Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għandek Temminha?

Għandek Temminha?

Għandek Temminha?

TEMMEN int fit-​Trinità? Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies fil-​Kristjaneżmu jemmnu. Wara kollox, kienet id-​duttrina ċentrali tal-​knejjes għal sekli sħaħ.

Minħabba f’dan, int forsi taħseb li ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju dwarha. Imma hemm, u dan l-​aħħar saħansitra xi wħud li jappoġġjawha komplew irewħulha lill-​kontroversja.

Suġġett bħal dan għala għandu jkun taʼ iktar minn interess fuq fuq? Għaliex Ġesù nnifsu qal: “Ħajja eterna hi din: li jkunu jafu lilek, l-​uniku Alla veru, u lil Ġesù Kristu li lilu inti bgħatt.” Mela l-​ġejjieni kollu tagħna jiddependi fuq li nkunu nafu n-​natura vera t’Alla, u dak ifisser li nidħlu fil-​għerq tal-​kontroversja dwar it-​Trinità. Għalhekk, għala ma teżaminahiex għalik innifsek?​—Ġwann 17:​3, il-​Jerusalem Bible (JB) Kattolika.

Jeżistu diversi idejat dwar it-​Trinità. Imma ġeneralment it-​tagħlim tat-​Trinità huwa li fis-​sustanza t’Alla hemm tliet persuni, il-​Missier, l-​Iben, u l-​Ispirtu s-​Santu; iżda, flimkien huma biss Alla wieħed. Id-​duttrina tgħid li t-​tlieta huma ko-ugwali, jistgħu kollox, u mhux maħluqin, billi eżistew minn dejjem fis-​sustanza t’Alla.

Oħrajn, madankollu, jgħidu li d-​duttrina tat-​Trinità hija falza, li Alla li Jistaʼ Kollox qiegħed waħdu bħala esseri separat, etern, u li għandu kull setgħa. Dawn igħidu li Ġesù fl-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem kien, bħall-​anġli, persuna spirtu separata u maħluqa minn Alla, u għal din ir-​raġuni bil-​fors li kellu bidu. Huma jgħallmu li Ġesù qatt ma kien f’xi sens ugwali maʼ Alla li Jistaʼ Kollox; dejjem kien sottomess lejn Alla u hekk għadu. Huma jemmnu wkoll li l-​Ispirtu s-​Santu mhux persuna imma l-​ispirtu t’Alla, il-​forza attiva tiegħu.

Dawk li jappoġġjaw it-​Trinità jgħidu li hija msejsa mhux biss fuq tradizzjoni reliġjuza imma wkoll fuq il-​Bibbja. Dawk li jikkritikaw din id-​duttrina jgħidu li mhix tagħlim tal-​Bibbja, u saħansitra sors wieħed tal-​istorja jiddikjara: “L-​oriġini tat-​[Trinità] huwa għalkollox pagan.”​—The Paganism in Our Christianity.

Jekk it-​Trinità hija vera, ikun degradanti għal Ġesù li tgħid li hu qatt ma kien ugwali m’Alla bħala parti mis-​sustanza t’Alla. Imma jekk it-​Trinità hija falza, ikun degradanti għal Alla li Jistaʼ Kollox li ssejjaħ lil xi ħadd ugwali miegħu, u saħansitra iktar agħar li ssejjaħ lil Marija “Omm Alla.” Jekk it-​Trinità hija falza, ikun taʼ diżunur għal Alla li tgħid, kif inhu nnotat fil-​ktieb Catholicism: “Jekk [in-nies] ma jżommux din il-​Fidi sħiha u mhux imniġġsa, [huma] bla dubju se jgħibu għal dejjem. U l-​Fidi Kattolika hija din: aħna nqimu Alla wieħed fi Trinità.”

Hemm raġunijiet tajbin, mela, għala għandek tkun trid tkun taf il-​verità dwar it-​Trinità. Imma qabel ma neżaminaw l-​oriġini tagħha u jekk hix tassew verità, ikun taʼ għajnuna li nagħtu definizzjoni taʼ din id-​duttrina b’mod iktar speċifiku. X’inhi, eżattament, it-​Trinità? Dawk li jappoġġjawha kif jispjegawha?

[Stampi f’paġna 2]

Xellug: Skultura Eġizzjani tat-​tieni millennju (Q.E.K.) Trijad taʼ Amon-Ra, Ramses II, u Mut. Lemin: Skultura tat-​Trinità tas-​seklu erbatax (E.K.) taʼ Ġesù Kristu, il-​Missier, u l-​ispirtu qaddis. Innota, tliet persuni imma erbaʼ saqajn biss.