Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 15

“Ħassu Mqanqal u Tħassarhom”

“Ħassu Mqanqal u Tħassarhom”

“Mulej, agħmel li jinfetħu għajnejna”

1-3. (a) Ġesù kif jirreaġixxi meta żewġ tallaba għomja jitolbuh bil-​ħniena biex jgħinhom? (b) Xi tfisser l-​espressjoni “ħassu mqanqal u tħassarhom”? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

ŻEWĠT irġiel għomja qegħdin bil-​qiegħda fil-​ġenb tat-​triq, ftit ’il barra minn Ġeriko. Huma jiġu hawnhekk kuljum, isibu post fejn x’aktarx jgħaddu ħafna nies, u jitolbu l-​flus fil-​pubbliku. Iżda llum dawn dalwaqt se jġarrbu xi ħaġa li se tbiddlilhom ħajjithom mil-​lejl għan-​nhar.

2 F’daqqa waħda, it-​tallaba jisimgħu għagħa sħiħa. Minħabba li ma jistgħux jaraw x’qed jiġri, wieħed minnhom jistaqsi x’inhu dan l-​eċċitament, u jintqallu: “Għaddej Ġesù n-​Nazzarenu!” Ġesù jinsab fi triqtu lejn Ġerusalemm għall-​aħħar darba. Iżda hu m’hux waħdu; hemm folol kbar taʼ nies mexjin warajh. Malli jsiru jafu min hu li għaddej, it-​tallaba jagħmlu xi ftit taʼ l-​istorbju billi jgħajtu: “Mulej, ikollok ħniena minna, Bin David!” Billi jħossuhom irrabjati, il-​folol jibdew isikktu lit-​tallaba, iżda l-​irġiel huma ddisprati. Huma ma jridux jisktu.

3 Ġesù jisma’ l-​għajat tagħhom fost il-​ħamba tal-​folla. X’se jagħmel? Għandu ħafna affarijiet fuq moħħu u f’qalbu. Qed toqrob l-​aħħar ġimgħa tal-​ħajja tiegħu fuq l-​art. Hu jaf li f’Ġerusalemm hemm it-​tbatija u mewta kerha jistennewh. Madankollu, hu ma jinjorax l-​għajat persistenti. Jieqaf u jitlob li dawk li qed jgħajtu jinġiebu għandu. “Mulej, agħmel li jinfetħu għajnejna,” jitolbu huma bil-​ħniena. Minħabba li “ħassu mqanqal u tħassarhom,” Ġesù jmissilhom għajnejhom u huma jibdew jaraw. * Bla tnikkir, huma jibdew isegwu lil Ġesù.—Luqa 18:35-​43; Mattew 20:29-​34.

4. Ġesù kif wettaq il-​profezija li hu kellu “jiddispjaċih għall-​batut”?

4 Dan ma kienx l-​uniku każ. Bosta drabi u f’ħafna ċirkustanzi differenti, Ġesù kien tassew imqanqal biex juri mogħdrija. Il-​profezija Biblika bassret li hu kellu “jiddispjaċih għall-​batut.” (Salm 72:13) Tabilħaqq, Ġesù kien sensittiv għas-​sentimenti t’oħrajn. Hu ħa l-​inizjattiva biex jgħin lin-​nies. Il-​mogħdrija tiegħu kienet forza li timmotivah fl-​ippridkar tiegħu. Ejja naraw kif l-​Evanġelji jirrivelaw il-​mogħdrija tenera wara l-​kliem u l-​għemejjel taʼ Ġesù u nikkunsidraw kif aħna nistgħu nuru mogħdrija bħal din.

Wera Konsiderazzjoni għas-​Sentimenti t’Oħrajn

5, 6. Liema eżempji juru li Ġesù kien raġel li wera empatija?

5 Ġesù kien raġel li kellu empatija kbira. Hu għader u ssimpatizza mas-​sentimenti taʼ dawk li kienu qed ibatu. Għalkemm hu ma ġarrabx iċ-​ċirkustanzi kollha tagħhom, hu verament ħass l-​uġigħ tagħhom f’qalbu. (Ebrej 4:15) Meta fejjaq lil waħda mara li kienet ilha tbati minn tnixxija tad-​demm għal 12-​il sena, hu ddeskriva l-​kundizzjoni tagħha bħala “marda kiefra,” u għalhekk kien jaf li kienet ikkaġunatilha ħafna niket u tbatija. (Marku 5:25-​34) Meta ra lil Marija u lil dawk li kienu qed jibku magħha minħabba l-​mewt taʼ Lazzru, hu tant kien imqanqal mid-​diqa tagħhom li ħass għafsa taʼ qalb. Għalkemm kien jaf li dalwaqt kien se jirxoxta lil Lazzru, Ġesù tant ħassu kommoss li għajnejh imtlew bid-​dmugħ.—Ġwanni 11:33, 35.

6 F’okkażjoni oħra, wieħed marid bil-​ġdiem resaq lejn Ġesù u talbu bil-​ħniena: “Jekk trid, tista’ tnaddafni.” Ġesù, raġel perfett u li qatt ma kien marad, kif irreaġixxa? Qalbu ngħafset għall-​imġiddem. Iva, “hu ħassu mqanqal u tħassru.” (Marku 1:40-​42) Imbagħad għamel xi ħaġa straordinarja. Hu kien jaf tajjeb li l-​imġiddmin ma kinux meqjusin nodfa skond il-​Liġi u ma kellhomx jitħalltu m’oħrajn. (Levitiku 13:45, 46) Ġesù żgur li kien kapaċi jfejjaq lil dan ir-​raġel mingħajr ma jmissu. (Mattew 8:5-​13) Madankollu, għażel li jmiss lill-​imġiddem b’idu u qallu: “Irrid. Indaf.” Minnufih il-​ġdiem għab minn fuqu. X’empatija tenera wera Ġesù!

Uru li “tħossu għal xulxin”

7. X’jista’ jgħinna nikkultivaw l-​empatija, u kif nistgħu nesprimu din il-​kwalità?

7 Bħala Kristjani, aħna mħeġġin nimitaw lil Ġesù billi nuru empatija. Il-​Bibbja tħeġġiġna ‘nħossu għal xulxin.’ * (1 Pietru 3:8) Jista’ ma jkunx faċli li nifhmu s-​sentimenti taʼ dawk li jbatu minn xi marda kronika jew mid-​dipressjoni—speċjalment jekk ma nkunux għaddejna minn uġigħ bħal dan personalment. Iżda ftakar li l-​empatija ma tiddependix mill-​fatt li tesperjenza l-​istess ċirkustanzi. Ġesù għader lill-​morda avolja hu nnifsu qatt ma kien marid. Mela, kif nistgħu nikkultivaw l-​empatija? Dan nagħmluh billi bis-​sabar nagħtu widen meta dawk l-​uħud li jkunu qed ibatu jiftħu qalbhom magħna u jgħidulna kif iħossuhom. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna, ‘Kieku kont fis-​sitwazzjoni tagħhom, kif kont inħossni?’ (1 Korintin 12:26) Jekk inkunu iktar sensittivi għas-​sentimenti t’oħrajn, se nkunu iktar kapaċi ‘nikkonslaw lid-​dipressi.’ (1 Tessalonikin 5:14) Xi drabi, l-​empatija tista’ tiġi espressa mhux biss bil-​kliem iżda wkoll bid-​dmugħ. “Ibku maʼ min jibki,” jgħid Rumani 12:15.

8, 9. Ġesù kif wera konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn?

8 Ġesù kien juri konsiderazzjoni għal oħrajn, u kien jaġixxi b’modi li kien iqis is-​sentimenti tagħhom. Ftakar f’dakinhar li nġieb raġel trux quddiem Ġesù u li bilkemm seta’ jitkellem. Milli jidher, billi ntebaħ li dan ir-​raġel kien qed iħossu xi ftit skomdu, Ġesù għamel xi ħaġa li s-​soltu ma kienx jagħmilha meta kien ifejjaq lin-​nies: “[Lir-​raġel] ħadu waħdu lil hinn mill-​folla.” Fil-​privat u ’l bogħod minn għajnejn in-​nies, hu fejjaq lir-​raġel.—Marku 7:31-​35.

9 Ġesù wera konsiderazzjoni simili meta n-​nies ġabulu raġel agħma u talbuh biex ifejqu. Ġesù “qabad lill-​agħma minn idu” u “ħarġu ’l barra mir-​raħal.” Imbagħad hu fejjaq lir-​raġel bil-​mod il-​mod. Dan seta’ sar sabiex jippermetti lil moħħ u lil għajnejn ir-​raġel jidraw id-​dehra li tgħammex u l-​komplessitajiet tad-​dinja taʼ madwaru mdawla bix-​xemx. (Marku 8:22-​26) X’konsiderazzjoni wera Ġesù!

10. B’liema modi nistgħu nuru konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn?

10 Bħala segwaċi taʼ Ġesù jeħtieġ li aħna nuru konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn. Għalhekk, aħna noqogħdu attenti għal dak li ngħidu, billi niftakru li meta nużaw ilsienna bl-​addoċċ nistgħu nweġġgħu s-​sentimenti t’oħrajn. (Proverbji 12:18; 18:21) M’għandux ikun hemm kliem iebes, kummenti taʼ tmaqdir, u sarkażmu aħrax fost il-​Kristjani, li huma sensittivi għas-​sentimenti t’oħrajn. (Efesin 4:31) Anzjani, kif tistgħu turu konsiderazzjoni għas-​sentimenti t’oħrajn? Meta tagħtu xi parir, ħawru kliemkom bil-​ġentilezza, billi żżommu d-​dinjità taʼ dak li jkun qed jismagħkom. (Galatin 6:1) Ġenituri, kif tistgħu turu konsiderazzjoni għas-​sentimenti taʼ wliedkom? Meta tagħtu d-​dixxiplina, stinkaw biex tagħmlu dan b’modi li ma joħolqux mistħija bla bżonn għal uliedkom.—Kolossin 3:21.

Ħa l-​Inizjattiva biex Jgħin lil Oħrajn

11, 12. Liema rakkonti mill-​Bibbja juru li Ġesù ma kellux għalfejn jintalab juri mogħdrija m’oħrajn?

11 Ġesù wera mogħdrija m’oħrajn anki meta ma kienx jintalab jagħmel dan. Wara kollox, il-​mogħdrija mhix xi kwalità passiva iżda waħda li tqanqal lil dak li jkun biex jieħu azzjoni. Ma nistagħġbux mela li l-​mogħdrija tenera qanqlet lil Ġesù jieħu l-​inizjattiva biex jgħin lil oħrajn. Per eżempju, meta folla kbira taʼ nies baqgħet miegħu għal tlett ijiem mingħajr ikel, ħadd ma kellu jgħid lil Ġesù li n-​nies kienu bil-​ġuħ jew jissuġġerilu jagħmel xi ħaġa dwarha. Ir-​rakkont jgħid: “Ġesù sejjaħ lid-​dixxipli tiegħu u qalilhom: ‘Nitħassarhom lil dawn in-​nies, għax diġà ilhom tlett ijiem miegħi u m’għandhom xejn x’jieklu; u ma rridx nibgħathom sajmin, li ma jmurx iħosshom ħażin fit-​triq.’” Imbagħad, minn jeddu tema’ lill-​folla b’mod mirakoluż.—Mattew 15:32-​38.

12 Ikkunsidra rakkont ieħor. Fis-​sena 31 E.K., hekk kif Ġesù beda riesaq lejn il-​belt taʼ Najn, hu lemaħ xena taʼ niket. Mill-​belt kienet ħierġa purċissjoni taʼ funeral, x’aktarx miexja lejn l-​oqbra f’ġenb t’għolja fil-​qrib, sabiex jindifen l-​“uniku iben li kellha . . . armla.” Tista’ timmaġina s-​swied taʼ qalb li ħasset din l-​omm? Fi ftit ħin ieħor kienet se tidfen lill-​uniku iben tagħha, bla ma kellha lil żewġha biex miegħu taqsam is-​sogħba tagħha. Min-​nies kollha li kien hemm fil-​purċissjoni, Ġesù ‘ra’ lill-​armla li issa spiċċat bla tfal. Dak li ra qanqlu—iva, “ħassu mqanqal u tħassarha.” Ħadd ma kellu jitolbu bil-​ħniena. Il-​mogħdrija f’qalbu qanqlitu jieħu l-​inizjattiva. Għalhekk, hu “resaq lejn il-​katalett u messu,” u mbagħad reġa’ ta l-​ħajja liż-​żagħżugħ. Imbagħad x’ġara? Ġesù ma talabx liż-​żagħżugħ biex jingħaqad mal-​folla kbira li kienet qed tivvjaġġa Miegħu. Minflok, Ġesù “tah lil ommu,” u b’hekk għamilhom familja mill-​ġdid u aċċerta li l-​armla kellha min jieħu ħsiebha.—Luqa 7:11-​15.

Ħu l-inizjattiva biex tgħin lil dawk fil-bżonn

13. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù billi nieħdu l-​inizjattiva xierqa biex ngħinu lil dawk fil-​bżonn?

13 Kif nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù? M’għandniex xi ngħidu, aħna ma nistgħux nipprovdu l-​ikel b’mod mirakoluż jew nerġgħu nagħtu l-​ħajja lill-​mejtin. Madankollu, nistgħu nimitaw lil Ġesù billi nieħdu l-​inizjattiva biex ngħinu lil dawk fil-​bżonn. Xi ħadd minn sħabna fit-​twemmin jista’ jkun qed ibati minn telf finanzjarju kbir jew jitlef l-​impjieg tiegħu. (1 Ġwanni 3:17) Id-​dar taʼ xi armla forsi jkollha bżonn urġenti taʼ xi tiswija. (Ġakbu 1:27) Għandna mnejn inkunu nafu b’xi familja li tkun imnikkta minħabba xi mewt u li jkollha bżonn il-​faraġ jew xi għajnuna prattika. (1 Tessalonikin 5:11) F’każi taʼ bżonn ġenwin, m’għandniex għalfejn nistennew li niġu mitlubin qabel ma noffru xi għajnuna. (Proverbji 3:27) Il-​mogħdrija tqanqalna nieħdu l-​inizjattiva xierqa biex ngħinu, skond kif jippermettu ċ-​ċirkustanzi tagħna. Qatt tinsa li att sempliċi taʼ qalb tajba jew kelmtejn taʼ faraġ mill-​qalb jistgħu jkunu espressjonijiet taʼ mogħdrija li jħallu effett qawwi.—Kolossin 3:12.

Il-​Mogħdrija Qanqlitu biex Jippriedka

14. Ġesù għala ta prijorità lix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba?

14 Bħalma rajna fit-​Tieni Sezzjoni taʼ dan il-​ktieb, Ġesù ħalla eżempju li jispikka fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba. Hu qal: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla, . . . għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:43) Hu għala ta prijorità lil dan ix-​xogħol? Primarjament minħabba l-​imħabba tiegħu għal Alla. Iżda Ġesù kellu motiv ieħor: Il-​mogħdrija mill-​qalb qanqlitu biex jissodisfa l-​bżonnijiet spiritwali t’oħrajn. Mill-​modi kollha kif hu wera mogħdrija, l-​ebda wieħed minnhom ma kien iktar importanti milli jissodisfa l-​ġuħ spiritwali t’oħrajn. Ejja neżaminaw żewġ ġrajjiet li juru kif Ġesù kien iqis lin-​nies li kien jippridkalhom. Konsiderazzjoni bħal din tista’ tgħinna nanalizzaw il-​motivi tagħna għala nieħdu sehem fil-​ministeru pubbliku.

15, 16. Iddeskrivi żewġ ġrajjiet li juru kif Ġesù kien iqis lin-​nies li kien jippridkalhom.

15 Fis-​sena 31 E.K., wara madwar sentejn li kien ilu jirsisti fil-​ministeru, Ġesù żied l-​isforzi tiegħu billi beda “jdur il-​bliet u l-​irħula kollha” tal-​Galilija. Dak li ra b’għajnejh messlu qalbu. L-​appostlu Mattew qal: “Malli ra l-​folol tħassarhom, għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mattew 9:35, 36) Ġesù ħass għan-​nies komuni. Hu kien tassew konxju tal-​kundizzjoni spiritwali miżerabbli tagħhom. Hu kien jaf li huma kienu trattati ħażin u injorati għalkollox proprju minn dawk l-​uħud li suppost kienu qed jirgħuhom—il-​mexxejja reliġjużi. Imqanqal minn mogħdrija profonda, Ġesù stinka biex iwassal messaġġ taʼ tama lin-​nies. Ma kien hemm xejn li kellhom bżonn iktar mill-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.

16 Xi ħaġa simili ġrat għadd taʼ xhur wara, madwar iż-​żmien tal-​Qbiż tas-​sena 32 E.K. F’din l-​okkażjoni, Ġesù u l-​appostli tiegħu rikbu dgħajsa u qasmu l-​Baħar tal-​Galilija biex ifittxu xi mkien għall-​kwiet fejn jistrieħu. Iżda folla nies bdiet tiġri max-​xatt u waslet in-​naħa l-​oħra qabel id-​dgħajsa. Ġesù kif irreaġixxa? “Meta ħareġ mid-​dgħajsa ra folla kbira u ħassu mqanqal u tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. U beda jgħallimhom ħafna affarijiet.” (Marku 6:31-​34) Għal darb’oħra, Ġesù “ħassu mqanqal u tħassarhom” minħabba l-​kundizzjoni spiritwali fjakka tan-​nies. Bħal “nagħaġ mingħajr ragħaj,” huma kienu mġewħin spiritwalment u tħallew ifendu għal rashom. Il-​mogħdrija, iktar milli sempliċement sens t’obbligu, qanqlet lil Ġesù biex jippriedka.

Ippriedka bil-mogħdrija

17, 18. (a) X’jimmotivana biex nieħdu sehem fil-​ministeru? (b) Kif nistgħu nikkultivaw il-​mogħdrija għal oħrajn?

17 X’jimmotivana bħala segwaċi taʼ Ġesù biex nieħdu sehem fil-​ministeru? Bħalma rajna f’Kapitlu 9 taʼ dan il-​ktieb, aħna għandna inkarigu, responsabbiltà, biex nippridkaw u nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20; 1 Korintin 9:16) Iżda l-​motiv tagħna għala nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol għandu jkun iktar minn sempliċi sens t’obbligu jew dmir. Iktar importanti minn hekk, l-​imħabba għal Ġeħova tqanqalna biex nippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna tiegħu. L-​ippridkar tagħna huwa motivat ukoll mill-​mogħdrija għal dawk li m’għandhomx l-​istess twemmin tagħna. (Marku 12:28-​31) Mela, kif nistgħu nikkultivaw mogħdrija għal oħrajn?

18 Għandna bżonn inqisu lin-​nies kif kien iqishom Ġesù—“maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” Immaġina ssib ħaruf li ntilef u jinsab bla tama. Mingħajr ragħaj li jiggwidah lejn mergħat kollhom ħdura u ilma, l-​imsejken ħaruf qed imut bil-​ġuħ u bil-​għatx. Ma tħossx qalbek tingħafas għal dan il-​ħaruf? Ma tagħmilx l-​almu tiegħek biex tagħtih xi ħaġa x’jiekol u x’jixrob? Dan il-​ħaruf hu bħal ħafna nies li għadhom ma jafux l-​aħbar tajba. Injorati mir-​rgħajja reliġjużi foloz, dawn qed imutu bil-​ġuħ u bil-​għatx spiritwalment u mingħajr m’għandhom tama vera għall-​futur. Aħna għandna dak kollu li huma għandhom bżonn: l-​ikel spiritwali nutrittiv u l-​ilma frisk tal-​verità misjubin fil-​Kelma t’Alla. (Isaija 55:1, 2) Meta nirriflettu fuq il-​bżonnijiet spiritwali taʼ dawk taʼ madwarna, qalbna tingħafas għalihom. Jekk, bħal Ġesù, verament inħossu għan-​nies, se nagħmlu l-​almu tagħna biex ngħidulhom dwar it-​tama tas-​Saltna.

19. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu ħalli nimmotivaw lil student tal-​Bibbja li jikkwalifika biex jieħu sehem fil-​ministeru pubbliku?

19 Kif nistgħu ngħinu lil oħrajn isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù? Ejja ngħidu li rridu ninkuraġġixxu lil student tal-​Bibbja li jikkwalifika biex jibda jieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar pubbliku. Jew forsi rridu ngħinu lil xi ħadd inattiv jerġa’ jkollu sehem sħiħ fil-​ministeru. Kif nistgħu ngħinu lil uħud bħal dawn? Jeħtieġ li nilħqulhom qalbhom. Ftakar li Ġesù l-​ewwel ‘ħassu mqanqal u tħassar’ lin-​nies, u mbagħad għallimhom. (Marku 6:34) Mela jekk nistgħu ngħinuhom jikkultivaw il-​mogħdrija, qalbhom x’aktarx timmotivahom biex ikunu bħal Ġesù u jaqsmu l-​aħbar tajba m’oħrajn. Forsi nistaqsuhom: “Ħajtek kif inbidlet għall-​aħjar minħabba li aċċettajt il-​messaġġ tas-​Saltna? Xi ngħidu għan-​nies li għadhom ma jafux bih dan il-​messaġġ—m’għandhomx bżonnha l-​aħbar tajba? X’tista’ tagħmel biex tgħinhom?” M’għandniex xi ngħidu, l-​iktar motivazzjoni qawwija biex tieħu sehem fil-​ministeru hija l-​imħabba għal Alla u x-​xewqa li taqdih.

20. (a) X’jinvolvi li wieħed ikun segwaċi taʼ Ġesù? (b) X’se jiġi kunsidrat fil-​kapitlu li jmiss?

20 Li tkun segwaċi taʼ Ġesù jinvolvi iktar milli sempliċement tirripeti kliemu u timita l-​għemejjel tiegħu. Aħna għandna bżonn nikkultivaw l-​istess “attitudni mentali” li kellu hu. (Filippin 2:5) Kemm għandna għalxiex inkunu grati mela li l-​Bibbja turina l-​ħsibijiet u s-​sentimenti wara l-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ Ġesù! Billi nsiru familjari mal-​“moħħ taʼ Kristu,” se nkunu iktar kapaċi nikkultivaw sensittività u mogħdrija mill-​qalb, u b’hekk nittrattaw lil oħrajn bil-​mod li Ġesù kien jittratta lin-​nies b’mod ġenerali. (1 Korintin 2:16) Fil-​kapitlu li jmiss, se nikkunsidraw id-​diversi modi kif Ġesù wera mħabba b’mod partikulari għas-​segwaċi tiegħu.

^ par. 3 Il-​kelma Griega tradotta “ħassu mqanqal u tħassarhom” ġiet imsejħa waħda mill-​iktar kliem qawwijin fil-​lingwa Griega minħabba s-​sentiment taʼ mogħdrija. Xogħol wieħed taʼ referenza jgħid li din il-​kelma tindika “mhux biss l-​empatija meta wieħed jara t-​tbatija, iżda tindika wkoll xewqa qawwija li wieħed itaffi u jneħħi t-​tbatija.”

^ par. 7 L-​aġġettiv Grieg tradott “tħossu għal xulxin” letteralment ifisser “tbati ma’.”