Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 1

“Kun Segwaċi Tiegħi”—X’Ried Ifisser Ġesù?

“Kun Segwaċi Tiegħi”—X’Ried Ifisser Ġesù?

“Xi rrid nagħmel biex niret il-​ħajja taʼ dejjem?”

1, 2. Liema hi l-​aqwa stedina li bniedem jista’ jirċievi, u liema mistoqsija nistgħu nistaqsu lilna nfusna?

LIEMA hi l-​aqwa stedina li qatt irċivejt? Għandek mnejn taħseb fi żmien meta ġejt mistieden tattendi xi okkażjoni speċjali, forsi xi tieġ taʼ żewġ persuni li huma għeżież ħafna għalik. Jew forsi tiftakar f’dak il-​jum li ġejt mistieden taċċetta xi biċċa xogħol importanti. Jekk ġieli rċivejt stediniet bħal dawn, bla dubju kont ferħan ħafna, saħansitra onorat, li tirċivihom. Però, il-​verità hi li int irċivejt stedina li hija ferm aqwa minn dawn kollha. Ilkoll kemm aħna rċivejnieha. U l-​mod kif nagħżlu li nwieġbu għal din l-​istedina jeffettwana bil-​kbir. Hija l-​iktar għażla importanti li se nagħmlu f’ħajjitna.

2 X’inhi din l-​istedina? Din ġejja mingħand Ġesù Kristu, l-​Iben uniġenitu taʼ Ġeħova, l-​Alla li Jista’ Kollox, u hija mniżżla fil-​Bibbja. F’​Marku 10:21 naqraw il-​kliem taʼ Ġesù: “Ejja kun segwaċi tiegħi.” Ġesù kien fil-​fatt qed jagħmel din l-​istedina lil kull wieħed u waħda minna. Nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien kif se nwieġeb?’ It-​tweġiba forsi tidher ovvja għalik. Min se jgħaddilu minn moħħu li jirrifjuta stedina meraviljuża bħal din? Ħaġa taʼ l-​iskantament hi li l-​biċċa l-​kbira min-​nies jirrifjutawha. Għala?

3, 4. (a) Liema affarijiet, li jistgħu jqanqlu l-​għira, kellu r-​raġel li avviċina lil Ġesù biex jistaqsi dwar il-​ħajja taʼ dejjem? (b) Liema kwalitajiet tajbin għandu mnejn ra Ġesù fil-​ħakkiem żagħżugħ u għani?

3 Bħala eżempju, ikkunsidra raġel li rċieva din l-​istedina direttament mingħand Ġesù xi 2,000 sena ilu. Dan kien raġel rispettat ħafna. Kellu minn taʼ l-​inqas tliet affarijiet li l-​bnedmin x’aktarx jikkunsidraw bħala li huma mixtiqin, saħansitra taʼ min jgħir għalihom—iż-​żgħożija, l-​għana, u l-​awtorità. Ir-​rakkont Bibliku jiddeskrivih bħala “żagħżugħ,” bħala li kien “għani ħafna,” u bħala “ħakkiem.” (Mattew 19:20; Luqa 18:18, 23) Madankollu, kien hemm xi ħaġa iktar importanti dwar dan iż-​żagħżugħ. Hu kien sema’ dwar l-​Għalliem il-​Kbir, Ġesù, u dak li sema’ għoġbu.

4 Il-​biċċa l-​kbira mill-​ħakkiema f’dak iż-​żmien naqsu milli jagħtu lil Ġesù r-​rispett li kien jistħoqqlu. (Ġwanni 7:48; 12:42) Imma dan il-​ħakkiem aġixxa b’mod differenti. Il-​Bibbja tgħidilna: “[Ġesù] hu u sejjer fi triqtu ġie jiġri lejh wieħed raġel li niżel għarkopptejh quddiemu u staqsieh: ‘Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex niret il-​ħajja taʼ dejjem?’” (Marku 10:17) Innota kemm kien ħerqan dan ir-​raġel biex ikellem lil Ġesù. Hu telaq jiġri lejh fil-​pubbliku, bħalma forsi għamlu l-​foqra u dawk taʼ klassi baxxa fis-​soċjetà. Iżjed minn hekk, b’rispett niżel għarkopptejh quddiem Kristu. Għalhekk, hu kien xi ftit jew wisq umli u kien konxju tal-​bżonn spiritwali tiegħu. Ġesù kien jgħożżhom kwalitajiet tajbin bħal dawn. (Mattew 5:3; 18:4) Mela mhux taʼ b’xejn li “Ġesù ħares lejh [u] ħass imħabba għalih.” (Marku 10:21) Ġesù kif wieġeb il-​mistoqsija taż-​żagħżugħ?

Stedina bla Paragun

5. Ġesù kif wieġbu liż-​żagħżugħ għani, u kif nafu li l-​faqar ma kienx il-​“ħaġa waħda” li kien jonqsu? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

5 Ġesù wera li Missieru kien diġà pprovda informazzjoni rigward il-​mistoqsija vitali dwar kif wieħed jikseb il-​ħajja taʼ dejjem. Hu rrefera għall-​Iskrittura, u ż-​żagħżugħ stqarr li hu kien lealment qed jobdi l-​Liġi Mosajka. Madankollu, Ġesù, bid-​dehen straordinarju tiegħu, ra xi ħaġa moħbija fil-​fond taʼ qalb iż-​żagħżugħ. (Ġwanni 2:25) Hu ra li dan il-​ħakkiem kellu problema spiritwali—problema serja. Għalhekk, Ġesù qallu: “Ħaġa waħda jonqsok.” X’kienet din il-​“ħaġa waħda”? Ġesù qallu: “Mur, bigħ dak li għandek u agħti lill-​foqra.” (Marku 10:21) Ried ifisser Ġesù li individwu jrid ikun fqir biex jaqdi lil Alla? Le. * Kristu kien qed jirrivela xi ħaġa li kellha importanza kbira.

6. Ġesù liema stedina għamel, u t-​tweġiba tal-​ħakkiem żagħżugħ u għani xi rrivelat dwar qalbu?

6 Biex juri x’kien hemm nieqes, Ġesù offra lir-​raġel opportunità meraviljuża: “Ejja kun segwaċi tiegħi.” Immaġina ftit—l-​Iben taʼ l-​Alla l-​Iktar Għoli stieden lil dan ir-​raġel, wiċċ imbwiċċ, biex isegwih! Ġesù wiegħdu wkoll premju li lanqas biss seta’ jimmaġina. Hu qallu: “Ikollok teżor fis-​sema.” Il-​ħakkiem żagħżugħ u għani ħatafha din l-​opportunità, din l-​istedina meraviljuża? Ir-​rakkont jgħid: “Hu sewwed qalbu għal dan il-​kliem u telaq imnikket, għax kellu ħafna ġid.” (Marku 10:21, 22) Għalhekk, il-​kliem mhux mistenni taʼ Ġesù rrivela problema f’qalb dan ir-​raġel. Hu kien marbut wisq mal-​ġid tiegħu u, bla dubju, maʼ l-​awtorità u l-​prestiġju li dan ġablu. B’dispjaċir, l-​imħabba tiegħu għal dawn l-​affarijiet kienet bil-​wisq akbar minn kwalunkwe mħabba li kellu għal Kristu. Għalhekk, il-​“ħaġa waħda” li kien jonqsu kienet l-​imħabba b’qalb sħiħa u bla egoiżmu għal Ġesù u Ġeħova. Minħabba li ż-​żagħżugħ ma kellux din l-​imħabba, hu rrifjuta din l-​istedina bla paragun! Però, dan kif japplika għalik?

7. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-​istedina taʼ Ġesù tinkludi lilna llum?

7 L-​istedina taʼ Ġesù ma kinitx biss għal dan ir-​raġel; lanqas ma kienet għal numru żgħir taʼ nies biss. Ġesù qal: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa . . . jibqa’ miexi warajja.” (Luqa 9:23) Innota li kulħadd jista’ jkun segwaċi taʼ Kristu jekk verament “irid.” Alla jressaq lil dawn l-​uħud taʼ qalb onesta lejn Ibnu. (Ġwanni 6:44) Mhux biss l-​għonja, mhux biss il-​foqra, mhux biss dawk taʼ ċerta razza jew ġens, u mhux biss dawk li kienu ħajjin matul dak il-​perijodu taʼ żmien imma kulħadd għandu l-​opportunità li jaċċetta l-​istedina taʼ Ġesù. Għalhekk, il-​kliem taʼ Ġesù “Ejja kun segwaċi tiegħi” verament japplika għalik. Għala għandek tkun trid issegwi lil Kristu? U dan x’jinvolvi eżattament?

Għala Għandek Tkun Segwaċi taʼ Kristu?

8. Il-​bnedmin kollha x’għandhom bżonn, u għala?

8 Hemm verità li għandna naċċettaw: Bħala bnedmin għandna bżonn kbir taʼ tmexxija tajba. Mhux il-​bnedmin kollha jammettu li għandhom dan il-​bżonn, imma fil-​fatt hekk hu. Ġeremija, il-​profeta taʼ Ġeħova, ġie mnebbaħ biex iniżżel bil-​miktub din il-​verità eterna: “Jien naf, O Ġeħova, li triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jista’ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Il-​bnedmin la għandhom l-​abbiltà u lanqas id-​dritt li jmexxu lilhom infushom. Tabilħaqq, il-​biċċa l-​kbira mill-​istorja tal-​bniedem hija rekord taʼ tmexxija li falliet. (Ekkleżjasti 8:9) Fi żmien Ġesù, il-​mexxejja ħaqru, abbużaw, u żvijaw lin-​nies. Ġesù b’dehen osserva li n-​nies komuni kienu “bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Marku 6:34) Illum, il-​bnedmin qed iġarrbu l-​istess ħaġa. Bħala grupp u bħala individwi, neħtieġu tmexxija li nistgħu nafdaw u nirrispettaw. Ġesù jissodisfaha din il-​ħtieġa? Ikkunsidra diversi raġunijiet għala t-​tweġiba hija iva.

9. X’jagħmel lil Ġesù differenti mill-​mexxejja l-​oħrajn kollha?

9 L-​ewwel, Ġesù ġie magħżul minn Alla Ġeħova. Il-​biċċa l-​kbira mill-​mexxejja umani jintgħażlu minn sħabhom il-​bnedmin imperfetti li spiss jiġu mqarrqin u għandhom it-​tendenza li jiġġudikaw ħażin. Ġesù huwa mexxej differenti. It-​titlu tiegħu stess jurina dan. Il-​kelma “Kristu,” bħall-​kelma “Messija,” tfisser “Midluk.” Iva, Ġesù ġie midluk, jew maħtur b’mod speċjali għall-​pożizzjoni sagra tiegħu, minn ħadd ħlief il-​Mulej Sovran taʼ l-​univers. Alla Ġeħova qal hekk dwar Ibnu: “Ara! Il-​qaddej tiegħi li jien għażilt, il-​maħbub tiegħi, li ruħi approvat! Inqiegħed l-​ispirtu tiegħi fuqu.” (Mattew 12:18) Ħadd ma jaf aħjar mill-​Ħallieq tagħna liema tip taʼ mexxej neħtieġu. L-​għerf taʼ Ġeħova hu bla tarf, u għalhekk għandna bosta raġunijiet biex nafdaw l-​għażla tiegħu.—Proverbji 3:5, 6.

10. L-​eżempju taʼ Ġesù għala hu l-​aqwa wieħed li l-​bnedmin jistgħu jsegwu?

10 It-​tieni, Ġesù ħallielna eżempju perfett u li jispirana. L-​aqwa tip taʼ mexxej ikollu kwalitajiet li s-​sudditi tiegħu jistgħu jammiraw u jimitaw. Hu jmexxi bl-​eżempju, billi jispira lil oħrajn biex isiru persuni aħjar. Liema kwalitajiet tirrispetta l-​iktar f’mexxej? Il-​kuraġġ? L-​għerf? Il-​mogħdrija? Xi ngħidu dwar il-​perseveranza waqt it-​tbatija? Hekk kif tistudja r-​rakkonti tal-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art, int se ssib li hu kellu dawn il-​kwalitajiet—u oħrajn. Bħala x-​xbieha perfetta taʼ Missieru tas-​sema, Ġesù kellu l-​kwalitajiet kollha t’Alla bis-​sħiħ. Tassew kien bniedem perfett f’kull aspett. Għalhekk, f’dak kollu li għamel, f’kull kelma li lissen, f’kull sentiment ġewwieni li rrivela, insibu xi ħaġa li hi taʼ min jimitaha. Il-​Bibbja tgħid li hu pprovda “mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.”—1 Pietru 2:21.

11. Ġesù kif ta prova li kien “ir-​ragħaj mill-​aħjar”?

11 It-​tielet, Kristu wettaq bis-​sħiħ l-​istqarrija tiegħu: “Jien ir-​ragħaj mill-​aħjar.” (Ġwanni 10:14) Għan-​nies fiż-​żminijiet Bibliċi, din il-​metafora kienet familjari. Ir-​rgħajja kienu jaħdmu iebes biex jieħdu ħsieb in-​nagħaġ li kienu fil-​ħarsien tagħhom. “Ragħaj mill-​aħjar” kien iġib is-​sigurtà u s-​saħħa tal-​merħla qabel tiegħu stess. Per eżempju, David, antenat taʼ Ġesù, kien ragħaj meta kien żagħżugħ, u f’iktar minn okkażjoni waħda, hu ssogra ħajtu biex jipproteġi lin-​nagħaġ tiegħu milli jiġu attakkati minn annimal salvaġġ u feroċi. (1 Samwel 17:34-​36) Ġesù saħansitra għamel iktar minn hekk għal sħabu l-​bnedmin. Hu ta ħajtu għalihom. (Ġwanni 10:15) Kemm hawn mexxejja li għandhom spirtu taʼ sagrifiċċju persunali bħal dan?

12, 13. (a) F’liema sens ir-​ragħaj jaf lin-​nagħaġ tiegħu, u huma b’liema mod jafu lilu? (b) Għala tixtieq tkun taħt it-​tmexxija tar-​Ragħaj mill-​Aħjar?

12 Ġesù kien “ir-​ragħaj mill-​aħjar” f’sens ieħor. Hu qal: “Naf lin-​nagħaġ tiegħi u n-​nagħaġ tiegħi jafu lili.” (Ġwanni 10:14) Aħseb dwar id-​deskrizzjoni li kien qed jagħti Ġesù. Għal xi ħadd li sempliċement ikun qed josserva, merħla nagħaġ tista’ tkun sempliċement ġemgħa t’annimali sufin. Madankollu, ir-​ragħaj jaf lil kull nagħġa individwalment. Hu jaf liema nagħaġ dalwaqt se jkollhom bżonn l-​għajnuna tiegħu meta jildu, liema ħrief għad għandhom bżonn jinġarru għaliex għadhom żgħar u dgħajfin wisq biex jimxu distanza twila waħedhom, u liema nagħaġ għadhom kemm kienu morda jew imweġġgħin. In-​nagħaġ jafu lir-​ragħaj tagħhom ukoll. Huma jagħrfu leħnu, u qatt ma jħawduh maʼ dak taʼ kwalunkwe ragħaj ieħor. Meta minn leħnu jindunaw li hu allarmat jew li għandu sens t’urġenza, huma jwieġbu mill-​ewwel. Fejn imexxihom, huma jsegwu. U hu jaf eżatt fejn għandu jmexxihom. Jaf fejn il-​ħaxix hu abbundanti u aħdar, fejn ix-​xmajjar huma friski u ċari, u fejn il-​mergħat huma bla perikli. Hekk kif jirgħahom, in-​nagħaġ iħossuhom fis-​sigurtà.—Salm 23.

13 Ma tixxennaqx int għal tmexxija bħal din? Ir-​Ragħaj mill-​Aħjar għandu reputazzjoni li ma bħalha f’li jittratta lis-​segwaċi tiegħu proprju b’dan il-​mod. Hu jwiegħed li jiggwidak lejn ħajja hienja u sodisfaċenti issa u lejn futur dejjiemi! (Ġwanni 10:10, 11; Rivelazzjoni 7:16, 17) Għalhekk, għandna bżonn inkunu nafu x’hemm involut eżatt f’li nsegwu lil Kristu.

Xi Jfisser li Tkun Segwaċi taʼ Kristu

14, 15. Sabiex inkunu segwaċi taʼ Kristu, għala m’huwiex biżżejjed li nistqarru li aħna Kristjani jew li nifformaw rabta emozzjonali maʼ Ġesù?

14 Illum, mijiet taʼ miljuni taʼ nies x’aktarx li jħossu li huma aċċettaw l-​istedina taʼ Kristu. Wara kollox, huma jagħżlu li jsejħu lilhom infushom Kristjani. Forsi huma membri tal-​knisja li fiha għammduhom il-​ġenituri tagħhom. Jew għandhom mnejn jistqarru li għandhom rabta emozzjonali maʼ Ġesù u jaċċettawh bħala s-​Salvatur persunali tagħhom. Imma jagħmilhom dan segwaċi taʼ Kristu? Huwa dan dak li kellu f’moħħu Ġesù meta stidinna biex insiru s-​segwaċi tiegħu? Sabiex inkunu segwaċi taʼ Kristu jinvolvi ħafna iktar.

15 Ikkunsidra d-​dinja tal-​Kristjaneżmu—dawk in-​nazzjonijiet li l-​biċċa l-​kbira miċ-​ċittadini tagħhom jistqarru li huma segwaċi taʼ Kristu. Jirrifletti l-​Kristjaneżmu t-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu? Jew inkella f’dawk il-​pajjiżi naraw mibegħda, moħqrija, kriminalità, u inġustizzja bħalma hemm madwar il-​kumplament tad-​dinja? Mohandas Gandhi, mexxej rispettat tal-​Ħindu, darba qal: “Ma naf b’ebda persuna oħra li għamlet iktar ġid għall-​bnedmin minn Ġesù. Fil-​fatt, m’hemm xejn ħażin fil-​Kristjanità.” Hu żied jgħid: “Il-​problema hija intom il-​Kristjani. Lanqas xejn ma tgħixu fi qbil mat-​tagħlim tagħkom stess.”

16, 17. Spiss xi jkun hemm nieqes fost dawk li jistqarru li huma Kristjani, u x’jiddistingwi lis-​segwaċi veri taʼ Kristu?

16 Ġesù qal li s-​segwaċi veri tiegħu kellhom jintgħarfu mhux biss minn kliemhom jew mit-​titlu li jagħtu lilhom infushom imma primarjament mill-​azzjonijiet tagħhom. Per eżempju, hu qal: “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-​saltna tas-​smewwiet, imma min jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​smewwiet.” (Mattew 7:21) Ħafna minn dawk li jistqarru li Ġesù hu l-​Mulej tagħhom għala jonqsu li jagħmlu r-​rieda taʼ Missieru? Ftakar fil-​ħakkiem żagħżugħ u għani. Spiss, ‘ħaġa waħda jkun jonqos’ fost dawk li jistqarru li huma Kristjani—l-​imħabba b’qalb sħiħa għal Ġesù u għall-​Wieħed li bagħtu.

17 Dan kif jista’ jkun? M’huwiex minnu li miljuni li jgħidu li huma Kristjani jistqarru wkoll li jħobbu lil Kristu? Dażgur. Imma l-​imħabba għal Ġesù u għal Ġeħova tinvolvi ħafna iktar minn sempliċement kliem. Ġesù qal: “Jekk xi ħadd iħobbni, josserva kelmti.” (Ġwanni 14:23) U meta reġa’ tkellem bħala ragħaj, hu qal: “In-​nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jien nafhom, u huma jiġu warajja.” (Ġwanni 10:27) Iva, il-​prova vera taʼ l-​imħabba tagħna għal Kristu mhix sempliċement fi kliemna jew fis-​sentimenti tagħna imma l-​iktar fl-​azzjonijiet tagħna.

18, 19. (a) It-​tagħlim dwar Ġesù kif għandu jeffettwana? (b) X’inhu l-​iskop taʼ dan il-​ktieb, u kif se jkun taʼ ġid għal dawk li ilhom jikkunsidraw lilhom infushom bħala segwaċi taʼ Kristu?

18 Madankollu, l-​azzjonijiet tagħna ma jiġux mix-​xejn. Dawn jirriflettu l-​persuna ġewwinija tagħna. Huwa hawn li jrid jibda x-​xogħol tagħna. Ġesù qal: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Jekk nieħdu u nimmeditaw fuq għarfien eżatt dwar Ġesù, qalbna se tiġi effettwata. Se nsiru nħobbuh iktar u iktar, billi nibnu ġewwa fina xewqa saħansitra akbar biex insegwuh kuljum.

19 L-​iskop taʼ dan il-​ktieb hu li jkabbar ix-​xewqa li nsegwu lil Ġesù. L-​iskop tiegħu m’huwiex li jagħti sommarju sħiħ tal-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù, imma li jgħinna naraw iktar ċar kif għandna nsegwuh. * Huwa disinjat biex jgħinna nħarsu fil-​mera taʼ l-​Iskrittura u nistaqsu lilna nfusna, ‘Qiegħed jien verament insegwi lil Ġesù?’ (Ġakbu 1:23-​25) Forsi ilek tikkunsidra lilek innifsek bħala nagħġa li qed tiġi gwidata mir-​Ragħaj mill-​Aħjar. Però, ma taqbilx li dejjem nistgħu nsibu modi kif insiru persuni aħjar? Il-​Bibbja tħeġġiġna: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-​fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” (2 Korintin 13:5) Żgur li hu vallapena li nagħmlu kull sforz biex naċċertaw ruħna li verament qed niġu gwidati mir-​Ragħaj mill-​Aħjar tagħna kollu mħabba, Ġesù, li Ġeħova nnifsu ħatar biex imexxina.

20. X’se nikkunsidraw fil-​kapitlu li jmiss?

20 Jalla l-​istudju tiegħek taʼ dan il-​ktieb jgħinek issaħħaħ l-​imħabba tiegħek għal Ġesù u għal Ġeħova. Hekk kif din l-​imħabba tiggwidak f’ħajtek, se ssib paċi u kuntentizza bla qjies f’din id-​dinja li qdiemet, u int se tgħix biex tfaħħar lil Ġeħova għal dejjem talli pprovdielna r-​Ragħaj mill-​Aħjar. M’għandniex xi ngħidu, l-​istudju tagħna dwar Kristu għandu jkun ibbażat fuq pedament tajjeb. Għalhekk, bix-​xieraq li f’Kapitlu 2 neżaminaw l-​irwol taʼ Ġesù fl-​iskop universali taʼ Ġeħova.

^ par. 5 Ġesù ma talabx lil dawk kollha li segwewh biex iħallu ġidhom kollu warajhom. U għalkemm huwa minnu li kkummenta dwar kemm hu diffiċli li bniedem għani jidħol fis-​Saltna t’Alla, hu żied jgħid: “Kollox hu possibbli għal Alla.” (Marku 10:23, 27) Fil-​fatt, xi wħud li kienu għonja saru segwaċi taʼ Kristu. Huma rċivew pariri speċifiċi fil-​kongregazzjoni Kristjana, imma ma ġewx mitlubin jagħtu l-​għana kollu tagħhom lill-​foqra.—1 Timotju 6:17.

^ par. 19 Għal sommarju sħiħ u kronoloġiku tal-​ġrajjiet fil-​ħajja u l-​ministeru taʼ Ġesù, ara l-​ktieb L-​Aqwa Bniedem li Qatt Għex, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.