Huwa Alla Dejjem Superjuri għal Ġesù?
Huwa Alla Dejjem Superjuri għal Ġesù?
ĠESÙ qatt ma sostna li hu Alla. Kulma qal dwaru nnifsu jindika li hu ma kienx iqis lilu nnifsu ugwali m’Alla b’xi mod—la fil-qawwa, la fil-għarfien, u lanqas fl-età.
F’kull perijodu tal-eżistenza tiegħu, kemm fis-sema u kemm fuq l-art, id-diskors u l-kondotta tiegħu jirriflettu sottomissjoni lejn Alla. Alla huwa dejjem il-wieħed superjuri, Ġesù l-wieħed inqas li kien maħluq minn Alla.
Ġesù Distint Minn Alla
DARBA wara l-oħra, Ġesù wera li hu kien ħlejqa separata minn Alla u li hu, Ġesù, kellu Alla fuqu, Alla li lilu hu kien iqim, Alla li lilu hu kien isejjaħlu “Missier.” F’talba lil Alla, jiġifieri, il-Missier, Ġesù qal, “Jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla.” (Ġwann 17:3) Fi Ġwann 20:17 hu qal lil Marija Maddalena: “Jien tielaʼ għand Missieri u Missierek, għand Alla tiegħi u Alla tiegħek.” (RS, edizzjoni Kattolika) Fit-2 Korintin 1:3 l-appostlu Pawlu jikkonferma din ir-relazzjoni: “Ikun imbierek dak Alla u Missier il-Mulej tagħna Ġesù Kristu.” Ladarba Ġesù kellu Alla, Missieru, hu ma setax fl-istess waqt ikun dak Alla.
L-appostlu Pawlu ma kellu ebda riserva dwar li jitkellem dwar Ġesù u Alla bħala wħud separati b’mod distint: “Għalina hemm Alla wieħed, il-Missier, . . . u hemm Mulej wieħed, Ġesù Kristu.” (1 Korintin 8:6, JB) L-appostlu juri d-distinzjoni meta jsemmi “l-preżenza t’Alla u taʼ Kristu Ġesù u tal-anġli magħżulin.” (1 Timotew 5:21, RS Common Bible) Sewwa sew bħalma Pawlu jitkellem dwar Ġesù u l-anġli bħala li huma distinti minn xulxin fis-sema, hekk ukoll huma Ġesù u Alla.
Il-kliem taʼ Ġesù fi Ġwann 8:17, 18 ukoll huwa sinjifikanti. Hu jistqarr: “Fil-Liġi tiegħek stess hemm miktub, ‘Ix-xiehda taʼ żewġ bnedmin hija vera.’ Jiena wieħed li nagħti xiehda dwari nnifsi, u l-Missier li bagħatni jagħti xiehda dwari.” Hawn Ġesù juri li hu u l-Missier, jiġifieri, Alla li Jistaʼ Kollox, bil-fors li huma żewġ entitajiet distinti, għax kif iktar setaʼ verament ikun hemm żewġ xiehda?
Ġesù wera wkoll li kien esseri separat minn Alla billi qal: “Għala ssejjaħli tajjeb? Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla.” (Mark 10:18, JB) Mela Ġesù kien qed igħid li ħadd ma hu tajjeb bħalma hu Alla, lanqas saħansitra Ġesù nnifsu. Alla huwa tajjeb b’tali mod li jisseparah minn Ġesù.
Il-Qaddej Sottomess t’Alla
DARBA wara l-oħra, Ġesù għamel stqarrijiet bħal dawn: “L-Iben ma jistaʼ jagħmel xejn għall-gost tiegħu, hu jistaʼ jagħmel biss dak li jara lil Missieru jagħmel.” (Ġwann 5:19, The Holy Bible, minn Monsinjur R. A. Knox) “Jiena nżilt mis-sema biex nagħmel, mhux ir-rieda tiegħi, imma r-rieda taʼ dak li bagħatni.” (Ġwann 6:38) “Dak li ngħallem mhux tiegħi, imma jappartjeni lil dak li bagħatni.” (Ġwann 7:16) M’huwiex dak li jibgħat superjuri għal dak li jintbagħat?
Din ir-relazzjoni hija evidenti fit-tixbieha taʼ Ġesù dwar il-għalqa tad-dwieli. Hu xebbah lil Alla, Missieru, maʼ sid il-għalqa tad-dwieli, li siefer u ħallieha f’idejn xi kultivaturi, li kienu jirrappreżentaw lill-kleru Lhudi. Meta s-sid iktar tard bagħat irsir biex iġib ftit mill-frott tal-għalqa tad-dwieli, il-kultivaturi sawtu lill-irsir u bagħtuh ’il hemm idejh vojta. Imbagħad is-sid bagħat lit-tieni rsir, u iktar tard lit-tielet wieħed, li t-tnejn li huma ġew ittrattati bl-istess mod. Fl-aħħarnett, is-sid qal: “Se nibgħat lil ibni [Ġesù] l-maħbub. X’aktarx li lil dan se jirrispettawh.” Imma l-kultivaturi korrotti qalu: “‘Dan hu l-werriet; ejjew noqtluh, biex il-wirt forsi jsir tagħna.’ Minnufih huma tefgħuh barra l-għalqa tad-dwieli u qatluh.” (Luqa 20:9-16) B’hekk Ġesù wera l-pożizzjoni tiegħu stess bħala wieħed li ġie mibgħut minn Alla biex jagħmel ir-rieda t’Alla, sewwa sew bħalma missier jibgħat lil iben sottomess.
Is-segwaċi taʼ Ġesù dejjem ħarsu lejh bħala qaddej sottomess t’Alla, mhux bħala wieħed ugwali m’Alla. Huma talbu lil Alla dwar “il-qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li lilu int dlikt, . . . u sinjali u egħġubijiet huma mwettqin permezz tal-isem tal-qaddej qaddis tiegħek Ġesù.”—Atti 4:23, 27, 30, RS, edizzjoni Kattolika.
Alla Superjuri Dejjem
FIL-BIDUNETT tal-ministeru taʼ Ġesù, meta hu telaʼ mill-ilma tal-magħmudija, il-leħen t’Alla mis-sema qal: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:16, 17) Kien Alla qed igħid li hu kien ibnu stess, li hu approva lilu nnifsu, li hu bagħat lilu nnifsu? Le, Alla l-Ħallieq kien qed igħid li hu, bħala l-wieħed superjuri, kien qed japprova lil wieħed inqas, Ibnu Ġesù, għax-xogħol li kellu quddiemu.
Ġesù indika s-superjorità taʼ Missieru meta qal: “L-ispirtu taʼ Jehovah qiegħed fuqi, għaliex hu dilikni biex niddikjara aħbar tajba lill-foqra.” (Luqa 4:18) Id-dlik huwa l-għoti taʼ awtorità jew kariga minn wieħed superjuri lil xi ħadd li m’għandux diġà awtorità. Hawn Alla huwa biċ-ċar il-wieħed superjuri, għax hu dilek lil Ġesù, billi tah awtorità li hu ma kellux qabel.
Ġesù għamilha ċara s-superjorità taʼ Missieru meta l-omm taʼ żewġ dixxipli talbet li uliedha joqogħdu bil-qiegħda wieħed fuq il-lemin u wieħed fuq ix-xellug taʼ Ġesù meta hu jkun ġie ġewwa s-Saltna tiegħu. Ġesù wieġeb: “Inkwantu għal siġġijiet fuq il-leminija tiegħi u fuq ix-xellugija tiegħi, dawn m’humiex tiegħi biex nagħtihom; jappartjenu lil dawk li lilhom ġew mogħtijin minn Missieri,” jiġifieri, Alla. (Mattew 20:23, JB) Kieku Ġesù kien Alla li Jistaʼ Kollox, dawk il-pożizzjonijiet kienu jkunu tiegħu biex jagħtihom. Imma Ġesù ma setax jagħtihom, għax kienu t’Alla biex jagħtihom, u Ġesù ma kienx Alla.
It-talbiet taʼ Ġesù stess huma eżempju qawwi tal-pożizzjoni inferjuri tiegħu. Meta Ġesù kien wasal biex imut, hu wera min kien is-superjur tiegħu billi talab: “Missier, jekk tixtieq, neħħi dan il-kies minni. Madankollu, ħa sseħħ, mhux ir-rieda tiegħi, imma tiegħek.” (Luqa 22:42) Lil min kien qed jitlob? Lil parti minnu nnifsu? Le, kien qed jitlob lil xi ħadd għalkollox separat, Missieru, Alla, li r-rieda tiegħu kienet superjuri u setgħet tkun differenti minn tiegħu stess, l-uniku Wieħed li għandu l-ħila ‘jneħħi dan il-kies.’
Imbagħad, hekk kif qorob lejn il-mewt, Ġesù għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” (Mark 15:34, JB) Ġesù lil min kien qed igħajjat? Lilu nnifsu jew lil parti minnu nnifsu? Ċertament, dik il-għajta, “Alla tiegħi,” ma kinetx mingħand xi ħadd li kien iqis lilu nnifsu li hu Alla. U jekk Ġesù kien Alla, allura minn min kien abbandunat? Minnu nnifsu? Dak ma jagħmilx sens. Ġesù qal ukoll: “Missier, f’idejk nafda l-ispirtu tiegħi.” (Luqa 23:46) Jekk Ġesù kien Alla, għal liema raġuni għandu jafda l-ispirtu tiegħu lill-Missier?
Wara li Ġesù miet, hu kien fil-qabar għal partijiet minn tlett ijiem. Kieku kien Alla, allura Ħabakkuk 1:12 huwa żbaljat meta jgħid: “O Alla tiegħi, il-Wieħed Qaddis tiegħi, int ma tmutx.” Imma l-Bibbja tgħid li Ġesù fil-fatt miet u kien mitluf minn sensih fil-qabar. U min irxoxta lil Ġesù mill-imwiet? Jekk kien verament mejjet, hu ma setax irxoxta lilu nnifsu. Mill-banda l-oħra, kieku ma kienx verament mejjet, it-taparsi mewt tiegħu ma kinetx tħallas il-prezz tar-rahan għad-dnub taʼ Adam. Imma hu fil-fatt ħallas dak il-prezz bis-sħiħ bil-mewt ġenwina tiegħu. Mela kien “Alla [li] rxoxta [lil Ġesù] billi ħall il-weġgħat tal-mewt.” (Atti 2:24) Il-wieħed superjuri, Alla li Jistaʼ Kollox, qajjem lill-wieħed inqas, il-qaddej tiegħu Ġesù, mill-imwiet.
L-abbiltà taʼ Ġesù li jagħmel il-mirakli, bħal per eżempju li jirxoxta lin-nies, tindika li hu kien Alla? Sewwa, l-appostli u l-profeti Elija u Eliżew kellhom dik il-qawwa wkoll, imma dak m’għamilhomx iktar minn bnedmin. Alla ta l-qawwa biex jagħmlu l-mirakli lill-profeti, lil Ġesù, u lill-appostli biex juri li Hu kien qed jappoġġjahom. Imma l-qawwa m’għamlitx lil xi ħadd minnhom parti minn sustanza plurali t’Alla.
Ġesù Kellu Għarfien Limitat
META Ġesù ta l-profezija tiegħu dwar it-tmiem taʼ din is-sistema taʼ affarijiet, hu stqarr: “Imma dwar dak il-jum jew dik is-siegħa ħadd ma jaf, lanqas saħansitra l-anġli fis-sema, lanqas l-Iben, imma biss il-Missier.” (Mark 13:32, RS, edizzjoni Kattolika) Kieku Ġesù kien l-Iben ugwali parti minn sustanza t’Alla, hu kieku kien ikun jaf dak li jaf Missieru. Imma Ġesù ma kienx jaf, għax hu ma kienx ugwali m’Alla.
Bl-istess mod, naqraw f’Ebrej 5:8 li Ġesù “tgħallem l-ubbidjenza mill-affarijiet li sofra.” Nistgħu aħna nimmaġinaw li Alla kellu jitgħallem xi ħaġa? Le, imma Ġesù kellu, għax hu ma kienx jaf dak kollu li Alla kien jaf. U hu kellu jitgħallem xi ħaġa li Alla qatt m’għandu bżonn jitgħallem—l-ubbidjenza. Alla qatt ma jrid jobdi lil xi ħadd.
Id-differenza bejn dak li jaf Alla u dak li jaf Kristu wkoll eżistiet meta Ġesù ġie rxoxtat lejn is-sema biex ikun m’Alla. Innota l-ewwel kliem tal-aħħar ktieb tal-Bibbja: “Ir-rivelazzjoni taʼ Ġesù Kristu, li Alla tah.” (Rivelazzjoni 1:1, RS, edizzjoni Kattolika) Kieku Ġesù nnifsu kien parti minn sustanza t’Alla, kellu hu jiġi mogħti rivelazzjoni minn parti oħra mis-sustanza t’Alla—Alla? Ċertament kien ikun jaf kollox dwarha, għax Alla kien jaf. Imma Ġesù ma kienx jaf, għax hu ma kienx Alla.
Ġesù Jkompli Sottomess
FL-EŻISTENZA tiegħu qabel ma sar bniedem, u wkoll meta kien fuq l-art, Ġesù kien sottomess lejn Alla. Wara l-irxoxt tiegħu, hu jkompli jkun f’pożizzjoni sottomessa, sekondarja.
Billi tkellmu dwar l-irxoxt taʼ Ġesù, Pietru u dawk li kienu miegħu qalu lis-Sinedriju Lhudi: “Alla eżalta lil dan il-wieħed [Ġesù] . . . lejn il-leminija tiegħu.” (Atti 5:31) Pawlu qal: “Alla eżaltah lejn pożizzjoni superjuri.” (Filippin 2:9) Jekk Ġesù kien Alla, kif setaʼ Ġesù ġie eżaltat, jiġifieri, imgħolli għal pożizzjoni ogħla milli kien gawda qabel? Kieku kien ikun diġà parti eżaltata mit-Trinità. Jekk, qabel l-eżaltazzjoni tiegħu, Ġesù kien ugwali m’Alla, li jiġi eżaltat iktar minn hekk kien ikun ifisser li hu jsir superjuri għal Alla.
Pawlu qal ukoll li Kristu daħal fis-“sema nnifsu, sabiex setaʼ jidher fil-preżenza attwali t’Alla għan-nom tagħna.” (Ebrej 9:24, JB) Jekk inti tidher fil-preżenza taʼ xi ħadd ieħor, kif tistaʼ int tkun dik il-persuna? Ma tistax. Bil-fors li inti differenti u separat.
Bl-istess mod, sewwa sew qabel ma ġie mħaġġar għall-mewt, il-martri Stiefnu “ħares fiss lejn is-sema u ra b’għajnejh il-glorja t’Alla u lil Ġesù bil-wieqfa fuq il-leminija t’Alla.” (Atti 7:55) Biċ-ċar, hu ra żewġ individwi separati—imma ebda spirtu qaddis, ebda Trinità tas-sustanza t’Alla.
Fir-rakkont f’Rivelazzjoni 4:8 sa 5:7, Alla huwa muri bil-qiegħda fuq it-tron tiegħu tas-sema, imma Ġesù mhux. Hu jrid jersaq lejn Alla biex jieħu romblu minn id il-leminija t’Alla. Dan juri li fis-sema Ġesù mhux Alla imma huwa separat minnu.
Fi qbil maʼ dak li għidna, il-Bulletin of the John Rylands Library f’Manchester, l-Ingilterra, jistqarr: “Fil-ħajja tiegħu fis-sema wara l-irxoxt, Ġesù huwa mpinġi bħala li qed iżomm individwalità persunali li hi għalkollox distinta u separata mill-persuna t’Alla bħalma kienet tiegħu fil-ħajja tiegħu fuq l-art bħala Ġesù tal-art. Maʼ ġenb Alla u mqabbel m’Alla, hu jidher, tabilħaqq, bħala jerġaʼ esseri ieħor tas-sema fil-qorti tas-sema t’Alla, sewwa sew bħalma kienu l-anġli—għalkemm bħala l-Iben t’Alla, hu qiegħed f’kategorija differenti, u f’pożizzjoni ferm ’il fuq minnhom.”—Qabbel Filippin 2:11.
Il-Bulletin igħid ukoll: “Madankollu, dak li jingħad dwar il-ħajja u l-funzjonijiet tiegħu bħala l-Kristu ċelestjali la jfisser u lanqas jimplika li fl-istat divin hu qiegħed fl-istess livell maʼ Alla nnifsu u huwa għalkollox Alla. Għall-kuntrarju, fl-istampa tat-Testment il-Ġdid tal-persuna u l-ministeru tiegħu fis-sema aħna nilmħu figura kemm separata minn u kemm sottomessa lejn Alla.”
Fil-futur taʼ dejjem fis-sema, Ġesù se jkompli jkun qaddej separat u subordinat t’Alla. Il-Bibbja dan tesprimih b’dan il-mod: “Wara dak se jiġi t-tmiem, meta hu [Ġesù fis-sema] se jgħaddi s-saltna f’idejn Alla l-Missier . . . Imbagħad l-Iben innifsu se jkun issuġġettat lejn il-Wieħed li ssuġġetta kollox lejh, sabiex Alla jkun kollox f’kollox.”—1 Korintin 15:24, 28, NJB.
Ġesù Qatt ma Sostna li Hu Alla
IL-POŻIZZJONI tal-Bibbja hija ċara. Jehovah, Alla li Jistaʼ Kollox, mhux biss huwa personalità separata minn Ġesù imma Huwa dejjem superjuri għalih. Ġesù huwa dejjem ippreżentat bħala separat u inqas, qaddej umli t’Alla. Għalhekk il-Bibbja tgħid b’mod ċar li “r-ras tal-Kristu hu Alla” bl-istess mod li “r-ras taʼ kull raġel hu l-Kristu.” (1 Korintin 11:3) U kien għalhekk li Ġesù nnifsu qal: “Il-Missier hu akbar minni.”—Ġwann 14:28, RS, edizzjoni Kattolika.
Il-fatt hu li Ġesù mhux Alla u qatt ma sostna li hu. Dan qed jiġi rrikonoxxut minn numru li dejjem jiżdied taʼ studjużi. Bħalma jistqarr il-Bulletin taʼ Rylands: “Irid jiġi ffaċċjat il-fatt li riċerka tat-Testment il-Ġdid għal, ingħidu aħna, dawn l-aħħar tletin jew erbgħin sena qed twassal lil numru li dejjem jiżdied taʼ studjużi taʼ fama tat-Testment il-Ġdid għall-konklużjoni li Ġesù . . . ċertament qatt ma emmen li hu nnifsu kien Alla.”
Il-Bulletin igħid ukoll dwar Kristjani tal-ewwel seklu: “Meta, għalhekk, huma taw lil [Ġesù] titli taʼ unur bħal Kristu, Bin il-bniedem, Bin Alla u Mulej, dawn kienu modi kif igħidu mhux li hu kien Alla, imma li għamel ix-xogħol t’Alla.”
B’hekk, saħansitra xi studjuzi reliġjużi jammettu li l-ideja li Ġesù huwa Alla hija kontra t-testimonjanza kollha tal-Bibbja. Hemmhekk, Alla huwa dejjem il-wieħed superjuri, u Ġesù huwa l-qaddej subordinat.
[Kumment f’paġna 19]
‘Riċerka tat-Testment il-Ġdid qed twassal lil numru li dejjem jiżdied taʼ studjużi għall-konklużjoni li Ġesù ċertament qatt ma emmen li hu nnifsu kien Alla.’—Bulletin of the John Rylands Library
[Stampa f’paġna 17]
Ġesù qal lil-Lhud: “Jiena nżilt mis-sema biex nagħmel, mhux ir-rieda tiegħi, imma r-rieda taʼ dak li bagħatni.”—Ġwann 6:38
[Stampa f’paġna 18]
Meta Ġesù għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” żgur li ma kienx jemmen li hu nnifsu kien Alla