Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 11

“Qatt Ma Kien Hawn Bniedem Ieħor li Tkellem Bħalu”

“Qatt Ma Kien Hawn Bniedem Ieħor li Tkellem Bħalu”

1, 2. (a) L-​uffiċjali li ntbagħtu biex jarrestaw lil Ġesù għala ġew lura b’idhom f’idhom? (b) Ġesù għala kien għalliem li jispikka?

IL-​FARIŻEJ huma rrabjati ferm. Ġesù jinsab fit-​tempju, jgħallem dwar Missieru. Hemm nuqqas taʼ qbil fost is-​semmiegħa tiegħu; ħafna jpoġġu l-​fidi tagħhom f’Ġesù, filwaqt li oħrajn iridu li jiġi arrestat. Peress li ma jistgħux iżommu r-​rabja tagħhom, il-​mexxejja reliġjużi jibagħtu lil xi uffiċjali biex jarrestaw lil Ġesù. Madankollu, l-​uffiċjali jmorru lura b’idhom f’idhom. Il-​qassisin ewlenin u l-​Fariżej jitolbu spjegazzjoni: “Għala ma ġibtuhx?” L-​uffiċjali jwieġbu: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.” Tant baqgħu impressjonati bit-​tagħlim taʼ Ġesù li ma felħux jarrestawh. *Ġwanni 7:45, 46.

2 Mhux dawn l-​uffiċjali biss baqgħu impressjonati bit-​tagħlim taʼ Ġesù. Għadd kbir taʼ nies kienu jinġabru sempliċement biex jisimgħuh jgħallem. (Marku 3:7, 9; 4:1; Luqa 5:1-​3) Ġesù għala kien għalliem li tant jispikka? Bħalma rajna f’Kapitlu 8, hu ħabb il-​veritajiet li kien iwassal u ħabb lin-​nies li kien jgħallem. Ukoll, hu kien tassew tas-​sengħa fil-​metodi taʼ tagħlim li kien juża. Ejja nikkunsidraw tlieta mill-​metodi effettivi li uża u naraw kif nistgħu nimitawhom.

Metodi Sempliċi taʼ Tagħlim

3, 4. (a) Ġesù għala uża lingwaġġ sempliċi fit-​tagħlim tiegħu? (b) Il-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja kif inhi eżempju tas-​sempliċità li biha kien jgħallem Ġesù?

3 Tista’ timmaġina l-​varjetà kbira taʼ kliem li seta’ uża Ġesù? Madankollu, meta kien jgħallem hu qatt ma kien jgħid affarijiet diffiċli wisq biex jifhmuhom is-​semmiegħa tiegħu, li ħafna minnhom kienu “komuni u taʼ ftit skola.” (Atti 4:13) Hu kien iqis il-​limitazzjonijiet tagħhom, u qatt ma kien jgħabbihom iżżejjed b’ħafna informazzjoni. (Ġwanni 16:12) Kliemu kien sempliċi, iżda l-​veritajiet li wassal kienu sinifikanti ħafna.

4 Per eżempju, ikkunsidra l-​Priedka taʼ fuq il-​Muntanja li hi mniżżla f’​Mattew 5:3–7:27. Ġesù ta pariri f’din il-​priedka li jqanqlu l-​ħsieb u li jidħlu fil-​qalba taʼ kull kwistjoni. Ma kien fiha ebda idea jew frażi komplikata. Fil-​fatt, bilkemm fiha kelma li tifel ċkejken ma jistax jifhem faċilment! Mhux taʼ b’xejn mela li meta Ġesù temm il-​priedka, il-​folol—li x’aktarx kienu jinkludu ħafna bdiewa, rgħajja, u sajjieda—“baqgħu mistagħġbin bil-​mod kif għallimhom.”—Mattew 7:28.

5. Agħti eżempji t’espressjonijiet li lissen Ġesù u li kienu sempliċi iżda fihom ħafna x’tomgħod.

5 Fit-​tagħlim tiegħu, Ġesù spiss kien juża frażijiet sempliċi u qosra u kien ilissen espressjonijiet li kien ikun fihom ħafna x’tomgħod. B’hekk, żmien twil ilu meta ma kienx hawn kotba stampati, hu naqqax il-​messaġġ tiegħu fl-​imħuħ u l-​qlub tas-​semmiegħa tiegħu b’tali mod li ma jitħassarx. Ikkunsidra ftit eżempji: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati.” “Nies f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma l-​morda iva.” “L-​ispirtu hu ħerqan imma l-​laħam dgħajjef.” “Agħtu lura lil Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, imma lil Alla dak li hu t’Alla.” “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” * (Mattew 7:1; 9:12; 26:41; Marku 12:17; Atti 20:35) Kważi 2,000 sena wara li ntqal dan il-​kliem, dawn l-​espressjonijiet għadhom miftakrin sa llum il-​ġurnata.

6, 7. (a) Sabiex ngħallmu bis-​sempliċità, għala huwa importanti li nużaw lingwaġġ sempliċi? (b) Kif nistgħu nevitaw li ngħabbu student tal-​Bibbja b’ħafna informazzjoni?

6 Kif nistgħu ngħallmu b’mod sempliċi? Ħtieġa importanti hi li nużaw lingwaġġ sempliċi li l-​biċċa l-​kbira min-​nies jistgħu jifhmu faċilment. Il-​veritajiet bażiċi tal-​Kelma t’Alla m’humiex komplikati. Ġeħova rrivela l-​iskopijiet tiegħu lil dawk taʼ qalb sinċiera u umli. (1 Korintin 1:26-​28) Kliem sempliċi magħżul bir-​reqqa jista’ jwassal il-​veritajiet tal-​Kelma t’Alla b’mod effettiv.

Għallem b’mod sempliċi

7 Biex ngħallmu b’mod sempliċi, irridu noqogħdu attenti li nevitaw li ngħabbu lill-​istudent tal-​Bibbja b’ħafna informazzjoni. Għalhekk, meta nikkonduċu studju tal-​Bibbja, m’hemmx għalfejn nispjegaw kull dettall; lanqas hemm bżonn li ngħaġġlu biex ngħaddu l-​materjal bħallikieku l-​iktar ħaġa importanti hi li nkopru għadd fiss taʼ paġni. Minflok, ikun għaqli li nħallu l-​bżonnijiet u l-​abbiltajiet taʼ l-​istudent jiddeterminaw il-​pass taʼ l-​istudju. Il-​mira tagħna hi li ngħinu lill-​istudent isir segwaċi taʼ Kristu u aduratur taʼ Ġeħova. B’dan f’moħħna, hemm bżonn li nieħdu l-​ħin meħtieġ sabiex l-​istudent jifhem biżżejjed dak li qed jitgħallem. Il-​verità tal-​Bibbja hekk biss se tmisslu qalbu u timmotivah biex japplika dak li jkun tgħallem.—Rumani 12:2.

Mistoqsijiet Adattati

8, 9. (a) Ġesù għala kien jagħmel il-​mistoqsijiet? (b) Ġesù kif uża l-​mistoqsijiet biex jgħin lil Pietru jasal għall-​konklużjoni t-​tajba dwar il-​kwistjoni tal-​ħlas tat-​taxxa tat-​tempju?

8 Ġesù għamel użu tajjeb ħafna mill-​mistoqsijiet, anki meta forsi kien jieħu inqas ħin kieku kien jaqbad u jgħid lis-​semmiegħa tiegħu dak li jkun irid jgħid. Mela, allura, għala kien jistaqsi l-​mistoqsijiet? Kultant hu kien juża mistoqsijiet li jolqtu fil-​laħam il-​ħaj biex jikxef il-​motivi ħżiena taʼ dawk li kienu jopponuh, u b’hekk kien isikkithom. (Mattew 21:23-​27; 22:41-​46) Madankollu, f’ħafna każi hu kien juża l-​mistoqsijiet sabiex iġiegħel lid-​dixxipli tiegħu jesprimu dak li kellhom f’moħħhom u biex iqanqal u jħarreġ il-​ħsieb tagħhom. Għalhekk, hu kien jistaqsi mistoqsijiet bħal, “X’taħsbu intom?” u “Temmnu dan?” (Mattew 18:12; Ġwanni 11:26) Permezz tal-​mistoqsijiet tiegħu, Ġesù kien jilħaq u jmiss il-​qalb tad-​dixxipli tiegħu. Ikkunsidra eżempju wieħed.

9 Darba minnhom, xi kolletturi tat-​taxxi staqsew lil Pietru jekk Ġesù kienx iħallas it-​taxxa tat-​tempju. * Bla ma qagħad jaħsibha, Pietru wieġeb, “Iva.” Iktar tard, Ġesù rraġuna miegħu u qal: “X’taħseb Xmun? Is-​slaten taʼ l-​art mingħand min jirċievu d-​dazju jew it-​taxxa fuq kull ras? Mingħand uliedhom jew mingħand l-​istranġieri?” Pietru wieġeb: “Mingħand l-​istranġieri.” Ġesù qal: “Mela, allura, l-​ulied huma ħielsa mit-​taxxa.” (Mattew 17:24-​27) Ir-​raġuni għalfejn saru l-​mistoqsijiet żgur kienet ovvja għal Pietru, għax kien magħruf li l-​membri tal-​familja tas-​slaten ma kellhomx iħallsu t-​taxxa. Għalhekk, bħala l-​Iben uniġenitu tas-​Sultan tas-​sema li kien jiġi meqjum fit-​tempju, Ġesù ma kienx obbligat iħallas it-​taxxa. Innota li minflok ma sempliċement ta lil Pietru t-​tweġiba t-​tajba, Ġesù uża l-​mistoqsijiet bit-​tattika biex jgħin lil Pietru jasal għall-​konklużjoni t-​tajba u forsi jara l-​bżonn li jaħsibha sew qabel ma jwieġeb fil-​futur.

Staqsi mistoqsijiet li jkunu adattati għall-interessi ta’ l-inkwilin

10. Kif nistgħu nagħmlu użu effettiv mill-​mistoqsijiet meta nippridkaw minn dar għal dar?

10 Kif nistgħu nagħmlu użu effettiv mill-​mistoqsijiet fil-​ministeru tagħna? Meta nippridkaw minn dar għal dar, aħna nistgħu nużaw il-​mistoqsijiet biex inqajmu l-​interess, u dan jista’ jiftħilna t-​triq biex naqsmu l-​aħbar tajba. Per eżempju, jekk tiftaħ il-​bieb persuna mdaħħla fiż-​żmien, b’mod dinjituż nistgħu nqajmu l-​mistoqsija, “Id-​dinja kif inbidlet matul ħajtek?” Wara li nagħtu ċans għal tweġiba, forsi nistaqsu, “X’taħseb li hemm bżonn sabiex din id-​dinja ssir post aħjar fejn jgħixu l-​bnedmin?” (Mattew 6:9, 10) Jekk tiftaħ il-​bieb omm bit-​tfal żgħar, nistgħu nistaqsu, “Qatt ħsibt kif se tkun din id-​dinja meta jikbru wliedek?” (Salm 37:10, 11) Billi noqogħdu attenti għal dak li naraw meta nkunu resqin lejn xi dar, nistgħu nkunu kapaċi nistaqsu mistoqsija li tkun adattata għall-​interessi taʼ l-​inkwilin.

11. Kif nistgħu nagħmlu użu tajjeb mill-​mistoqsijiet meta nikkonduċu studju tal-​Bibbja?

11 Kif nistgħu nagħmlu użu tajjeb mill-​mistoqsijiet meta nikkonduċu studju tal-​Bibbja? Mistoqsijiet magħżulin bir-​reqqa jistgħu jgħinu biex insiru nafu x’hemm f’qalb l-​istudent. (Proverbji 20:5) Per eżempju, ejja ngħidu li qed nistudjaw il-​kapitlu “Ngħixu Kif Jogħġob ’l Alla” fil-​ktieb Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament? * Il-​kapitlu jiddiskuti l-​ħarsa t’Alla lejn kwistjonijiet bħalma huma l-​immoralità sesswali, is-​sokor, u l-​gideb. It-​tweġibiet taʼ l-​istudent jistgħu jindikaw li hu jifhem dak li tgħallem il-​Bibbja, iżda jaqbel hu maʼ dak li qed jitgħallem? Forsi nistaqsu, “Hija raġunevoli għalik il-​ħarsa t’Alla lejn kwistjonijiet bħal dawn?” Nistgħu nistaqsu wkoll, “Kif tista’ tapplika din l-​informazzjoni f’ħajtek?” Iżda, żomm f’moħħok il-​bżonn li tkun tattikuż, billi tagħti d-​dinjità li jistħoqqlu l-​istudent. Qatt m’għandna nistaqsu mistoqsijiet li jimbarazzawh bla bżonn.—Proverbji 12:18.

L-​Użu taʼ Rraġunar Sod

12-14. (a) Ġesù b’liema modi ħaddem l-​abbiltà tiegħu li juża rraġunar loġiku? (b) Liema rraġunar sod uża Ġesù meta l-​Fariżej qalu li l-​qawwa tiegħu kienet ġejja minn Satana?

12 Bil-​moħħ perfett tiegħu, Ġesù kien tas-​sengħa f’li jirraġuna m’oħrajn. Kultant, hu uża rraġunar sod biex jiċħad l-​akkużi foloz taʼ dawk li kienu jopponuh. Ħafna drabi, hu uża rraġunar persważiv biex jgħallem lis-​segwaċi tiegħu lezzjonijiet taʼ valur. Ejja nikkunsidraw ftit eżempji.

13 Wara li Ġesù fejjaq lil raġel maħkum mid-​demonji, li kien agħma u mutu, il-​Fariżej akkużawh: “Dan ikeċċi d-​demonji biss bis-​saħħa taʼ Begħelżebub [Satana], il-​ħakkiem tad-​demonji.” Kontra qalbhom huma ammettew li kienet meħtieġa qawwa sovrumana biex jitkeċċew id-​demonji. Madankollu, huma kienu tal-​fehma li l-​qawwa taʼ Ġesù kienet ġejja minn Satana. L-​akkuża mhux talli ma kinitx vera, imma talli ma kinitx tagħmel sens. Billi kixef l-​iżball tal-​mod kif kienu jaħsbuha, Ġesù wieġeb: “Kull saltna maqsuma kontra tagħha stess issir ħerba, u kull belt jew dar maqsuma kontra tagħha stess ma tibqax wieqfa. Bl-​istess mod, jekk Satana jkeċċi lil Satana, hu jinqasam kontra tiegħu nnifsu; allura, saltnatu kif se tibqa’ wieqfa?” (Mattew 12:22-​26) Fil-​fatt, Ġesù kien qed jgħid: “Kieku kont l-​aġent taʼ Satana, inkun qed inġib fix-​xejn dak li għamel Satana, u għalhekk Satana jkun qed jaħdem kontra l-​interessi tiegħu stess u ma jdumx ma jaqa’.” Kif setgħu jiċħdu loġika konvinċenti bħal din?

14 Ġesù kien għadu ma spiċċax jirraġuna magħhom. Billi kien jaf li xi wħud mid-​dixxipli tal-​Fariżej stess kienu keċċew id-​demonji, hu staqsa mistoqsija sempliċi iżda qawwija: “Jekk jien inkeċċi d-​demonji permezz taʼ Begħelżebub, uliedkom [jew, id-​dixxipli tagħkom] permezz taʼ min ikeċċuhom?” (Mattew 12:27) F’ċertu sens, l-​argument taʼ Ġesù kien dan: “Jekk jien inkeċċi d-​demonji permezz tal-​qawwa taʼ Satana, allura bilfors li d-​dixxipli tagħkom stess qed jużaw din l-​istess qawwa.” X’setgħu jgħidu l-​Fariżej? Huma qatt ma kienu se jistqarru li d-​dixxipli tagħhom kienu jaħdmu bil-​qawwa taʼ Satana. Għalhekk, Ġesù uża l-​irraġunar falz tagħhom biex iġegħelhom jaslu għal konklużjoni li ġġibhom daharhom mal-​ħajt. M’huwiex eċċitanti meta taqra dwar kif Ġesù rraġuna magħhom? Iżda immaġina l-​folol li semgħu lil Ġesù personalment! Il-​preżenza tiegħu u t-​ton taʼ leħnu bla dubju żiedu l-​qawwa taʼ kliemu.

15-17. Irrakkonta eżempju taʼ kif Ġesù uża l-​frażi “kemm iktar” biex jirraġuna u jgħallem veritajiet dwar Missieru li jqawwu l-​qalb.

15 Ġesù uża wkoll irraġunar loġiku u persważiv biex jgħallem veritajiet dwar Missieru li huma pożittivi u li jqawwu l-​qalb. Hu spiss kien jagħmel dan billi juża l-​frażi “kemm iktar” fl-​irraġunar tiegħu—b’hekk jgħin lis-​semmiegħa jifhmu iktar u minn verità familjari jaslu għal konvinzjoni saħansitra iktar qawwija. Billi hu bbażat fuq il-​kuntrast, dan it-​tip taʼ rraġunar jista’ jħalli effett profond. Ejja neżaminaw żewġ eżempji biss.

16 Meta wieġeb it-​talba tad-​dixxipli tiegħu biex jgħallimhom kif jitolbu, Ġesù ddeskriva l-​mod kif il-​ġenituri umani, li huma imperfetti, ikunu lesti li ‘jagħtu għotjiet tajbin’ lil uliedhom. Hu mbagħad temm jgħid: “Jekk intom, għalkemm ħżiena, tafu tagħtu għotjiet tajbin lil uliedkom, kemm iktar il-​Missier li hu fis-​sema jagħti l-​ispirtu qaddis lil dawk li jitolbuh!” (Luqa 11:1-​13) Il-​punt li għamel Ġesù huwa bbażat fuq kuntrast. Jekk il-​ġenituri umani li huma midinbin jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ wliedhom, kemm iktar Missierna tas-​sema, li hu perfett u ġust f’kull sens, se jagħti l-​ispirtu qaddis lill-​aduraturi leali tiegħu li jersqu lejh umilment bit-​talb!

17 Ġesù uża rraġunar simili meta offra parir għaqli dwar kif wieħed ikampa maʼ l-​ansjetà. Hu qal: “Iċ-​ċawluni la jiżirgħu żerriegħa u lanqas jaħsdu, u la għandhom matmura u lanqas maħżen, iżda Alla jitmagħhom. Kemm tiswew iktar intom mill-​għasafar? Innotaw kif jikbru l-​ġilji; dawn la jitħabtu u lanqas jinsġu . . . Issa, jekk Alla jlibbes hekk lill-​ħaxix fir-​raba’ li llum jeżisti u għada jinxteħet ġo forn, kemm iktar ilibbes lilkom, intom taʼ fidi żgħira!” (Luqa 12:24, 27, 28) Jekk Ġeħova jieħu ħsieb l-​għasafar u l-​fjuri, kemm iktar se jieħu ħsieb il-​bnedmin li jħobbuh u jqimuh! Bi rraġunar bħal dan, Ġesù bla dubju mess il-​qlub tas-​semmiegħa tiegħu.

18, 19. Kif nistgħu nirraġunaw maʼ xi ħadd li jgħid li ma jemminx f’Alla li ma jistax jarah?

18 Fil-​ministeru tagħna, aħna rridu nużaw irraġunar f’loku biex nikxfu t-​twemmin falz. Ukoll, aħna rridu nużaw l-​irraġunar persważiv biex ngħallmu veritajiet pożittivi dwar Ġeħova. (Atti 19:8; 28:23, 24) Għandna bżonn nitgħallmu nużaw irraġunar komplikat? Dażgur li le. It-​tagħlima li nieħdu mingħand Ġesù hi li l-​argumenti loġiċi preżentati b’mod sempliċi huma l-​iktar effettivi.

19 Per eżempju, kif nistgħu nwieġbu lil xi ħadd li jgħid li ma jemminx f’Alla li ma jistax jarah? Nistgħu nirraġunaw fuq il-​liġi naturali tal-​kaġun u l-​effett. Meta nosservaw xi effett, aħna naċċettaw il-​fatt li bilfors li hemm kaġun. Nistgħu ngħidu: “Kieku tkun f’post imwarrab u tilmaħ dar mibnija tajjeb u li jkun fiha ħażna taʼ ikel (effett), sejjer int ma taċċettax mill-​ewwel il-​fatt li kien hemm xi ħadd (kaġun) li bnieha? Hekk ukoll meta naraw l-​evidenza tad-​disinn fin-​natura u l-​abbundanza taʼ ikel ‘fl-​imħażen’ taʼ l-​art (effett), ma jagħmilx sens li nirraġunaw li kien hemm Xi Ħadd (Kaġun) li għamel dan? Il-​Bibbja stess tirraġuna b’dan il-​mod: ‘Kull dar tinbena minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.’” (Ebrej 3:4) M’għandniex xi ngħidu, jagħmel kemm jagħmel sens l-​irraġunar tagħna, mhux kulħadd se jikkonvinċi ruħu.—2 Tessalonikin 3:2.

Uża rraġunar li se jilħaq qalb il-persuna

20, 21. (a) Kif nistgħu nużaw il-​frażi “kemm iktar” fl-​irraġunar tagħna ħalli nenfasizzaw il-​kwalitajiet u t-​triqat taʼ Ġeħova? (b) X’se jiġi diskuss fil-​kapitlu li jmiss?

20 Fit-​tagħlim tagħna, sew jekk fil-​ministeru taʼ l-​għalqa u sew jekk fil-​kongregazzjoni, aħna wkoll nistgħu nużaw il-​frażi “kemm iktar” fl-​irraġunar tagħna ħalli nenfasizzaw il-​kwalitajiet u t-​triqat taʼ Ġeħova. Per eżempju, biex nuru li d-​duttrina tat-​turment dejjiemi fl-​infern fil-​fatt iġġib diżunur lil Ġeħova, nistgħu ngħidu: “Liema missier li jħobb se jikkastiga lil ibnu billi jżommlu idu fin-​nar? Kemm iktar mela hi taʼ min jistmerrha l-​idea taʼ l-​infern għal Missierna tas-​sema li tant iħobb!” (Ġeremija 7:31) Sabiex niżguraw lil xi ħadd dipress minn sħabna fit-​twemmin li Ġeħova jħobbu, nistgħu ngħidu: “Jekk Ġeħova jqis saħansitra għasfur tal-​bejt bħala li hu taʼ valur, kemm iktar għandu jimpurtah minnek u jħobb lil kull wieħed mill-​aduraturi tiegħu fuq l-​art, inkluż int!” (Mattew 10:29-​31) Irraġunar bħal dan jista’ jgħinna nilħqu l-​qalb t’oħrajn.

21 Wara li eżaminajna biss tlieta mill-​metodi taʼ tagħlim li uża Ġesù, nistgħu faċilment naraw li dawk l-​uffiċjali li ma rnexxilhomx jarrestawh ma kinux qed jesaġeraw meta qalu: “Qatt ma kien hawn bniedem ieħor li tkellem bħalu.” Fil-​kapitlu li jmiss se niddiskutu l-​metodu taʼ tagħlim li Ġesù x’aktarx li kien l-​iktar magħruf għalih, jiġifieri l-​użu tat-​tixbihat.

^ par. 1 L-​uffiċjali x’aktarx li kienu jaħdmu għas-​Sinedriju u kienu taħt l-​awtorità tal-​qassisin ewlenin.

^ par. 5 Din l-​aħħar stqarrija, li nsibu f’​Atti 20:35, hija kwotata biss mill-​appostlu Pawlu. Hu seta’ rċivieha verbalment (mingħand xi ħadd li sema’ lil Ġesù jgħidha jew mingħand Ġesù rxoxtat) jew permezz taʼ xi rivelazzjoni divina.

^ par. 9 Il-​Lhud kienu mistennijin li kull sena jħallsu taxxa tat-​tempju taʼ żewġ drakmi, li kienu ekwivalenti għal madwar jumejn paga. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid: “Din it-​taxxa kienet tintuża prinċipalment biex tkopri l-​ispejjeż taʼ l-​offerta tal-​ħruq li kienet issir kuljum u tas-​sagrifiċċji l-​oħrajn kollha li kienu jsiru f’isem in-​nies.”

^ par. 11 Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.