KAPITLU 16
“Ġesù . . . Baqa’ Jħobbhom sa l-Aħħar”
1, 2. Ġesù kif iqatta’ l-aħħar lejla tiegħu maʼ l-appostli, u dawn l-aħħar mumenti għala huma prezzjużi għalih?
HEKK kif jiġbor lill-appostli tiegħu f’kamra fis-sular taʼ fuq taʼ dar f’Ġerusalemm, Ġesù jaf li din hi l-aħħar lejla li se jqatta’ magħhom. Wasal iż-żmien biex imur lura għand Missieru. Fi ftit sigħat oħra, Ġesù se jiġi arrestat u l-fidi tiegħu se tiġi mġarrba bħal qatt qabel. Madankollu, avolja kien jaf li dalwaqt se jmut, xejn ma jista’ jaljenah mill-bżonnijiet taʼ l-appostli.
2 Ġesù diġà qal lill-appostli li se jħallihom, iżda għad għandu x’jgħidilhom biex isaħħaħhom għal dak li ġej. Għalhekk, hu jqatta’ dawn l-aħħar ftit mumenti prezzjużi jgħallimhom lezzjonijiet vitali li se jgħinuhom jibqgħu leali. Kliemu huwa fost l-iktar kliem kordjali u intimu li qatt qalilhom. Iżda Ġesù għala huwa iktar konċernat dwar l-appostli tiegħu milli dwaru nnifsu? Dawn l-aħħar sigħat taʼ ħajtu li se jqatta’ magħhom għala huma daqshekk għeżież għalih? F’kelma waħda t-tweġiba hija l-imħabba. Imħabbtu għalihom hija kbira ħafna.
3. Kif nafu li Ġesù ma qagħadx jistenna l-aħħar lejla tiegħu biex juri mħabbtu għas-segwaċi tiegħu?
3 Għaxriet taʼ snin wara, meta introduċa r-rakkont ispirat tiegħu dwar il-ġrajjiet taʼ din il-lejla, l-appostlu Ġwanni kiteb: “Peress li minn qabel il-festa tal-Qbiż kien jaf li kienet waslet is-siegħa tiegħu biex imur minn din id-dinja għal għand Missieru, Ġesù, għax ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, baqa’ jħobbhom sa l-aħħar.” (Ġwanni 13:1) Ġesù ma qagħadx jistenna dak il-lejl biex juri mħabbtu għal dawk li kienu “tiegħu.” Matul il-ministeru tiegħu, hu ta prova taʼ l-imħabba li kellu għad-dixxipli tiegħu b’diversi modi. Nagħmlu tajjeb li neżaminaw xi wħud mill-modi li bihom wera mħabbtu, għax meta nimitawh f’dan ir-rigward, nagħtu prova li aħna d-dixxipli veri tiegħu.
Wera l-Paċenzja
4, 5. (a) Ġesù għala kellu bżonn il-paċenzja meta ttratta mad-dixxipli tiegħu? (b) Ġesù kif wieġeb meta tlieta mill-appostli tiegħu ma baqgħux għassa fil-ġnien tal-Ġetsemani?
4 L-imħabba u l-paċenzja jmorru id f’id. “L-imħabba tistabar fit-tul,” jgħid l-1 Korintin 13:4, u s-sabar fit-tul ifisser li nieħdu paċenzja b’xulxin. Ġesù kellu bżonn il-paċenzja meta ttratta mad-dixxipli tiegħu? Tabilħaqq, kellu bżonnha! Bħalma rajna f’Kapitlu 3, l-appostli ma kinux ħfief biex jikkultivaw l-umiltà. Diversi drabi huma argumentaw dwar min kien l-akbar fosthom. Ġesù kif irreaġixxa? Irrabja hu u wieġeb lura bl-herra jew bit-tgħajjir? Le, hu rraġuna magħhom bil-paċenzja kollha, saħansitra meta nqala’ “argument sħun” dwar din il-kwistjoni fl-aħħar lejla li qatta’ magħhom!—Luqa 22:24-30; Mattew 20:20-28; Marku 9:33-37.
5 Iktar tard f’dik l-aħħar lejla, meta Ġesù mar fil-ġnien tal-Ġetsemani mal-11-il appostlu leali, il-paċenzja tiegħu ġiet imġarrba għal darb’oħra. Billi ħalla tmienja mill-appostli warajh, Ġesù ħa lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni iktar ’il ġewwa fil-ġnien. “Ruħi mnikkta ferm, għall-mewt,” qalilhom Ġesù. “Oqogħdu hawnhekk u ibqgħu għassa miegħi.” Hu mar ftit ’il bogħod u beda jitlob bil-ħrara. Wara li dam jitlob ħin twil, hu mar lura ħdejn it-tliet appostli. X’sab? Fis-siegħa taʼ l-akbar prova tiegħu, sab li kienu reqdin! Ċanfarhom hu talli ma baqgħux għassa? Le, bil-paċenzja hu inkuraġġiehom. Il-kliem ħanin tiegħu wera li kien qed jifhem it-tensjoni li kellhom u d-dgħjufijiet tagħhom. * Hu qal: “Naturalment, l-ispirtu hu ħerqan imma l-laħam dgħajjef.” Ġesù baqa’ jkun paċenzjuż dik il-lejla, anki meta ġie u sabhom reqdin, mhux darba iżda darbtejn oħra!—Mattew 26:36-46.
6. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù meta nittrattaw m’oħrajn?
6 Huwa inkuraġġanti li tara li Ġesù ma qatax qalbu mill-appostli tiegħu. Il-paċenzja tiegħu fl-aħħar tat il-frott, għaliex dawn l-irġiel leali tgħallmu l-importanza li jkunu umli u li jibqgħu għassa. (1 Pietru 3:8; 4:7) Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù bil-mod kif nittrattaw m’oħrajn? L-anzjani b’mod speċjali għandhom bżonn ikunu paċenzjużi. Uħud taʼ l-istess twemmin jistgħu javviċinaw lil xi anzjan bil-problemi tagħhom meta l-anzjan innifsu jkun għajjien mejjet jew aljenat bil-problemi tiegħu stess. Kultant, dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna jistgħu jdumu biex jieħdu l-pariri. Minkejja dan, l-anzjani bil-paċenzja jgħallmu “bil-ħlewwa” u ‘jittrattaw lill-merħla b’tenerezza.’ (2 Timotju 2:24, 25; Atti 20:28, 29) Il-ġenituri wkoll jagħmlu tajjeb li jimitaw lil Ġesù billi juru l-paċenzja, għax kultant it-tfal jistgħu jdumu biex ibaxxu rashom għat-twiddib jew għall-korrezzjoni. L-imħabba u l-paċenzja se jgħinu lill-ġenituri ħalli ma jaqtgħux qalbhom fl-isforzi tagħhom biex iħarrġu lil uliedhom. Il-barkiet li jiġu minn paċenzja bħal din jistgħu jkunu tassew kbar.—Salm 127:3.
Ħa Ħsieb il-Bżonnijiet Tagħhom
7. Ġesù b’liema modi ħa ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u materjali tad-dixxipli tiegħu?
7 L-imħabba tintwera bl-għemejjel mhux egoistiċi. (1 Ġwanni 3:17, 18) Din “ma tfittixx l-interessi tagħha.” (1 Korintin 13:5) L-imħabba qanqlet lil Ġesù biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi u materjali tad-dixxipli tiegħu. Hu spiss kien jaġixxi għan-nom tagħhom saħansitra qabel ma kienu jitkellmu dwar il-bżonnijiet tagħhom. Meta ra li kienu għajjenin, hu ssuġġerixxa li jakkumpanjawh ‘waħedhom f’post imwarrab u jistrieħu ftit.’ (Marku 6:31) Meta induna li kienu bil-ġuħ, ħa l-inizjattiva biex jitmagħhom—flimkien m’eluf t’oħrajn li kienu ġew biex jisimgħuh jgħallem.—Mattew 14:19, 20; 15:35-37.
8, 9. (a) X’jindika li Ġesù għaraf il-bżonnijiet spiritwali tad-dixxipli tiegħu u ssodisfahom? (b) Meta kien fuq iz-zokk tat-tortura, Ġesù kif wera tħassib profond għall-ġid t’ommu?
8 Ġesù għaraf il-bżonnijiet spiritwali tad-dixxipli tiegħu u ssodisfahom. (Mattew 4:4; 5:3) Fit-tagħlim tiegħu, hu spiss kien jagħtihom attenzjoni speċjali. Il-Priedka taʼ fuq il-Muntanja ngħatat b’mod speċjali għall-benefiċċju tad-dixxipli tiegħu. (Mattew 5:1, 2, 13-16) Meta kien jgħallem bit-tixbihat, “kien ikun waħdu mad-dixxipli tiegħu, [u] lil dawn kien jispjegalhom kollox.” (Marku 4:34) Ġesù bassar li kien se jaħtar “ilsir leali u għaqli” biex ikun ċert li s-segwaċi Tiegħu jiġu mitmugħin tajjeb spiritwalment matul l-aħħar jiem. Dan l-ilsir leali, magħmul minn grupp żgħir taʼ ħut Ġesù li huma midlukin bl-ispirtu fuq l-art, ilu jipprovdi “ikel [spiritwali] fiż-żmien xieraq” mill-1919 E.K. ’l hawn.—Mattew 24:45.
9 F’jum mewtu, Ġesù wera t-tħassib tiegħu għas-saħħa spiritwali taʼ l-għeżież tiegħu b’mod kommoventi. Ġib ix-xena quddiem għajnejk. Ġesù kien fuq iz-zokk tat-tortura, ibati wġigħ agonizzanti. Sabiex jieħu n-nifs, milli jidher kellu jgħolli lilu nnifsu billi jimbotta ’l fuq b’saqajh. Bla dubju dan ikkaġuna wġigħ qawwi hekk kif il-piż taʼ ġismu ċarrat il-ġrieħi fejn kellu l-imsiemer f’saqajh u dahru kollu miġruħ ħakkek maz-zokk tat-tortura. Id-diskors, li jinvolvi l-kontroll tan-nifs, żgur li kien diffiċli u taʼ wġigħ. Iżda, eżatt qabel miet, Ġesù tkellem b’mod li wera l-imħabba kbira li kellu għal ommu, Marija. Meta ra lil Marija u lill-appostlu Ġwanni biswitu, Ġesù, b’leħen għoli biżżejjed biex dawk li kienu preżenti jisimgħu, qal lil ommu: “Mara, ara! Ibnek!” Imbagħad lil Ġwanni qallu: “Ara! Ommok!” (Ġwanni 19:26, 27) Ġesù kien jaf li l-appostlu leali ma kienx se jieħu ħsieb biss il-bżonnijiet fiżiċi u materjali taʼ Marija, iżda anki s-saħħa spiritwali tagħha. *
10. Il-ġenituri kif jistgħu jimitaw lil Ġesù hekk kif jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ wliedhom?
10 Ġenituri li jimpurtahom isibuha taʼ benefiċċju li jirriflettu fuq l-eżempju taʼ Ġesù. Missier li verament iħobb lill-familja tiegħu jipprovdi għalihom materjalment. (1 Timotju 5:8) Kapijiet tal-familja li jkunu bilanċjati u li jafu jħobbu jagħmlu l-ħin biex kultant jistrieħu u jieħdu ftit rikreazzjoni. Iktar importanti minn hekk, il-ġenituri Kristjani jipprovdu għall-bżonnijiet spiritwali taʼ wliedhom. Kif? Ġenituri bħal dawn jagħmlu arranġament għal studju tal-Bibbja tal-familja fuq bażi regulari, u jistinkaw biex jagħmlu dawn is-sessjonijiet taʼ studju inkuraġġanti u pjaċevoli għal uliedhom. (Dewteronomju 6:6, 7) Il-ġenituri jgħallmu lil uliedhom bil-kliem u bl-eżempju li l-ministeru huwa attività importanti u li l-preparazzjoni u l-attendenza għal-laqgħat Kristjani huma parti essenzjali mir-rutina spiritwali tagħhom.—Ebrej 10:24, 25.
Lest li Jaħfer
11. Ġesù x’għallimhom lis-segwaċi tiegħu dwar il-maħfra?
11 Il-maħfra hija aspett wieħed taʼ l-imħabba. (Kolossin 3:13, 14) L-imħabba “ma żżommx kont tal-ħsara,” jgħid l-1 Korintin 13:5. Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu l-importanza tal-maħfra diversi drabi. Hu ħeġġiġhom biex ma jaħfrux lil oħrajn “Sa seba’ darbiet, imma, Sa sebgħa u sebgħin darba”—jiġifieri, għadd taʼ drabi bla limitu. (Mattew 18:21, 22) Hu għallimhom li midneb għandu jingħata l-maħfra jekk juri ndiema meta jiġi mwiddeb. (Luqa 17:3, 4) Madankollu, Ġesù ma kienx bħall-Fariżej ipokriti, li kienu jgħallmu bil-kliem biss; hu għallem ukoll bl-eżempju. (Mattew 23:2-4) Ejja naraw kif Ġesù wera li kien lest li jaħfer anki meta ħabib fdat iddiżappuntah.
12, 13. (a) Pietru b’liema mod iddiżappunta lil Ġesù fil-lejl taʼ l-arrest Tiegħu? (b) L-azzjonijiet taʼ Ġesù wara l-irxoxt tiegħu kif għamluha ċara li hu għamel iktar milli sempliċement ippriedka dwar il-maħfra?
12 Ġesù kellu relazzjoni mill-qrib maʼ l-appostlu Pietru, raġel qalbu tajba li kultant kien jaġixxi mingħajr ma jaħseb. Ġesù għaraf il-kwalitajiet tajbin taʼ Pietru u tah privileġġi speċjali. Pietru, flimkien maʼ Ġakbu u Ġwanni, xehed personalment għal ċerti mirakli li l-bqija tat-12 ma rawx. (Mattew 17:1, 2; Luqa 8:49-55) Bħalma rajna iktar kmieni, Pietru kien wieħed mill-appostli li akkumpanjaw lil Ġesù iktar ’il ġewwa fil-ġnien tal-Ġetsemani fil-lejl taʼ l-arrest Tiegħu. Madankollu, fl-istess lejl li Ġesù ġie tradut u arrestat, Pietru u l-appostli l-oħrajn abbandunaw lil Ġesù u ħarbu. Iktar tard, Pietru ta prova li kien kuraġġuż biżżejjed biex jibqa’ barra waqt li Ġesù kien għaddej ġuri illegalment. Xorta waħda, Pietru mbagħad beda jibża’ u għamel żball serju—tliet darbiet gideb u qal li lanqas biss kien jaf lil Ġesù! (Mattew 26:69-75) Ġesù kif irreaġixxa? Int kif kont tirreaġixxi kieku ħabib mill-qrib jiddiżappuntak b’dan il-mod?
13 Ġesù kien lest li jaħfer lil Pietru. Hu kien jaf li Pietru kien mifni bit-toqol tad-dnub tiegħu. Fil-fatt, l-appostlu midneb “infaqa’ jibki.” (Marku 14:72) Fil-jum taʼ l-irxoxt Tiegħu, Ġesù deher lil Pietru, x’aktarx biex ifarraġ u jiżgura lill-appostlu. (Luqa 24:34; 1 Korintin 15:5) Inqas minn xahrejn wara, Ġesù onora lil Pietru billi ħallieh jieħu t-tmexxija f’li jagħti xiehda lill-folol f’Ġerusalemm dakinhar taʼ Pentekoste. (Atti 2:14-40) Ejja niftakru wkoll li Ġesù ma żammx f’qalbu kontra l-appostli bħala grupp talli abbandunawh. Għall-kuntrarju, wara l-irxoxt tiegħu, hu xorta sejħilhom “ħuti.” (Mattew 28:10) M’huwiex ċar li Ġesù għamel iktar milli sempliċement ippriedka dwar il-maħfra?
14. Għala għandna bżonn nitgħallmu naħfru lil oħrajn, u kif nistgħu nuru li aħna lesti li naħfru?
Rumani 3:23; Ġakbu 3:2) Meta naħfru lil oħrajn billi nuru ħniena fejn nistgħu, aħna nkunu qed nagħmluha possibbli li Alla jaħfer id-dnubiet tagħna stess. (Marku 11:25) Mela, kif nistgħu nuru li aħna lesti li naħfru lil dawk li għandhom mnejn jidinbu kontrina? F’ħafna każi, l-imħabba tgħinna biex id-dnubiet u n-nuqqasijiet żgħar t’oħrajn inħalluhom jgħaddu. (1 Pietru 4:8) Meta dawk li jonqsuna jkunu nedmin sinċerament, bħalma kien Pietru, ċertament li rridu nimitaw lil Ġesù fil-mod li kien lest li jaħfer. Minflok ma nżommu f’qalbna, b’għaqal aħna nagħżlu li nagħlqu għajnejna għall-offiżi. (Efesin 4:32) Billi nagħmlu hekk, inkunu qed nikkontribwixxu għall-paċi fil-kongregazzjoni kif ukoll għall-paċi f’moħħna u f’qalbna stess.—1 Pietru 3:11.
14 Bħala dixxipli taʼ Kristu, aħna għandna bżonn nitgħallmu naħfru lil oħrajn. Għala? Kuntrarju għal Ġesù, aħna bnedmin imperfetti—bħalma huma imperfetti dawk li għandhom mnejn jidinbu kontrina. Minn żmien għal żmien, ilkoll nitfixklu fi kliemna u f’għemilna. (Wera l-Fiduċja Tiegħu
15. Ġesù għala kien jafda fid-dixxipli tiegħu minkejja n-nuqqasijiet li kellhom?
15 L-imħabba u l-fiduċja jmorru id f’id. L-imħabba “kollox temmen.” * (1 Korintin 13:7) Imqanqal mill-imħabba, Ġesù wera li kien lest li jafda fid-dixxipli tiegħu minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom. Hu kellu fiduċja fihom u kien jemmen li fil-fond taʼ qalbhom tassew kienu jħobbuh lil Ġeħova u riedu jagħmlu r-rieda Tiegħu. Anki meta żbaljaw, Ġesù ma ddubitax il-motivi tagħhom. Per eżempju, meta l-appostli Ġakbu u Ġwanni milli jidher qabbdu lil ommhom titlob biex huma jkunu maġenb Ġesù fis-Saltna tiegħu, Ġesù ma ddubitax il-lealtà tagħhom jew neħħiehom minn appostli.—Mattew 20:20-28.
16, 17. Liema responsabbiltajiet iddelega Ġesù lid-dixxipli tiegħu?
16 Billi wera l-fiduċja tiegħu, Ġesù ddelega diversi responsabbiltajiet lid-dixxipli tiegħu. Fiż-żewġ okkażjonijiet meta b’mod mirakoluż hu kattar l-ikel u tema’ lill-folol, hu ddelega lid-dixxipli tiegħu r-responsabbiltà li jqassmu l-ikel. (Mattew 14:19; 15:36) Bi tħejjija għall-Qbiż finali tiegħu, hu inkariga lil Pietru u lil Ġwanni biex imorru Ġerusalemm u jlestu l-affarijiet. Huma ħadu ħsieb li jkollhom il-ħaruf, l-inbid, il-ħobż bla ħmira, il-ħxejjex morri, u affarijiet oħrajn meħtiġin. Dan ma kienx xi inkarigu li jnaqqas id-dinjità, għax il-Liġi Mosajka kienet titlob li ċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż issir b’mod xieraq, u Ġesù kellu jgħix fi qbil maʼ din il-Liġi. Barra minn hekk, iktar tard dik il-lejla, Ġesù uża l-inbid u l-ħobż bla ħmira bħala simboli importanti meta stabbilixxa t-Tifkira tal-mewt tiegħu.—Mattew 26:17-19; Luqa 22:8, 13.
17 Ġesù ra li huwa xieraq li jafda responsabbiltajiet saħansitra akbar f’idejn id-dixxipli tiegħu. Kif rajna iktar kmieni, hu ddelega lil grupp żgħir mis-segwaċi midlukin tiegħu fuq l-art ir-responsabbiltà importanti li jqassmu l-ikel spiritwali. (Luqa 12:42-44) Ftakar ukoll li hu ħalla f’idejn id-dixxipli tiegħu l-inkarigu importanti taʼ l-ippridkar u taʼ li jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:18-20) Anki issa, għalkemm inviżibbli u qed jaħkem mis-sema, Ġesù jafda l-kongregazzjoni tiegħu fuq l-art f’idejn “irġiel [kwalifikati spiritwalment] bħala għotjiet.”—Efesin 4:8, 11, 12.
18-20. (a) Kif nistgħu nuru li nafdaw fi sħabna fit-twemmin u nuru fiduċja fihom? (b) Kif nistgħu nimitaw il-fatt li Ġesù kien lest li jiddelega? (ċ) X’se jiġi diskuss fil-kapitlu li jmiss?
18 Kif nistgħu nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù bil-mod kif nittrattaw m’oħrajn? Il-fiduċja u l-fidi tagħna fi sħabna fit-twemmin huma espressjoni taʼ mħabbitna lejhom. Ejja niftakru li l-imħabba ma tfittixx il-ħażin f’oħrajn, iżda t-tajjeb. Mattew 7:1, 2) Jekk inżommu ħarsa pożittiva lejn sħabna fit-twemmin, se nittrattawhom b’modi li se jibnu minflok ikissru.—1 Tessalonikin 5:11.
Meta ħaddieħor jiddiżappuntana, u fil-fatt hekk jiġri minn żmien għal żmien, l-imħabba se żżommna lura milli nkunu ħfief biex nassumu li l-motivi tagħhom huma ħżiena. (19 Nistgħu nimitaw lil Ġesù fil-mod kif kien lest li jiddelega? Għal dawk li għandhom pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-kongregazzjoni huwa taʼ benefiċċju għalihom li jiddelegaw l-inkarigi adattati u sinifikanti lil oħrajn, u jafdawhom li se jagħmlu l-almu tagħhom. Anzjani taʼ l-esperjenza jistgħu għalhekk jipprovdu taħriġ neċessarju u taʼ valur għal irġiel iżgħar kwalifikati li qegħdin ‘jirsistu’ biex jgħinu fil-kongregazzjoni. (1 Timotju 3:1; 2 Timotju 2:2) Dan it-taħriġ huwa vitali. Hekk kif Ġeħova jkompli jkabbar l-għadd taʼ proklamaturi tas-Saltna, irġiel kwalifikati se jkollhom bżonn jiġu mħarrġin biex jieħdu ħsieb iż-żjieda.—Isaija 60:22.
20 Ġesù pprovdielna eżempju meraviljuż biex nuru mħabba lejn oħrajn. Mill-modi kollha li bihom nistgħu nsegwuh, l-iktar wieħed importanti hu li nimitaw l-imħabba tiegħu. Fil-kapitlu li jmiss, se niddiskutu l-akbar espressjoni taʼ mħabbtu għalina—il-fatt li kien lest li jagħti ħajtu.
^ par. 5 In-ngħas li kellhom l-appostli ma kienx ġej biss sempliċement minn għeja fiżika. L-istess rakkont f’Luqa 22:45 jgħid li Ġesù “sabhom jonogħsu minħabba n-niket.”
^ par. 9 Milli jidher Marija kienet armla sa dak iż-żmien, u wliedha l-oħrajn probabbilment kienu għadhom ma sarux dixxipli taʼ Ġesù.—Ġwanni 7:5.
^ par. 15 M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li l-imħabba tibla’ kollox jew li min iħobb joqgħod għal kollox. Minflok, ifisser li l-imħabba ma tikkritikax bla bżonn jew tissuspetta f’kollox. L-imħabba m’hijiex ħafifa biex tiġġudika l-motivi t’oħrajn jew tasal għal konklużjonijiet ħżiena dwarhom.