum kif jistgħu jimitaw lil Ġesù billi jiddefendu l-​Kelma t’Alla?

17 Is-​segwaċi taʼ Kristu llum iħossuhom imqanqlin bl-​istess mod biex jiddefendu l-​Iskrittura Sagra meta tiġi attakkata. Meta l-​mexxejja reliġjużi jagħtuna x’nifhmu li l-​livelli morali tal-​Kelma t’Alla huma antikwati, huma fil-​fatt ikunu qed jattakkaw il-​Bibbja. Il-​Bibbja tiġi attakkata wkoll meta r-​reliġjonijiet jgħallmu duttrini foloz u jippreżentawhom bħala duttrini tal-​Bibbja. Aħna nqisuh bħala privileġġ li niddefendu l-​Kelma t’Alla, li hi pura u vera—per eżempju, billi nuru li Alla m’huwiex parti minn Trinità. (Dewteronomju 4:39) Fl-​istess ħin, aħna niddefendu l-​Kelma t’Alla b’tattika, bi ħlewwa sinċiera, u b’rispett profond.—1 Pietru 3:15.

Spjega l-​Kelma t’Alla

18, 19. Liema eżempji juru li Ġesù kellu abbiltà meraviljuża biex jispjega l-​Kelma t’Alla?

18 Ġesù kien ħaj fis-​sema meta nkitbet l-​Iskrittura Ebrajka. Min jaf kemm ħa pjaċir bl-​opportunità li jiġi fuq l-​art u jieħu sehem f’li jispjega l-​Kelma t’Alla! Per eżempju, aħseb f’dik il-​ġurnata memorabbli wara l-​irxoxt tiegħu meta ltaqa’ maʼ tnejn mid-​dixxipli tiegħu fi triqithom lejn Għemmaws. Qabel ma għarfu min kien, huma qalulu kemm kienu mnikktin u konfużi minħabba l-​mewt tal-​maħbub Sidhom. Hu kif wieġeb? “Beda minn Mosè u l-​Profeti kollha jfissrilhom dak li kien hemm miktub fuqu fl-​Iskrittura kollha.” Kif ġew effettwati? Iktar tard huma bdew jgħidu lil xulxin: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-​triq, hu u jispjegalna ċar l-​Iskrittura?”—Luqa 24:15-​32.

19 Iktar tard dakinhar stess, Ġesù ltaqa’ maʼ l-​appostli tiegħu u m’oħrajn. Innota x’għamel għalihom: “Fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-​Iskrittura.” (Luqa 24:45) Bla dubju, din l-​okkażjoni taʼ ferħ fakkrithom fil-​bosta drabi li Ġesù kien għamel xi ħaġa simili għalihom—u għal dawk li riedu jisimgħu. Hu spiss kien jikkwota xi skritturi magħrufin sew u jispjegahom b’tali mod li kien iħalli effett mill-​aqwa fuq l-​imħuħ tas-​semmiegħa tiegħu—fehma ġdida u iktar profonda tal-​Kelma t’Alla.

20, 21. Ġesù kif spjega l-​kliem li Ġeħova qal lil Mosè ħdejn l-​għollieqa taqbad bin-​nar?

20 F’okkażjoni minnhom, Ġesù kien qed ikellem lil grupp taʼ Sadduċej. Dawn kienu setta tal-​Ġudaiżmu assoċjata mas-​saċerdozju Lhudi u ma kinux jemmnu fl-​irxoxt. Ġesù qalilhom: “Rigward l-​irxoxt tal-​mejtin, ma qrajtux dak li qalilkom Alla, ‘Jien l-​Alla t’Abraham u l-​Alla taʼ Iżakk u l-​Alla taʼ Ġakobb’? Hu mhux l-​Alla tal-​mejtin, imma tal-​ħajjin.” (Mattew 22:31, 32) Din kienet skrittura li kienu jafu sew, miktuba minn raġel li kien rispettat mis-​Sadduċej—Mosè. Iżda taraha int il-​qawwa fl-​ispjegazzjoni taʼ Ġesù?

21 Mosè kellu din il-​konversazzjoni maʼ Ġeħova ħdejn l-​għollieqa taqbad bin-​nar madwar is-​sena 1514 Q.E.K. (Eżodu 3:2, 6) Dak iż-​żmien, Abraham kien ilu mejjet 329 sena, Iżakk 224 sena, u Ġakobb 197 sena. Madankollu, Ġeħova xorta qal: “Jien” l-​Alla tagħhom. Dawn is-​Sadduċej kienu jafu li Ġeħova m’huwiex bħal xi alla pagan tal-​mejtin, li jaħkem xi dinja tal-​mitoloġija taħt l-​art. Le, hu l-​Alla “tal-​ħajjin,” bħalma qal Ġesù. Allura dan xi jfisser? Il-​konklużjoni taʼ Ġesù kienet waħda qawwija: “Kollha ħajjin għalih.” (Luqa 20:38) Il-​qaddejja maħbubin taʼ Ġeħova li mietu jinsabu miżmumin fiż-​żgur fil-​memorja bla limitu u li ma tbatti qatt t’Alla. L-​iskop taʼ Ġeħova li jirxoxta lil dawn l-​uħud tant hu ċert li jista’ jingħad li huma ħajjin. (Rumani 4:16, 17) M’hijiex din spjegazzjoni meraviljuża tal-​Kelma t’Alla? Mhux taʼ b’xejn li “l-​folol stagħġbu”!—Mattew 22:33.

22, 23. (a) Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù bil-​mod kif nispjegaw il-​Kelma t’Alla? (b) X’se nikkunsidraw fil-​kapitlu li jmiss?

22 Il-​Kristjani llum għandhom il-​privileġġ li jimitaw il-​mod kif Ġesù spjega l-​Kelma t’Alla. Tabilħaqq, aħna m’għandniex moħħ perfett. Minkejja dan, aħna spiss nistgħu naqsmu m’oħrajn xi skrittura li jkunu diġà jafuha u nispjegawlhom xi aspetti minnha li forsi qatt ma kienu kkunsidraw qabel. Per eżempju, huma għandhom mnejn ikunu tennew il-​kliem “Jitqaddes ismek” u “Tiġi saltnatek” tul ħajjithom kollha mingħajr ma jkunu qatt tgħallmu l-​isem t’Alla jew x’inhi s-​Saltna tiegħu. (Mattew 6:9, 10, GħBM) X’opportunità meraviljuża jkollna meta xi ħadd iħallina noffru spjegazzjonijiet ċari u sempliċi dwar veritajiet Bibliċi bħal dawn!

23 Il-​mezz prinċipali biex nimitaw il-​mod kif Ġesù kien jaqsam il-​verità m’oħrajn hu billi nikkwotaw mill-​Kelma t’Alla, niddefenduha, u nispjegawha. Issa ejja nikkunsidraw xi ftit mill-​metodi effettivi li uża Ġesù biex jilħaq qalb is-​semmiegħa tiegħu bil-​veritajiet Bibliċi.

^ par. 16 L-​istorjografu taʼ l-​ewwel seklu Ġużeppi Flavju, li hu stess kien Fariżew divorzjat, iktar tard qal li d-​divorzju kien permess “għal kwalunkwe raġuni (u l-​bnedmin spiss ikollhom minn dawn ir-​raġunijiet).”