Il-Bibbja Xi Tgħid Dwar Alla u Ġesù?
Il-Bibbja Xi Tgħid Dwar Alla u Ġesù?
KIEKU n-nies kellhom jaqraw il-Bibbja minn qoxra sa qoxra mingħajr ebda ideja ffurmata minn qabel dwar xi Trinità, kienu huma se jaslu għal kunċett bħal dan waħedhom? Lanqas xejn.
Dak li joħroġ ċar ferm għal qarrej imparzjali hu li Alla waħdu huwa Dak li Jistaʼ Kollox, il-Ħallieq, separat u distint minn kull ħadd ieħor, u li Ġesù, saħansitra fl-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, huwa wkoll separat u distint, esseri maħluq, sottomess lejn Alla.
Alla Huwa Wieħed, Mhux Tlieta
IT-TAGĦLIM tal-Bibbja li Alla huwa wieħed hu msejjaħ monotejiżmu. U L. L. Paine, professur tal-istorja ekkleżjastika, jindika li l-monotejiżmu fil-forma l-iktar pura tiegħu ma jippermettix Trinità: “It-Testment il-Qadim huwa b’mod strett monotejistiku. Alla huwa esseri persunali u singolu. L-ideja li trinità trid tinsab hemmhekk . . . hija assolutament bla pedament.”
Kien hemm xi bidla mill-monotejiżmu wara li Ġesù ġie fuq l-art? Iwieġeb Paine: “Dwar dan il-punt m’hemmx differenza bejn it-Testment il-Qadim u l-Ġdid. It-tradizzjoni monotejistika tkompli. Ġesù kien Lhudi, imħarreġ minn ġenituri Lhud fl-Iskrittura tat-Testment il-Qadim. It-tagħlim tiegħu kien Lhudi sal-qalba tiegħu; vanġelu ġdid tabilħaqq, imma mhux teoloġija ġdida. . . . U hu aċċetta bħala t-twemmin tiegħu nnifsu l-kitba l-kbira tal-monotejiżmu Lhudi:
‘Ismaʼ, O Iżrael, il-Mulej Alla tagħna huwa Alla wieħed.’”Dak il-kliem kien jinstab f’Dewteronomju 6:4. In-New Jerusalem Bible (NJB) Kattolika hawn taqra: “Ismaʼ, Iżrael, Jaħweh Alla tagħna huwa l-wieħed, l-uniku Jaħweh.” a Fil-grammatika taʼ dak il-vers, il-kelma “wieħed” m’għandha ebda ħaġa li timmodifikaha fil-plural biex tissuġġerixxi li tfisser xi ħaġ’oħra ħlief individwu wieħed.
L-appostlu Kristjan Pawlu lanqas ma indika xi bidla fin-natura t’Alla, saħansitra wara li Ġesù ġie fuq l-art. Hu kiteb: “Alla huwa biss wieħed.”—Galatin 3:20; ara wkoll 1 Korintin 8:4-6.
Eluf taʼ drabi fil-Bibbja, Alla jiġi mitkellem bħala persuna waħda. Meta jitkellem, huwa bħala individwu wieħed li mhux maqsum. Il-Bibbja ma setgħetx tkun iktar ċara dwar dan. Bħalma jistqarr Alla: “Jiena Jehovah. Dak hu ismi; u lil ħadd ieħor ma se nagħti l-glorja tiegħi stess.” (Isaija 42:8) “Jiena Jaħweh Alla tiegħek . . . ma se jkollok ebda allat ħlief lili.” (Korsiv tagħna.)—Eżodu 20:2, 3, JB.
Il-kittieba kollha tal-Bibbja mnebbħin minn Alla għala kellhom jitkellmu dwar Alla bħala persuna waħda kieku fil-fatt kien tliet persuni? Xi skop kien iservi dak, ħlief li jiżżvija lin-nies? Ċertament, kieku Alla kien kompost minn tliet persuni, hu kien iġiegħel lill-kittieba tiegħu tal-Bibbja jagħmluha ċara b’mod abbundanti sabiex ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju dwarha. Tal-anqas il-kittieba tal-Iskrittura Griega Kristjana li kellhom kuntatt persunali mal-Iben stess t’Alla kellhom jagħmlu dan. Imma m’għamluhx.
Minflok, dak li l-kittieba tal-Bibbja għamluh ċar b’mod abbundanti hu li Alla huwa Persuna waħda—Esseri uniku, mhux maqsum, li m’għandu ’l ħadd ugwali miegħu: “Jiena Jehovah, u m’hemm ħadd ieħor. Bl-eċċezzjoni tiegħi, m’hemm ebda Alla.” (Isaija 45:5) “Int, li jismek Jehovah, inti waħdek l-Iktar Għoli fuq l-art kollha.”—Salm 83:18.
Mhux Alla fil-Plural
ĠESÙ sejjaħ lil Alla “l-uniku veru Alla.” (Ġwann 17:3) Qatt ma rrefera għal Alla bħala divinità taʼ iktar minn persuna waħda. Hu għalhekk li mkien fil-Bibbja ma hemm xi ħadd ħlief Jehovah li jissejjaħ Dak li Jistaʼ Kollox. Inkella, tiġi fix-xejn it-tifsira tal-frażi “dak li jistaʼ kollox.” La Ġesù u lanqas l-ispirtu qaddis ma qatt huma msejħin hekk, għax Jehovah waħdu huwa suprem. F’Ġenesi 17:1 hu jiddikjara: “Jiena Alla li Jistaʼ Kollox.” U Eżodu 18:11 igħid: “Jehovah huwa akbar mill-allat l-oħra kollha.”
Fl-Iskrittura Ebrajka, il-kelma ’elohʹah (alla) għandha żewġ forom fil-plural, jiġifieri, ’elo·himʹ (allat) u ’elo·hehʹ (allat taʼ). Dawn il-forom fil-plural ġeneralment jirreferu għal Jehovah, f’liema każ huma tradotti fis-singular bħala “Alla.” Dawn il-forom fil-plural jindikaw Trinità? Le, ma jindikawx. F’A Dictionary of the Bible, William Smith igħid: “L-ideja immaġinata li [’elo·himʹ] kienet tirreferi għat-trinità taʼ persuni fis-sustanza t’Alla bil-kemm issib wieħed li jappoġġjaha fost l-istudjużi. Hija jew dak li l-istudjużi tal-grammatika jsejħulha l-plural tal-majestà, jew tindika l-milja taʼ saħħa divina, it-total tal-qawwiet murijin minn Alla.”
The American Journal of Semitic Languages and Literatures igħid dwar ’elo·himʹ: “Hija kważi dejjem imlaqqaʼ maʼ predikat verbali fis-singular, u tieħu attribut tal-aġġettiv fis-singular.” Biex nagħtu eżempju taʼ dan, it-titlu ’elo·himʹ jidher 35 darba waħdu fir-rakkont tal-ħolqien, u kull darba l-verb li jiddeskrivi dak li Alla qal u għamel huwa fis-singular. (Ġenesi 1:1–2:4) B’hekk, dik il-pubblikazzjoni tikkonkludi: “[’Elo·himʹ] trid minflok tiġi spjegata bħala plural intensiv, li jindika kobor u majestà.”
’Elo·himʹ tfisser, mhux “persuni,” imma “allat.” Mela dawk li jargumentaw li din il-kelma timplika Trinità qed jagħmlu lilhom infushom politejisti, jiġifieri nies li jqimu lil iktar minn Alla wieħed. Għala? Għaliex ikun ifisser li hemm tliet allat fit-Trinità. Imma kważi dawk kollha li jappoġġjaw it-Trinità jiċħdu l-fehma li t-Trinità hi magħmula minn tliet allat separati.
Il-Bibbja tuża wkoll il-kelmiet ’elo·himʹ u ’elo·hehʹ meta tirreferi għal għadd taʼ allat-idoli foloz. (Eżodu 12:12; 20:23) Imma fi drabi oħra tistaʼ tirreferi għal alla falz wieħed, bħal meta l-Filistej irreferew għal “Dagon alla [’elo·hehʹ] tagħhom.” (Imħallfin 16:23, 24) Baal hu msejjaħ “alla [’elo·himʹ].” (1 Slaten 18:27) Ukoll, it-terminu huwa wżat għal bnedmin. (Salm 82:1, 6) Mosè ntqallu biex jaqdi bħala “Alla” [’elo·himʹ] għal Aronne u għal Farawni.—Eżodu 4:16; 7:1.
Ovvjament, l-użu tat-titli ’elo·himʹ u ’elo·hehʹ għal allat foloz, u saħansitra għal bnedmin, ma implikax li kull wieħed kien pluralità taʼ allat; u lanqas ma jfisser l-applikar taʼ ’elo·himʹ u ’elo·hehʹ għal Jehovah li hu iktar minn persuna waħda, speċjalment meta nikkunsidraw it-testimonjanza tal-bqija tal-Bibbja dwar dan is-suġġett.
Ġesù Ħolqien Separat
WAQT li kien fuq l-art, Ġesù kien bniedem, għalkemm wieħed perfett peress li kien Alla li ttrasferixxa l-forza tal-ħajja taʼ Ġesù lejn il-ġuf taʼ Marija. (Mattew 1:18-25) Imma hu mhux hekk beda. Hu nnifsu ddikjara li kien ‘niżel mis-sema.’ (Ġwann 3:13) Mela kienet biss ħaġa naturali li hu iktar tard kellu jgħid lis-segwaċi tiegħu: “Xi ngħidu jekk kellkom taraw lil Bin il-bniedem [Ġesù] tielaʼ lejn fejn kien qabel?”—Ġwann 6:62, NJB.
B’hekk, Ġesù kien jeżisti fis-sema qabel ġie fuq l-art. Imma kien bħala wieħed mill-persuni taʼ Sustanza trijuna taʼ Alla etern u li jistaʼ kollox? Le, għax il-Bibbja tistqarr b’mod ċar li fl-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, Ġesù kien esseri spirtu maħluq, sewwa sew bħalma l-anġli kienu esseri spirti maħluqin minn Alla. La l-anġli u lanqas Ġesù ma kienu eżistew qabel il-ħolqien tagħhom.
Ġesù, fl-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, kien “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu.” (Kolossin 1:15, NJB) Hu kien “il-bidu tal-ħolqien t’Alla.” (Rivelazzjoni 3:14, RS, edizzjoni Kattolika) “Il-bidu” [bil-Grieg, ar·kheʹ] ma jistax bi dritt jiġi interpretat li jfisser li Ġesù kien ‘dak li ta bidu’ lill-ħolqien t’Alla. Fil-kitbiet Bibliċi tiegħu, Ġwanni juża diversi forom tal-kelma Griega ar·kheʹ iktar minn 20 darba, u dawn dejjem għandhom it-tifsir komuni taʼ “bidu.” Iva, Ġesù kien maħluq minn Alla bħala l-bidu tal-ħolqien inviżibbli t’Alla.
Innota kemm dawk ir-referenzi għall-bidu taʼ Ġesù jikkorrelataw maʼ espressjonijiet imlissna mill-“Għerf” figurattiv fil-ktieb Bibliku taʼ Proverbji: “Jaħweh ħalaqni, l-ewwel frott tal-immudellar tiegħu, qabel l-eqdem mix-xogħlijiet tiegħu. Qabel ma l-muntanji tqiegħdu f’posthom, qabel il-għoljiet, jien twelidt; qabel ma kien għamel l-art, il-kampanja, u l-ewwel elementi tad-dinja.” (Proverbji 8:12, 22, 25, 26, NJB) Waqt li t-terminu “Għerf” huwa wżat biex jippersonfika lill-wieħed li lilu Alla ħalaq, il-biċċa l-kbira tal-istudjużi jaqblu li fil-fatt huwa espressjoni li tirreferi għal Ġesù bħala ħlejqa spirtu qabel l-eżistenza tiegħu bħala bniedem.
Bħala l-“Għerf” fl-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, Ġesù jissokta jgħid li hu kien “maʼ genbu [t’Alla], imgħallem tas-sengħa.” (Proverbji 8:30, JB) Fi qbil maʼ din il-kariga tiegħu bħala mgħallem tas-sengħa, Kolossin 1:16 igħid dwar Ġesù li “permezz tiegħu Alla ħalaq kollox fis-sema u fuq l-art.”—Today’s English Version (TEV).
Mela kien permezz taʼ dan l-imgħallem tas-sengħa, is-sieħeb iż-żgħir tiegħu, biex ingħidu hekk, li Alla li Jistaʼ Kollox ħalaq l-affarijiet l-oħra kollha. Il-Bibbja tiġbor fil-qosor il-kwistjoni b’dan il-mod: “Għalina hemm Alla wieħed, il-Missier, li minnu huma l-affarijiet kollha . . . u Mulej wieħed, Ġesù Kristu li permezz tiegħu huma l-affarijiet kollha.” (Korsiv tagħna.)—1 Korintin 8:6, RS, edizzjoni Kattolika.
Kien bla dubju lil dan l-imgħallem tas-sengħa li Alla qal: “Ejja nagħmlu lill-bniedem fi xbiha tagħna.” (Ġenesi 1:26) Xi wħud sostnew li l-kelmiet “nagħmlu” u “tagħna” f’din l-espressjoni jindikaw Trinità. Imma kieku kellek tgħid, ‘Ejja nagħmlu xi ħaġa għalina nfusna,’ ħadd normalment ma kien jifhem li dan jimplika li diversi persuni huma magħqudin bħala wieħed ġewwa fik. Int sempliċement trid tfisser li tnejn jew iktar individwi se jaħdmu flimkien fuq xi ħaġa. Mela, ukoll, meta Alla uża “nagħmlu” u “tagħna,” hu kien sempliċement qed jindirizza individwu ieħor, l-ewwel ħolqien spirtu tiegħu, l-imgħallem tas-sengħa, Ġesù qabel ma sar bniedem.
Setaʼ Alla Jiġi Ttantat?
F’MATTEW 4:1, Ġesù huwa mitkellem bħala li ġie “ttantat mix-Xitan.” Wara li lil Ġesù wrieh “is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom,” Satana qal: “Dawn l-affarijiet kollha se nagħtihomlok jekk int taqaʼ ’l isfel u tagħmel att taʼ qima lili.” (Mattew 4:8, 9) Satana kien qed jipprova jġiegħel lil Ġesù ma jibqax lejali lejn Alla.
Imma liema prova taʼ lejaltà kienet tkun dik kieku Ġesù kien Alla? Setaʼ Alla jirribella kontra tiegħu nnifsu? Le, imma anġli u bnedmin setgħu jirribellaw kontra Alla u hekk għamlu. It-tentazzjoni taʼ Ġesù kienet tagħmel sens biss jekk hu kien, mhux Alla, imma individwu separat li kellu r-rieda ħielsa tiegħu stess, wieħed li setaʼ ma kienx lejali kieku għażel li jkun hekk, bħalma hu anġlu jew bniedem.
Mill-banda l-oħra, wieħed ma jistax jimmaġina li Alla setaʼ jidneb u ma jkunx lejali lejh innifsu. “Perfetta hi l-attività tiegħu . . . Alla taʼ fedeltà, . . . taʼ tjieba u dritt hu.” (Dewteronomju 32:4) Mela jekk Ġesù kien Alla, hu ma setax jiġi ttantat.—Ġakbu 1:13.
Billi ma kienx Alla, Ġesù setaʼ ma jibqax lejali. Imma hu baqaʼ lejali, billi qal: “Mur ’il hemm, Satana! Għax hu miktub, ‘Hu lil Jehovah Alla tiegħek li trid tqim, u hu lilu biss li trid tagħti servizz sagru.’”—Mattew 4:10.
Kemm Kien ir-Rahan?
WAĦDA mir-raġunijiet prinċipali għala Ġesù ġie fuq l-art ukoll għandha effett dirett fuq it-Trinità. Il-Bibbja tistqarr: “Hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-bnedmin, bniedem, Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala rahan li jikkorrispondi għal kulħadd.”—1 Timotew 2:5, 6.
Ġesù, li ma kien xejn inqas jew iktar minn bniedem perfett, sar rahan li kkumpensa eżatt għal dak li tilef Adam—id-dritt għal ħajja umana perfetta fuq l-art. Mela Ġesù setaʼ bi dritt jiġi msejjaħ “l-aħħar Adam” mill-appostlu Pawlu, li qal fl-istess kuntest: “Sewwa sew bħalma f’Adam ilkoll qed imutu, hekk ukoll fil-Kristu lkoll se jintgħamlu ħajjin.” (1 Korintin 15:22, 45) Il-ħajja umana u perfetta taʼ Ġesù kienet ir-“rahan li jikkorrispondi” meħtieġ mill-ġustizzja divina—xejn iktar u xejn inqas. Prinċipju bażiku saħansitra tal-ġustizzja umana huwa li l-prezz imħallas għandu jkun skond l-iżball li jkun twettaq.
Jekk Ġesù, madankollu, kien parti minn sustanza t’Alla, il-prezz tar-rahan kien ikun ogħla b’mod infinit minn dak li kien meħtieġ mil-Liġi t’Alla stess. (Eżodu 21:23-25; Levitiku 24:19-21) Kien biss bniedem perfett, Adam, li dineb f’Għeden, mhux Alla. Mela r-rahan, biex ikun verament fi qbil mal-ġustizzja t’Alla, kellu jkun strettament ekwivalenti—bniedem perfett, “l-aħħar Adam.” B’hekk, meta Alla bagħat lil Ġesù fuq l-art bħala r-rahan, lil Ġesù għamlu dak li kellu jissodisfa l-ġustizzja, mhux inkarnazzjoni, mhux alla-bniedem, imma bniedem perfett, “iktar baxx mill-anġli.” (Ebrej 2:9; qabbel Salm 8:5, 6.) Kif setgħet xi parti mis-sustanza taʼ Alla li jistaʼ kollox—Missier, Iben, jew spirtu qaddis—qatt tkun iktar baxxa mill-anġli?
Kif l-“Iben Uniġenitu”?
IL-BIBBJA ssejjaħ lil Ġesù l-“Iben uniġenitu” t’Alla. (Ġwann 1:14; 3:16, 18; 1 Ġwann 4:9) Trinitarjani jgħidu li ladarba Alla huwa etern, mela l-Iben t’Alla huwa etern. Imma kif jistaʼ wieħed ikun Iben u fl-istess ħin ikun xiħ daqs missieru?
It-Trinitarjani jsostnu li fil-każ taʼ Ġesù, “uniġenitu” ma hux l-istess bħad-definizzjoni taʼ “ġenitar” (jew “tnissil”) fid-dizzjunarju, li hi “li tiled bħala l-missier.” (Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary) Huma jgħidu li fil-każ taʼ Ġesù tfisser “is-sens taʼ relazzjoni mingħajr oriġini,” speċi taʼ relazzjoni taʼ iben uniku mingħajr il-ġenitar, jew it-tnissil. (Vine’s Expository Dictionary of Old and New Testament Words) Huwa loġiku dak għalik? Jistaʼ raġel jiled iben mingħajr ma jiġġenitah, jew inisslu?
Iktar minn hekk, il-Bibbja għala tuża l-istess kelma Griega għal “uniġenitu” (bħalma Vine jammetti mingħajr ebda spjegazzjoni) biex tiddeskrivi r-relazzjoni taʼ bejn Iżakk u Abraham? Ebrej 11:17 jitkellem dwar Iżakk bħala l-“iben uniġenitu” taʼ Abraham. Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li fil-każ taʼ Iżakk, hu kien uniġenitu fis-sens normali, la ugwali fiż-żmien u lanqas fil-pożizzjoni maʼ missieru.
Il-kelma bażika Griega għal “uniġenitu” wżata għal Ġesù u għal Iżakk hi mo·no·ge·nesʹ, minn moʹnos, li tfisser “biss,” u giʹno·mai, l-għerq taʼ kelma li tfisser “li tiġġenera,” “li tnissel,” “li ssir (tiġi fl-eżistenza),” tistqarr l-Exhaustive Concordance taʼ Strong. Għalhekk, mo·no·ge·nesʹ hija definita bħala: “L-uniku mwieled, l-uniġenitu, i.e. l-uniku iben.”—A Greek and English Lexicon of the New Testament, minn E. Robinson.
It-Theological Dictionary of the New Testament, editjat minn Gerhard Kittel, igħid: “[Mo·no·ge·nesʹ] tfisser ‘taʼ dixxendenza unika,’ i.e., mingħajr aħwa subien jew bniet.” Dan il-ktieb jistqarr ukoll li fi Ġwann 1:18; 3:16, 18; u fl-1 Ġwann 4:9, “ir-relazzjoni taʼ Ġesù mhix sempliċement imqabbla maʼ dik taʼ iben uniku maʼ missieru. Hija r-relazzjoni tal-uniġenitu mal-Missier.”
Mela Ġesù, l-Iben uniġenitu, kellu bidu għal ħajtu. U Alla li Jistaʼ Kollox jistaʼ bi dritt jiġi msejjaħ Dak li Ġġenitah, jew Missier, fl-istess sens li missier tal-art, bħal Abraham, jiġġenita (jew inissel) iben. (Ebrej 11:17) Għalhekk, meta l-Bibbja titkellem dwar Alla bħala l-Missier taʼ Ġesù hi tfisser dak li tgħid—li huma żewġ individwi separati. Alla huwa l-kbir. Ġesù huwa ż-żgħir—fiż-żmien, fil-pożizzjoni, fil-qawwa, u fil-għarfien.
Meta wieħed iqis li Ġesù ma kienx l-uniku iben spirtu taʼ Alla maħluq fis-sema, isir evidenti għala t-terminu “iben uniġenitu” kien użat fil-każ tiegħu. Numru bla għadd taʼ esseri spirti maħluqin oħra, anġli, ukoll huma msejħin “ulied Alla,” fl-istess sens li Adam kien, għaliex il-forza tal-ħajja tagħhom oriġinat minn Alla Jehovah, il-Għajn, jew is-Sors, tal-ħajja. (Ġob 38:7; Salm 36:9; Luqa 3:38) Imma dawn kienu maħluqin kollha permezz tal-“Iben uniġenitu,” li kien l-uniku wieħed iġġenitat direttament minn Alla.—Kolossin 1:15-17.
Kien Ġesù Meqjus li Hu Alla?
WAQT li Ġesù huwa spiss imsejjaħ l-Iben t’Alla fil-Bibbja, ħadd fl-ewwel seklu ma qatt ħaseb dwaru bħala li hu Alla l-Iben. Saħansitra d-demonji, li ‘jemmnu li hemm Alla wieħed,’ kienu jafu mill-esperjenza tagħhom fil-qasam tal-ispirti li Ġesù ma kienx Alla. Mela, b’mod korrett, huma indirizzaw lil Ġesù bħala “l-Iben t’Alla” separat. (Ġakbu 2:19; Mattew 8:29) U meta Ġesù miet, is-suldati Rumani pagani li kienu bil-wieqfa hemm kienu jafu biżżejjed biex igħidu li dak li kienu semgħu mingħand is-segwaċi tiegħu bil-fors li hu sewwa, mhux li Ġesù kien Alla, imma li “ċertament dan kien l-Iben t’Alla.”—Mattew 27:54.
Għalhekk, il-frażi “Iben t’Alla” tirreferi għal Ġesù bħala esseri maħluq separat, mhux bħala parti minn Trinità. Bħala l-Iben t’Alla, hu ma setax ikun Alla nnifsu, għax Ġwann 1:18 igħid: “Ħadd qatt ma ra ’l Alla.”—RS, edizzjoni Kattolika.
Id-dixxipli kienu jħarsu lejn Ġesù bħala l-“medjatur wieħed bejn Alla u l-bnedmin,” mhux bħala Alla nnifsu. (1 Timotew 2:5) Ladarba skond id-definizzjoni medjatur huwa xi ħadd separat minn dawk li għandhom bżonn taʼ medjazzjoni, kienet tkun kontradizzjoni li Ġesù jkun entità waħda maʼ wieħed miż-żewġ naħat li hu qed jipprova jirrikonċilja. Dan kien ikun pretenzjoni taʼ xi ħaġa li ma hux.
Il-Bibbja hija ċara u konsistenti dwar ir-relazzjoni taʼ Alla maʼ Ġesù. Alla Jehovah waħdu huwa li Jistaʼ Kollox. Hu ħalaq lil Ġesù direttament qabel ma sar bniedem. B’hekk, Ġesù kellu bidu u qatt ma setaʼ jkun ko-ugwali maʼ Alla fil-qawwa jew fl-eternità.
[Nota taʼ taħt]
a L-isem t’Alla huwa tradott “Jaħweh” f’xi traduzzjonijiet, u f’xi oħrajn “Jehovah.”
[Kumment f’paġna 14]
Billi kien maħluq minn Alla, Ġesù qiegħed f’pożizzjoni sekondarja fiż-żmien, fil-qawwa u fil-għarfien
[Stampa f’paġna 15]
Ġesù qal li kien jeżisti qabel ma sar bniedem, billi ġie maħluq minn Alla bħala l-bidu tal-ħolqien inviżibbli t’Alla