Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

KAPITLU 13

“Jien Inħobb lill-Missier”

“Jien Inħobb lill-Missier”

1, 2. L-​appostlu Ġwanni liema informazzjoni rrivela dwar l-​aħħar lejla li l-​appostli qattgħu maʼ Ġesù?

RAĠEL xwejjaħ ibill il-​pinna tiegħu fil-​linka, moħħu mimli b’ħafna memorji. Ir-​raġel jismu Ġwanni, u hu l-​uniku appostlu taʼ Ġesù Kristu li għadu ħaj. Issa li għandu xi 100 sena, Ġwanni qed jirrifletti fuq lejla mill-​iktar memorabbli iktar minn 60 sena qabel—l-​aħħar lejla li hu u sħabu l-​appostli qattgħu maʼ Ġesù qabel il-​mewt Tiegħu. Permezz tal-​gwida taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, Ġwanni jirnexxilu jiftakar u jikteb il-​ġrajjiet sa l-​iċken dettall.

2 F’din il-​lejla, Ġesù għamilha ċara li hu dalwaqt kien se jingħata l-​mewt. Ġwanni biss jagħti r-​raġuni għala Ġesù qal li hu kien se jissottometti ruħu għal din il-​mewta t’agunija: “Sabiex id-​dinja tkun taf li jien inħobb lill-​Missier, saħansitra bħalma ordnali l-​Missier, hekk qed nagħmel. Qumu, ejjew nitilqu minn hawnhekk.”—Ġwanni 14:31.

3. Ġesù kif wera li kien iħobb lil Missieru?

3 “Jien inħobb lill-​Missier.” Xejn ma kien iktar importanti minn dan għal Ġesù. Hu ma rripetiex kontinwament din l-​istqarrija biex jenfasizza l-​importanza tagħha. Fil-​fatt, Ġwanni 14:31 huwa l-​uniku vers fil-​Bibbja li fih Ġesù jesprimi mħabbtu għal Missieru b’mod daqshekk dirett. Madankollu, Ġesù wera kemm kien minnu dan il-​kliem bil-​mod kif kien jgħix. Imħabbtu għal Ġeħova kienet evidenti kuljum. Il-​kuraġġ, l-​ubbidjenza, u s-​sabar taʼ Ġesù kienu kollha evidenza taʼ mħabbtu għal Alla. Il-​ministeru tiegħu kollu kemm hu kien motivat minn din l-​imħabba.

4, 5. Il-​Bibbja tippromwovi liema għamla taʼ mħabba, u x’jista’ jingħad dwar l-​imħabba taʼ Ġesù għal Ġeħova?

4 Illum, xi wħud jistgħu jaħsbu li min juri l-​imħabba jkun persuna dgħajfa. Forsi jiġuhom f’moħħhom il-​poeżiji u l-​għanjiet taʼ mħabba, u forsi anki l-​bluha li kultant hija assoċjata maʼ l-​imħabba romantika. Il-​Bibbja wkoll titkellem dwar l-​imħabba romantika, għalkemm b’mod iktar dinjituż milli nafuh illum. (Proverbji 5:15-​21) Iżda l-​Kelma t’Alla tagħti ħafna iktar informazzjoni dwar imħabba t’għamla oħra. Din l-​imħabba m’hijiex sempliċi passjoni jew emozzjoni tal-​mument; lanqas m’hi xi għamla taʼ mħabba bierda u intellettwali. Tinvolvi kemm il-​qalb u kemm il-​moħħ. Imħabba bħal din ġejja mill-​persuna ġewwinija, hija mmexxija minn prinċipji għoljin u timxi fi qbil magħhom, u tintwera f’azzjonijiet pożittivi. Żgur li mhix bluha. “L-​imħabba ma tbatti qatt,” tgħid il-​Kelma t’Alla.—1 Korintin 13:8.

5 Mill-​bnedmin kollha li qatt għexu, Ġesù kien l-​iktar wieħed li ħabb lil Ġeħova. Ħadd ma ssupera lil Ġesù f’li jwettaq il-​kliem li hu stess ikkwota bħala l-​akbar fost il-​kmandi kollha t’Alla: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.” (Marku 12:30) Ġesù kif żviluppa mħabba bħal din? Kif żamm imħabbtu għal Alla b’saħħitha kemm dam fuq l-​art? U kif nistgħu nimitawh?

L-​Eqdem u l-​Iktar Rabta b’Saħħitha taʼ Mħabba

6, 7. Kif nafu li Proverbji 8:22-​31 jiddeskrivi lill-​Iben t’Alla u mhux biss il-​kwalità taʼ l-​għerf?

6 Qatt ħdimt fuq xi biċċa xogħol maʼ xi ħabib, u b’hekk sibt li t-​tnejn li intom sirtu ħbieb aħjar u iktar qrib taʼ xulxin? Din l-​esperjenza pjaċevoli tista’ tgħinek tifhem l-​imħabba li żviluppat bejn Ġeħova u l-​Iben uniġenitu tiegħu. Spiss irreferejna għal Proverbji 8:30, iżda ejja nagħtu ħarsa iktar mill-​qrib lejn dan il-​vers fil-​kuntest tiegħu. Minn vers 22 sa vers 31 insibu deskrizzjoni mnebbħa taʼ l-​għerf personifikat. Kif nafu li dan il-​kliem jirreferi għall-​Iben t’Alla?

7 F’vers 22, l-​għerf jgħid: “Ġeħova nissilni bħala l-​bidu taʼ l-​attività kreattiva tiegħu, l-​eqdem għemil tiegħu taʼ żmien twil ilu.” Iktar minn sempliċi għerf huwa involut hawnhekk, għax din il-​kwalità qatt ma ‘tnisslet.’ Din qatt ma kellha bidu għax Ġeħova kien jeżisti minn dejjem u kien għaref minn dejjem. (Salm 90:2) Madankollu, l-​Iben t’Alla kien “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu.” Hu tnissel, jew ġie maħluq; hu kien l-​ewwel fost dak kollu li wettaq Ġeħova. (Kolossin 1:15) L-​Iben eżista qabel l-​art u s-​smewwiet, kif inhu deskritt fi Proverbji. U bħala l-​Kelma, il-​Kelliemi nnifsu t’Alla, hu kien l-​espressjoni perfetta taʼ l-​għerf taʼ Ġeħova.—Ġwanni 1:1.

8. L-​Iben x’għamel matul l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, u x’jista’ jiġina f’moħħna meta nammiraw il-​ħolqien?

8 L-​Iben x’għamel matul il-​perijodu twil taʼ żmien qabel ma ġie fuq l-​art? Vers 30 jgħidilna li hu kien maġenb Alla bħala “ħaddiem tas-​sengħa.” Dan xi jfisser? Kolossin 1:16 jispjega: “Permezz tiegħu nħolqu l-​affarijiet l-​oħrajn kollha fis-​smewwiet u fuq l-​art . . . L-​affarijiet l-​oħrajn kollha nħolqu permezz tiegħu u għalih.” Għalhekk, Ġeħova, il-​Ħallieq, uża lil Ibnu, il-​Ħaddiem tas-​Sengħa, biex joħloq kull ħlejqa oħra—mill-​ħlejjaq spirti fil-​qasam tas-​sema sa l-​univers fiżiku taʼ kobor bla qjies, sa l-​art bil-​varjetà taʼ l-​għaġeb taʼ pjanti u annimali, sa l-​aqwa fost il-​ħolqien taʼ l-​art: l-​umanità. F’ċertu sens, nistgħu nxebbhu din il-​kooperazzjoni bejn il-​Missier u l-​Iben maʼ dik taʼ perit li jaħdem maʼ bennej, jew kuntrattur, li jispeċjalizza f’li jibni b’eżattezza skond id-​disinji inġenjużi tal-​perit. Meta aħna nibqgħu mistagħġbin b’xi ħaġa fil-​ħolqien, aħna nkunu fil-​fatt qed infaħħru lill-​Perit il-​Kbir. (Salm 19:1) Madankollu, nistgħu wkoll niftakru f’kemm il-​Ħallieq u l-​“ħaddiem tas-​sengħa” tiegħu ħadmu id f’id ferħanin għal żmien twil.

9, 10. (a) X’saħħaħ ir-​rabta bejn Ġeħova u Ibnu? (b) X’jista’ jsaħħaħ ir-​rabta tiegħek maʼ Missierek tas-​sema?

9 Meta żewġ bnedmin imperfetti jaħdmu flimkien mill-​qrib, kultant isibuha diffiċli biex jingwalawha. Iżda mhux fil-​każ taʼ Ġeħova u Ibnu! L-​Iben ħadem mal-​Missier għal perijodu taʼ żmien li ma jitkejjilx u kien ‘jieħu pjaċir quddiemu l-​ħin kollu.’ (Proverbji 8:30) Iva, hu kien jitgħaxxaq ikun maʼ Missieru, u Missieru kien iħossu l-​istess. Naturalment, l-​Iben kiber u sar dejjem iktar bħal Missieru billi tgħallem jimita l-​kwalitajiet t’Alla. Mela mhux taʼ b’xejn li r-​rabta bejn il-​Missier u l-​Iben issaħħet daqshekk! Bix-​xieraq tista’ tissejjaħ l-​eqdem u l-​iktar rabta b’saħħitha taʼ mħabba fl-​univers kollu.

10 Iżda, dan x’jista’ jfisser għalina? Għandek mnejn tħoss li int qatt ma tista’ tibni rabta bħal din maʼ Ġeħova. Tabilħaqq, ħadd minna m’għandu l-​pożizzjoni għolja taʼ l-​Iben. Madankollu, ċertament li għandna opportunità li ma bħalha. Ftakar li Ġesù resaq eqreb lejn Missieru billi ħadem Miegħu. Bi mħabba, Ġeħova joffrilna l-​opportunità li nkunu “ħaddiema sħab” miegħu. (1 Korintin 3:9) Hekk kif insegwu l-​eżempju taʼ Ġesù fil-​ministeru, għandna dejjem inżommu f’moħħna li aħna ħaddiema sħab m’Alla. B’hekk, ir-​rabta taʼ mħabba li tgħaqqadna maʼ Ġeħova tissaħħaħ iktar u iktar. Jista’ jkun hemm privileġġ akbar?

Kif Ġesù Żamm Imħabbtu għal Ġeħova b’Saħħitha

11-13. (a) Għala hu t’għajnuna li naħsbu fl-​imħabba bħala li hi xi ħaġa ħajja, u Ġesù bħala tfajjel kif żamm imħabbtu għal Ġeħova b’saħħitha? (b) L-​Iben t’Alla kif wera interess fit-​tagħlim li ġej minn Ġeħova, kemm qabel ġie fuq l-​art u kemm iktar tard bħala bniedem?

11 Għal diversi raġunijiet, ikun t’għajnuna li naħsbu dwar l-​imħabba f’qalbna bħala li hi xi ħaġa ħajja. Bħal pjanta mill-​isbaħ fid-​dar, l-​imħabba trid tingħata s-​sustanzi u l-​attenzjoni sabiex tikber u tiffjorixxi. Jekk tiġi traskurata u titħalla mingħajr sustanzi, din tiddgħajjef u tmut. Ġesù ħadha bis-​serjetà l-​imħabba tiegħu għal Ġeħova. Hu żammha b’saħħitha u ħajja meta kien fuq l-​art. Ejja naraw kif.

12 Erġa’ aħseb dwar il-​ġrajja meta Ġesù bħala tfajjel tkellem bil-​miftuħ fit-​tempju f’Ġerusalemm. Ftakar f’dak li qal lill-​ġenituri ansjużi tiegħu: “Għalfejn fittixtuni? Ma kontux tafu li għandi nkun f’dar Missieri?” (Luqa 2:49) Bħala tfajjel, milli jidher Ġesù kien għadu ma bediex jiftakar fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem. Madankollu, l-​imħabba tiegħu għal Missieru, Ġeħova, kienet qawwija. Hu kien jaf li mħabba bħal din kienet tintwera naturalment fil-​qima. Għalhekk, ma kienx hemm post ieħor fuq l-​art li kien jiġbed lil Ġesù daqs kemm kienet tiġbdu dar Missieru għall-​qima pura. Hu kien jixxennaq li jkun hemm u ma kienx ikun irid jitlaq. Iktar minn hekk, hu ma kienx wieħed li sempliċement joqgħod josserva. Hu kien ħerqan li jitgħallem dwar Ġeħova u li jesprimi dak li kien jaf. Sentimenti bħal dawn ma bdewx meta kellu 12-​il sena, u lanqas ma ntemmew taʼ din l-​età.

13 Fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, l-​Iben kien tgħallem bil-​ħerqa minn Missieru. Profezija mniżżla f’​Isaija 50:4-​6 tirrivela li Ġeħova ta lil Ibnu edukazzjoni speċjali rigward l-​irwol tiegħu bħala l-​Messija. Għalkemm edukazzjoni bħal din inkludiet it-​tagħlim dwar xi tbatijiet li kellu jġarrab il-​Midluk taʼ Ġeħova, l-​Iben tgħallem bil-​ħerqa. Iktar tard, wara li Ġesù ġie fuq l-​art, kiber, u sar adult, hu baqa’ jħossu ħerqan li jmur id-​dar taʼ Missieru u jieħu sehem fil-​qima u fit-​tagħlim li Ġeħova ried li jingħata hemmhekk. B’hekk, il-​Bibbja tipprovdi ġrajjiet dwar l-​attendenza leali taʼ Ġesù fit-​tempju u fis-​sinagoga. (Luqa 4:16; 19:47) Jekk irridu nżommu l-​imħabba tagħna għal Ġeħova ħajja u tiffjorixxi, aħna rridu nkunu ħabrieka biex nattendu l-​laqgħat Kristjani, fejn inqimu lil Ġeħova u nkabbru l-​għarfien li għandna dwaru u l-​apprezzament tagħna lejh.

“Tela’ waħdu fuq il-muntanja biex jitlob”

14, 15. (a) Ġesù għala fittex li jkun waħdu? (b) It-​talb taʼ Ġesù lil Missieru kif kien juri intimità u rispett?

14 Ukoll, Ġesù żamm imħabbtu għal Ġeħova b’saħħitha billi talab regolarment. Għalkemm hu kien raġel dħuli u soċjevoli, taʼ min jinnota li hu kien iħares lejn is-​solitudni bħala li hi taʼ siwi. Per eżempju, Luqa 5:16 jgħid: “Hu baqa’ waħdu fid-​deżert jitlob.” B’mod simili, Mattew 14:23 jgħid: “Wara li bagħat lill-​folol, tela’ waħdu fuq il-​muntanja biex jitlob. Għalkemm kien sar ħafna ħin, kien hemmhekk waħdu.” Ġesù ma kienx ifittex li jkun waħdu f’okkażjonijiet bħal dawn u f’okkażjonijiet oħrajn għax kien xi eremit jew għax ma kienx iħobb il-​kumpanija t’oħrajn, iżda għax ried ikun waħdu maʼ Ġeħova, biex jitkellem bil-​libertà maʼ Missieru fit-​talb.

15 Meta kien jitlob, Ġesù kultant kien juża l-​espressjoni “Abba, Missier.” (Marku 14:36) Fi żmien Ġesù, “Abba” kienet kelma intima għal “missier,” kelma li kienet tintuża fiċ-​ċirku tal-​familja. Spiss kienet tkun fost l-​ewwel kelmiet li tifel jew tifla titgħallem tgħid. Madankollu, kienet kelma taʼ rispett. Għalkemm il-​kelma kienet turi l-​intimità li kien hemm min-​naħa taʼ l-​Iben meta jitkellem maʼ Missieru l-​għażiż, din kienet tindika wkoll ir-​rispett profond lejn l-​awtorità li Ġeħova kellu bħala Missier. Nistgħu nsibu kemm din l-​intimità kif ukoll dan ir-​rispett fit-​talb taʼ Ġesù li hu mniżżel bil-​miktub. Per eżempju, fi Ġwanni kapitlu 17, l-​appostlu Ġwanni niżżel bil-​miktub it-​talba twila u mill-​qalb li offra Ġesù fl-​aħħar lejl Tiegħu. Meta nistudjaw din it-​talba, din verament se tmissilna qalbna u huwa vitali li aħna nitolbu bl-​istess mod—m’għandniex xi ngħidu, mhux billi nirripetu kliem Ġesù, iżda billi nsibu modi kif inkellmu lil Missierna tas-​sema mill-​qalb spiss kemm jista’ jkun. Jekk nagħmlu hekk se nibqgħu nżommu mħabbitna għalih ħajja u b’saħħitha.

16, 17. (a) Ġesù kif esprima mħabbtu għal Missieru bil-​kliem? (b) Ġesù kif iddeskriva l-​ġenerożità taʼ Missieru?

16 Bħalma rajna iktar kmieni, Ġesù ma kienx jirripeti l-​kliem “Jien inħobb lill-​Missier.” Madankollu, kemm-​il darba kien jesprimi mħabbtu għal Missieru bil-​kliem. Kif? Ġesù nnifsu qal: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd, Missier, Mulej tas-​sema u l-​art.” (Mattew 11:25) Meta studjajna t-​Tieni Sezzjoni taʼ dan il-​ktieb, rajna li Ġesù kien iħobb ifaħħar lil Missieru billi jgħin lin-​nies isiru jafu Lilu. Per eżempju, hu xebbah lil Ġeħova maʼ missier li tant kien ħerqan biex jaħfer lil ibnu taʼ ras stinata, li stenna l-​wasla tar-​raġel żagħżugħ u niedem, lemħu mill-​bogħod, u ġera lejh biex jiltaqa’ miegħu u jgħannqu. (Luqa 15:20) Min jista’ jaqra din is-​silta mingħajr ma jħossu mqanqal mid-​deskrizzjoni taʼ Ġesù dwar l-​imħabba u l-​maħfra taʼ Ġeħova?

17 Ġesù spiss faħħar lil Missieru għall-​ġenerożità Tiegħu. Hu uża l-​eżempju tal-​ġenituri imperfetti biex juri kif nistgħu nkunu ċerti li Missierna se jagħtina l-​ispirtu qaddis kollu li jkollna bżonn. (Luqa 11:13) Ġesù tkellem ukoll dwar it-​tama li l-​Missier joffri b’tant ġenerożità. Ġesù b’ħerqa jiddeskrivi t-​tama tiegħu stess li jerġa’ jkun f’post maġenb Missieru fis-​sema. (Ġwanni 14:28; 17:5) Hu qal lis-​segwaċi tiegħu dwar it-​tama li Ġeħova offra lill-​“merħla żgħira” taʼ Kristu—dik li jgħammru fis-​sema u jieħdu sehem fil-​ħakma tas-​Sultan Messjaniku. (Luqa 12:32; Ġwanni 14:2) U hu kkonsla lil wieħed midneb li kien qed imut billi tah it-​tama taʼ ħajja fil-​Ġenna taʼ l-​art. (Luqa 23:43) Il-​fatt li tkellem dwar il-​ġenerożità kbira taʼ Missieru b’dawn il-​modi żgur li għen lil Ġesù jżomm imħabbtu għal Ġeħova b’saħħitha. Ħafna mis-​segwaċi taʼ Kristu sabu li l-​aqwa għajnuna biex isaħħu mħabbithom għal Ġeħova u l-​fidi tagħhom fih hija li jitkellmu dwaru u dwar it-​tama li jipprovdi għal dawk li jħobbuh.

Se Timita Int l-​Imħabba taʼ Ġesù għal Ġeħova?

18. Liema hu l-​iktar mod importanti li bih nistgħu nsegwu lil Ġesù, u għala?

18 Mill-​modi kollha li bihom għandna bżonn insegwu lil Ġesù, xejn m’hu iktar importanti minn dan: Aħna għandna nħobbu lil Ġeħova b’qalbna kollha, b’ruħna kollha, b’moħħna kollu, u b’saħħitna kollha. (Luqa 10:27) Ma nistgħux inkejlu mħabbitna għal Ġeħova biss skond kemm inħossu li hi b’saħħitha din l-​imħabba; irridu nikkunsidraw ukoll sa liema punt aħna nuru l-​imħabba tagħna fl-​azzjoni. Ġesù ma kienx kuntent sempliċement b’li jħoss imħabba għal Missieru u lanqas b’li jgħid, “Jien inħobb lill-​Missier.” Hu qal: “Sabiex id-​dinja tkun taf li jien inħobb lill-​Missier, saħansitra bħalma ordnali l-​Missier, hekk qed nagħmel.” (Ġwanni 14:31) Satana kien stqarr b’mod falz li ebda bniedem ma jaqdi lil Ġeħova bi mħabba mhix egoistika. (Ġob 2:4, 5) Sabiex jagħti l-​aqwa tweġiba possibbli għall-​malafama qarrieqa taʼ Satana, Ġesù b’kuraġġ ħa azzjoni u wera lid-​dinja kemm kien iħobb lil Missieru. Hu obda anki sal-​punt li jċedi ħajtu. Int se ssegwi lil Ġesù? Se turi int lil kulħadd li verament tħobb lil Alla Ġeħova?

19, 20. (a) Għal liema raġunijiet importanti rridu nkunu regulari fl-​attendenza tagħna għal-​laqgħat Kristjani? (b) Kif għandna mnejn inħarsu lejn l-​istudju persunali, il-​meditazzjoni, u t-​talb tagħna?

19 Aħna għandna bżonn spiritwali profond li nuru mħabba bħal din. Għalhekk, Ġeħova għamel arranġament għalina biex inqimu b’mod li mħabbitna għal Missierna tkun sostnuta u msaħħa. Meta tattendi l-​laqgħat Kristjani, ipprova ftakar li int qiegħed hemm biex tqim lil Alla tiegħek. Aspetti taʼ din il-​qima jinkludu s-​sehem tagħna f’talb mill-​qalb u f’kant t’għanjiet taʼ tifħir, l-​attenzjoni bis-​sħiħ u l-​parteċipazzjoni tagħna kulmeta jkun possibbli. Ukoll, laqgħat bħal dawn jagħtuk opportunità biex tinkuraġġixxi lil sħabek Kristjani. (Ebrej 10:24, 25) Il-​qima lil Ġeħova regolarment fil-​laqgħat Kristjani se tgħinek tkabbar u ssaħħaħ iktar u iktar imħabbtek għal Alla.

20 L-​istess jista’ jingħad għall-​istudju persunali, il-​meditazzjoni, u t-​talb. Aħseb f’dawn l-​affarijiet bħala modi kif tkun waħdek maʼ Ġeħova. Meta tistudja l-​Kelma miktuba t’Alla u timmedita fuqha, Ġeħova jkun qed jurik il-​ħsibijiet tiegħu. Meta titlob, int tkun qed tiftaħ qalbek miegħu. Ftakar li t-​talb jinvolvi iktar milli sempliċement titlob lil Alla għall-​affarijiet. It-​talb huwa wkoll opportunità biex tirringrazzja lil Ġeħova għall-​barkiet li rċivejt u biex tfaħħru għax-​xogħlijiet meraviljużi tiegħu. (Salm 146:1) Flimkien maʼ dan, it-​tifħir lil Ġeħova fil-​pubbliku bil-​ferħ u bl-​entużjażmu huwa l-​aqwa mod biex tirringrazzja lil Ġeħova u biex turih li tħobbu.

21. Kemm hi importanti l-​imħabba għal Ġeħova, u x’se jiġi kunsidrat fil-​kapitli li ġejjin?

21 L-​imħabba għal Alla hija fattur importanti biex ikollok ferħ dejjiemi. Hija dak kollu li Adam u Eva kellhom bżonn sabiex jirnexxu—u l-​unika ħaġa li naqsu li jiżviluppaw. Hija l-​iktar ħaġa importanti li għandek bżonn sabiex jirnexxilek tgħaddi minn xi prova tal-​fidi, tiċħad xi tentazzjoni, jew tissaporti xi prova. Hija l-​iktar ħaġa importanti meta tkun segwaċi taʼ Ġesù. Tabilħaqq, l-​imħabba għal Alla hija marbuta maʼ l-​imħabba għal sħabna l-​bnedmin. (1 Ġwanni 4:20) Fil-​kapitli li ġejjin, se neżaminaw kif Ġesù wera mħabbtu lejn in-​nies. Fil-​kapitlu li jmiss se nikkunsidraw għala ħafna nies ħassewhom komdi javviċinaw lil Ġesù.