Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 12

“Ma Kienx Ikellimhom Mingħajr Xi Tixbiha”

“Ma Kienx Ikellimhom Mingħajr Xi Tixbiha”

1-3. (a) Id-​dixxipli li qed jivvjaġġaw maʼ Ġesù liema privileġġ uniku għandhom, u kif jagħmilha iktar faċli għalihom biex jiftakru dak li jgħallimhom? (b) Tixbihat effettivi għala huma faċli biex wieħed jiftakarhom?

ID-​DIXXIPLI li qed jivvjaġġaw maʼ Ġesù għandhom privileġġ uniku. Huma qed jitgħallmu direttament mingħand l-​Għalliem il-​Kbir. Qed jisimgħuh personalment jispjega l-​Kelma t’Alla u jgħallimhom veritajiet meraviljużi. Għalissa huma jridu jżommu l-​kliem prezzjuż li qal f’moħħhom u f’qalbhom; għadu m’huwiex il-​waqt biex kliemu jiġi mniżżel bil-​miktub. * Madankollu, Ġesù jagħmilhielhom iktar faċli biex jiftakru dak li jgħallimhom. Kif? Bil-​mod kif jgħallem, speċjalment kif juża t-​tixbihat bis-​sengħa.

2 Tabilħaqq, tixbihat effettivi ma jintesewx malajr. Awtur wieħed qal li t-​tixbihat “iġegħluk tara dak li tisma’” u “jagħtu l-​wisa’ biex is-​semmiegħ jaħseb billi jġibulu stampi quddiem għajnejh.” Minħabba li spiss ikun t’għajnuna għalina li jkollna stampa f’moħħna, it-​tixbihat jistgħu jagħmlu saħansitra ideat astratti iktar faċli biex jiġu mifhumin. It-​tixbihat jagħtu l-​ħajja lill-​kliem, u jgħallmuna lezzjonijiet li jibqgħu stampati f’moħħna.

3 Ebda għalliem uman ieħor ma kien iktar tas-​sengħa minn Ġesù Kristu fl-​użu tat-​tixbihat. Sa llum il-​ġurnata, it-​tixbihat tiegħu huma miftakrin faċilment. Ġesù għala straħ ħafna fuq dan il-​metodu taʼ tagħlim? X’għamel lit-​tixbihat tiegħu daqshekk effettivi? Kif nistgħu nitgħallmu nużaw dan il-​metodu taʼ tagħlim?

Għala Ġesù Għallem bit-​Tixbihat

4, 5. Ġesù għala uża t-​tixbihat?

4 Il-​Bibbja tagħti żewġ raġunijiet importanti għala Ġesù kien juża t-​tixbihat. L-​ewwel, billi għamel hekk hu wettaq profezija. F’​Mattew 13:34, 35, naqraw: “Dan kollu Ġesù qalu lill-​folol bit-​tixbihat. Tabilħaqq, ma kienx ikellimhom mingħajr xi tixbiha; sabiex iseħħ dak li ntqal permezz tal-​profeta: ‘Se niftaħ fommi bit-​tixbihat.’” Il-​profeta li semma Mattew kien il-​kittieb taʼ Salm 78:2. Dan is-​salmista kiteb taħt l-​ispirazzjoni taʼ l-​ispirtu t’Alla sekli qabel it-​twelid taʼ Ġesù. Ikkunsidra dan xi jfisser. Mijiet taʼ snin qabel, Ġeħova ddetermina li l-​Messija kellu jgħallem bit-​tixbihat. Mela ċertament li Ġeħova jqisu taʼ valur dan il-​metodu taʼ tagħlim.

5 It-​tieni, Ġesù spjega li hu kien juża t-​tixbihat biex jifred lil dawk li qalbhom “ma tqanqlitx.” (Mattew 13:10-​15; Isaija 6:9, 10) It-​tixbihat tiegħu b’liema mod setgħu jikxfu l-​motivi tan-​nies? F’xi każi, hu ried lis-​semmiegħa tiegħu jitolbu spjegazzjoni sabiex ikollhom tifsira bis-​sħiħ taʼ kliemu. Individwi umli kienu lesti li jistaqsu, filwaqt li wħud li kienu suppervi jew indifferenti ma kinux. (Mattew 13:36; Marku 4:34) It-​tixbihat taʼ Ġesù mbagħad irrivelaw il-​verità lil dawk l-​uħud li qalbhom kienet għatxana għaliha; fl-​istess ħin, it-​tixbihat tiegħu ħbew il-​verità minn dawk kburin f’qalbhom.

6. It-​tixbihat taʼ Ġesù kellhom liema skopijiet li kienu taʼ benefiċċju?

6 It-​tixbihat taʼ Ġesù kellhom għadd taʼ skopijiet oħrajn li kienu taʼ benefiċċju. Dawn qajmu l-​interess u ħajru lin-​nies biex jagħtu widen. Dawn pinġew stampi fil-​moħħ li kienu faċli biex wieħed jifhimhom. Bħalma ngħad fl-​introduzzjoni, it-​tixbihat taʼ Ġesù għenu lis-​semmiegħa tiegħu jiftakru kliemu. Il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja, kif imniżżla f’​Mattew 5:3–7:27, hija eżempju li jispikka taʼ kemm Ġesù uża t-​tixbihat b’mod abbundanti. Skond kalkolu wieħed, din il-​priedka fiha iktar minn 50 espressjoni figurattiva. Biex nifhmu dan xi jfisser, ftakar li din il-​priedka tista’ tinqara b’leħen għoli f’madwar 20 minuta. B’din ir-​rata, bħala medja titlissen espressjoni figurattiva kważi kull 20 sekonda! B’mod ċar, Ġesù għaraf il-​valur taʼ l-​użu tat-​tixbihat!

7. Għala għandna nimitaw il-​mod kif Ġesù uża t-​tixbihat?

7 Bħala segwaċi taʼ Kristu, aħna rridu nimitaw il-​mod tiegħu taʼ tagħlim, inkluż l-​użu tiegħu tat-​tixbihat. Bħall-​ħwawar li jagħmlu ikla iktar appetituża, tixbihat effettivi jistgħu jagħmlu t-​tagħlim tagħna iktar attraenti għal oħrajn. Ukoll, kliem li joħloq stampa fil-​moħħ u li jkun maħsub sew jista’ jagħmel veritajiet importanti iktar faċli biex wieħed jifhimhom. Issa ejja nagħtu ħarsa iktar mill-​qrib lejn xi ftit mill-​fatturi li għamlu t-​tixbihat taʼ Ġesù daqshekk effettivi. Imbagħad se nkunu nistgħu naraw kif nistgħu nagħmlu użu tajjeb minn dan il-​metodu taʼ tagħlim li hu taʼ valur.

L-​Użu taʼ Xebh Sempliċi

Ġesù kif uża l-għasafar u l-fjuri biex juri li Alla jimpurtah minna?

8, 9. Ġesù kif għamel użu minn xebh sempliċi, u x’għamel dan ix-​xebh li uża tant effettiv?

8 Fit-​tagħlim tiegħu, Ġesù spiss uża xebh li ma kienx komplikat billi uża ftit kliem biss. Madankollu, il-​kliem sempliċi pinġa stampa ċara fil-​moħħ u għallem ċar u tond veritajiet dwar Alla, il-​livelli, u l-​iskop tiegħu. Per eżempju, meta ħeġġeġ lid-​dixxipli tiegħu biex ma jkunux ansjużi dwar il-​bżonnijiet taʼ kuljum, hu xebbah is-​sitwazzjoni tagħhom maʼ dik taʼ “l-​għasafar tas-​sema” u “l-​ġilji tar-​raba’.” L-​għasafar ma jiżirgħux u ma jaħsdux, u l-​ġilji ma jitħabtux u ma jinsġux. Iżda Alla jieħu ħsiebhom. Il-​punt huwa ċar—jiġifieri, jekk Alla jieħu ħsieb l-​għasafar u l-​fjuri, hu żgur li jieħu ħsieb il-​bnedmin li ‘jibqgħu jfittxu l-​ewwel is-​saltna.’—Mattew 6:26, 28-​33.

9 Ukoll, Ġesù uża ħafna metafori, li huma xebh saħansitra iktar qawwi. Metafora tirreferi għal ħaġa waħda bħallikieku kienet xi ħaġa oħra. Għal darb’oħra, hawnhekk hu żamm ix-​xebh sempliċi. Darba minnhom, hu qal lid-​dixxipli tiegħu: “Intom id-​dawl tad-​dinja.” Id-​dixxipli setgħu jifhmu ċar it-​tifsira tal-​metafora, jiġifieri, li permezz taʼ kliemhom u għemilhom, huma setgħu jħallu d-​dawl tal-​verità spiritwali jiddi u jgħinu lil oħrajn jagħtu glorja lil Alla. (Mattew 5:14-​16) Innota xi metafori oħrajn li uża Ġesù: “Intom il-​melħ taʼ l-​art” u “Jien id-​dielja u intom il-​friegħi.” (Mattew 5:13; Ġwanni 15:5) Espressjonijiet figurattivi bħal dawn huma qawwijin għalkemm sempliċi.

10. Liema eżempji juru kif tista’ tuża t-​tixbihat fit-​tagħlim tiegħek?

10 Kif tista’ tuża t-​tixbihat fit-​tagħlim tiegħek? M’hemmx għalfejn toħroġ b’xi stejjer twal u komplikati. Ipprova aħseb f’xebh sempliċi. Immaġina li qed tiddiskuti s-​suġġett taʼ l-​irxoxt u trid turi li l-​qawmien tal-​mejtin m’huwiex diffiċli għal Ġeħova. Liema xebh jiġik f’moħħok? Il-​Bibbja tuża l-​irqad bħala metafora għall-​mewt. Forsi tgħid, “Alla jista’ jirxoxta lill-​mejtin faċilment daqskemm aħna nistgħu nqajmu lil xi ħadd minn xi raqda.” (Ġwanni 11:11-​14) Ejja ngħidu li int trid turi li t-​tfal għandhom bżonn l-​imħabba u l-​affezzjoni sabiex jikbru aħjar. Liema eżempju tista’ tuża? Il-​Bibbja tuża dan ix-​xebh: It-​tfal huma “bħal xitel [ġdid] taż-​żebbuġ.” (Salm 128:3) Tista’ tgħid, “L-​imħabba u l-​affezzjoni għat-​tfal huma bħad-​dawl tax-​xemx u l-​ilma għal siġra.” Iktar ma jkun sempliċi x-​xebh, iktar se jkun faċli għas-​semmiegħa tiegħek biex jifhmu l-​punt.

Tixbihat Meħudin mill-​Ħajja taʼ Kuljum

11. Agħti eżempji taʼ kif it-​tixbihat taʼ Ġesù taw stampa taʼ l-​affarijiet li bla dubju kien ra matul it-​trobbija tiegħu fil-​Galilija.

11 Ġesù kien tas-​sengħa fl-​użu taʼ tixbihat li kellhom x’jaqsmu mal-​ħajja tan-​nies. Ħafna mit-​tixbihat tiegħu taw stampa taċ-​ċirkustanzi taʼ kuljum li x’aktarx kien osserva matul it-​trobbija tiegħu fil-​Galilija. Aħseb ftit dwar il-​ħajja bikrija tiegħu. Kemm spiss kien jara lil ommu titħan il-​qamħ biex tagħmel id-​dqiq, iżżid il-​ħmira fl-​għaġna, tixgħel xi musbieħ, jew tiknes l-​art? (Mattew 13:33; 24:41; Luqa 15:8) Kemm-​il darba qagħad jara s-​sajjieda huma u jniżżlu x-​xbieki tagħhom fil-​Baħar tal-​Galilija? (Mattew 13:47) Kemm-​il darba kien jara t-​tfal jilagħbu fis-​suq? (Mattew 11:16) Bla dubju, Ġesù ra affarijiet komuni oħrajn li huma msemmijin fil-​bosta tixbihat li għamel—żrieragħ jinżergħu, festi ferriħin tat-​tieġ, u għelieqi tal-​qamħ isiru fix-​xemx.—Mattew 13:3-​8; 25:1-​12; Marku 4:26-​29.

12, 13. Għala huwa sinifikanti li Ġesù uża t-​triq li kienet tieħu “minn Ġerusalemm lejn Ġeriko” sabiex joħroġ il-​punt fil-​parabbola tas-​Samaritan it-​tajjeb?

12 Fit-​tixbihat tiegħu, Ġesù kien isemmi dettalji li kienu magħrufin sew mas-​semmiegħa tiegħu. Per eżempju, hu beda jirrakkonta l-​parabbola tas-​Samaritan it-​tajjeb billi qal: “Wieħed raġel kien nieżel minn Ġerusalemm lejn Ġeriko u waqa’ f’idejn il-​ħallelin, li neżżgħuh, sawtuh . . . u ħallewh nofsu mejjet.” (Luqa 10:30) Ta’ min jinnota li sabiex joħroġ il-​punt, Ġesù rrefera għat-​triq li kienet tieħu “minn Ġerusalemm lejn Ġeriko.” Meta kien qed jirrakkonta din il-​parabbola, hu kien fil-​Lhudija, mhux ’il bogħod minn Ġerusalemm; għalhekk bla dubju s-​semmiegħa tiegħu kienu jafu għal liema triq kien qed jirreferi. Din it-​triq kellha l-​fama li kienet perikoluża, speċjalment għal xi ħadd li kien ikun qed jivvjaġġa waħdu. Kienet isserrep f’kampanja mwarrba, u għalhekk kien hemm ħafna postijiet fejn jistaħbew il-​ħallelin.

13 Ġesù inkluda dettalji familjari oħrajn dwar it-​triq li kienet tieħu “minn Ġerusalemm lejn Ġeriko.” Skond il-​parabbola, l-​ewwel kien hemm qassis u mbagħad Levita li wkoll kienu qed jivvjaġġaw minn din it-​triq—għalkemm ħadd minnhom ma waqaf biex jgħin lill-​vittma. (Luqa 10:31, 32) Il-​qassisin kienu jaqdu fit-​tempju f’Ġerusalemm, u l-​Leviti kienu jgħinuhom. Ħafna qassisin u Leviti kienu jgħixu f’Ġeriko meta ma kinux qed jaħdmu fit-​tempju; Ġeriko kienet 23 kilometru biss ’il bogħod minn Ġerusalemm. Għalhekk, huma setgħu jidhru f’din it-​triq. Innota wkoll li Ġesù tkellem dwar dak li kien qed jivvjaġġa bħala li kien “nieżel”—mhux tiela’—mit-​triq “minn Ġerusalemm.” Dan kien jagħmel sens għas-​semmiegħa tiegħu. Ġerusalemm kienet fl-​għoli iktar minn Ġeriko. Għalhekk, meta kien ikun qed jivvjaġġa “minn Ġerusalemm,” wieħed tassew kien ikun “nieżel.” * B’mod ċar, Ġesù żamm is-​semmiegħa tiegħu f’moħħu.

14. Meta nużaw it-​tixbihat, kif nistgħu nżommu lill-​udjenza tagħna f’moħħna?

14 Meta nużaw it-​tixbihat, aħna wkoll għandna nżommu l-​udjenza tagħna f’moħħna. X’inhuma xi ftit affarijiet dwar is-​semmiegħa tagħna li jistgħu jeffettwaw l-​għażla tagħna tat-​tixbihat? Forsi jridu jiġu kunsidrati fatturi bħalma huma l-​età, l-​isfond kulturali jew familjari, u l-​impjieg. Per eżempju, tixbiha li ssemmi dettalji dwar il-​biedja forsi tinftiehem iktar malajr fi nħawi agrikoli milli f’xi belt kbira. Il-​ħajja u l-​attivitajiet ta’ kuljum tas-​semmiegħa tagħna—uliedhom, darhom, il-​passatempi tagħhom, l-​ikel li jieklu—ukoll jistgħu jintużaw biex jingħataw tixbihat adattati.

Meħudin mill-​Ħolqien

15. Għala ma nistagħġbux li Ġesù kien midħla sew tal-​ħolqien?

15 Ħafna mit-​tixbihat taʼ Ġesù jirrivelaw l-​għarfien tiegħu dwar in-​natura, inkluż il-​pjanti, l-​annimali, u l-​kundizzjonijiet tat-​temp. (Mattew 16:2, 3; Luqa 12:24, 27) Minfejn ġab dan l-​għarfien? Hu u jitrabba fil-​Galilija, bla dubju kellu bosta opportunitajiet biex josserva l-​ħolqien. Iktar importanti minn hekk, Ġesù huwa “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu,” u meta ħalaq l-​affarijiet kollha, Ġeħova uża lilu bħala “l-​ħaddiem tas-​sengħa.” (Kolossin 1:15, 16; Proverbji 8:30, 31) Għandna nistagħġbu li Ġesù kien midħla sew tal-​ħolqien? Ejja naraw kif uża l-​għarfien tiegħu bis-​sengħa.

16, 17. (a) X’jindika li Ġesù kien midħla sew tal-​karatteristiki tan-​nagħaġ? (b) X’eżempju juri li n-​nagħaġ verament jagħrfu leħen ir-​ragħaj tagħhom?

16 Ftakar li Ġesù identifika lilu nnifsu bħala “r-​ragħaj mill-​aħjar” u s-​segwaċi tiegħu bħala “n-​nagħaġ.” Il-​kliem taʼ Ġesù jindika li hu kien midħla sew tal-​karatteristiki tan-​nagħaġ mansi. Hu kien jaf li kien hemm rabta unika bejn ir-​rgħajja u n-​nagħaġ tagħhom. Hu nnota li dawn il-​ħlejjaq li jafdaw kienu jħallu lil min imexxihom u li kienu jimxu lealment wara r-​ragħaj tagħhom. In-​nagħaġ għala jsegwu lir-​ragħaj tagħhom? “Għax jagħrfu leħnu,” qal Ġesù. (Ġwanni 10:2-​4, 11) Veru li n-​nagħaġ jagħrfu leħen ir-​ragħaj tagħhom?

17 Minn dak li ra personalment, George A. Smith fil-​ktieb tiegħu The Historical Geography of the Holy Land kiteb: “Kultant f’nofsinhar konna nieħdu pjaċir nistrieħu maġenb wieħed minn dawk il-​bjar tal-​Lhudija, fejn madwar tlieta jew erba’ rgħajja kienu jġibu l-​imrieħel tagħhom. L-​imrieħel kienu jitħalltu flimkien, u konna nieqfu naħsbu dwar kif kull ragħaj kien se jerġa’ jsib il-​merħla tiegħu. Iżda wara li n-​nagħaġ ikunu xorbu u qagħdu jimirħu, wieħed wieħed ir-​rgħajja kienu jitilgħu fuq naħat differenti tal-​wied, u kull wieħed jgħajjat l-​għajta partikulari tiegħu; u n-​nagħaġ taʼ kull ragħaj kienu jinfirdu min-​nagħaġ l-​oħrajn u jinġabru ħdejn ir-​ragħaj tagħhom, u l-​imrieħel kienu jitilqu bl-​ordni bħalma ġew.” Ġesù ma setax isib tixbiha aħjar biex joħroġ il-​punt tiegħu, jiġifieri, jekk naċċettaw u nobdu t-​tagħlim tiegħu u jekk insegwu t-​tmexxija tiegħu se nkunu taħt il-​ħarsien tar-​“ragħaj mill-​aħjar.”

18. Fejn nistgħu nsibu informazzjoni dwar il-​ħolqien taʼ Ġeħova?

18 Kif nistgħu nitgħallmu nużaw tixbihat li jkunu meħudin mill-​ħolqien? Il-​karatteristiki li jispikkaw taʼ l-​annimali jistgħu jipprovdu l-​bażi għal xebh sempliċi iżda effettiv. Fejn nistgħu nsibu informazzjoni dwar il-​ħolqien taʼ Ġeħova? Il-​Bibbja hija sors abbundanti t’għarfien dwar varjetà t’annimali, u kultant tuża l-​karatteristiki taʼ l-​annimali fit-​tixbihat. Il-​Bibbja tirreferi għall-​fatt li nkunu ħfief bħal għażżiela jew leopard, attenti bħal serp, u innoċenti bħal ħamiema. * (1 Kronaki 12:8; Ħabakkuk 1:8; Mattew 10:16) Sorsi oħrajn taʼ informazzjoni li huma taʼ valur huma It-​Torri taʼ l-​Għassa, Stenbaħ!, u letteratura oħra maħruġa mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Tista’ titgħallem ħafna meta tosserva kif dawn il-​pubblikazzjonijiet jużaw xebh sempliċi meħud mill-​meravilji tal-​ħolqien vast taʼ Ġeħova.

Meħudin minn Eżempji Familjari

19, 20. (a) Sabiex jikxef twemmin falz, Ġesù kif għamel użu effettiv minn ġrajja li kienet reċenti? (b) Kif nistgħu nużaw eżempji u esperjenzi reali fit-​tagħlim tagħna?

19 Tixbihat effettivi jistgħu jkunu meħudin minn eżempji reali. Darba minnhom, Ġesù uża ġrajja reċenti biex juri li ma kienx minnu t-​twemmin li t-​traġedja tiġi fuq dawk kollha li ħaqqhom. Hu qal: “Dawk it-​tmintax li waqa’ fuqhom it-​torri f’Silogħam u qatilhom, timmaġinaw intom li kienu iżjed midjunin [midinbin] min-​nies l-​oħra kollha li joqogħdu Ġerusalemm?” (Luqa 13:4) Tabilħaqq, dawn it-​18-​il ruħ ma mitux minħabba xi dnub li Alla ma ħax pjaċir bih. Minflok, il-​mewta traġika tagħhom kienet riżultat taż-​“żmien u l-​ġrajjiet mhux mistennijin.” (Ekkleżjasti 9:11) B’hekk, Ġesù kixef duttrina falza billi rrefera għal ġrajja li kienet magħrufa sew mas-​semmiegħa tiegħu.

20 Kif nistgħu nużaw eżempji u esperjenzi reali fit-​tagħlim tagħna? Immaġina li qed tiddiskuti t-​twettiq tal-​profezija taʼ Ġesù dwar is-​sinjal tal-​preżenza tiegħu. (Mattew 24:3-​14) Forsi tirreferi għal ġrajjiet reċenti fl-​aħbarijiet dwar il-​gwerer, il-​ġuħ, jew it-​terremoti biex turi li fatturi speċifiċi tas-​sinjal qegħdin jitwettqu. Jew immaġina li trid tuża xi esperjenza biex tagħti stampa tal-​bidliet involuti meta wieħed jilbes il-​personalità l-​ġdida. (Efesin 4:20-​24) Fejn tista’ ssib esperjenza bħal din? Tista’ tikkunsidra l-​varjetà taʼ sfondi li għandhom sħabek fit-​twemmin, jew forsi tuża esperjenza stampata f’waħda mill-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova.

21. Liema barkiet jiġu meta wieħed ikun għalliem effettiv tal-​Kelma t’Alla?

21 Ġesù verament kien l-​Għalliem tas-​Sengħa! Kif rajna f’din is-​sezzjoni, ix-​xogħol taʼ ħajtu kien li “jgħallem . . . u jippriedka l-​aħbar tajba.” (Mattew 4:23) Huwa x-​xogħol tal-​ħajja tagħna wkoll. Il-​barkiet li jiġu meta wieħed ikun għalliem effettiv huma kbar. Meta ngħallmu, aħna nkunu qed nagħtu lil oħrajn, u għoti bħal dan iġib ferħ. (Atti 20:35) Dan il-​ferħ huwa l-​hena li nkunu nafu li aħna qed naqsmu xi ħaġa taʼ valur ġenwin u dejjiemi—il-​verità dwar Ġeħova. Jista’ jkollna wkoll is-​sodisfazzjon li jiġi meta nkunu nafu li qed insegwu l-​eżempju taʼ Ġesù, l-​aqwa Għalliem li qatt kien hawn fuq l-​art.

^ par. 1 Milli jidher, l-​ewwel rakkont imnebbaħ dwar il-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art kien l-​Evanġelju taʼ Mattew, li nkiteb madwar tmien snin wara l-​mewt taʼ Ġesù.

^ par. 13 Ġesù qal ukoll li l-​qassis u l-​Levita kienu ġejjin “minn Ġerusalemm,” u għalhekk sejrin lil hinn mit-​tempju. B’hekk, ħadd ma seta’ jiġġustifika l-​indifferenza tagħhom billi jgħid li evitaw lir-​raġel li deher li kien mejjet għax ma ridux li għal xi żmien isiru mhux denji li jaqdu fit-​tempju.—Levitiku 21:1; Numri 19:16.

^ par. 18 Għal lista iktar dettaljata taʼ l-​użu figurattiv tal-​karatteristiki taʼ l-​annimali, ara l-​Insight on the Scriptures, Volume 1, paġni 268, 270-​1, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.