Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-Ispirtu Qaddis—il-Forza Attiva t’Alla

L-Ispirtu Qaddis—il-Forza Attiva t’Alla

L-​Ispirtu Qaddis​—il-​Forza Attiva t’Alla

SKOND id-​duttrina tat-​Trinità, l-​ispirtu qaddis huwa t-​tielet persuna taʼ sustanza t’Alla, ugwali mal-​Missier u mal-​Iben. Bħalma jgħid il-​ktieb Our Orthodox Christian Faith: “L-​Ispirtu s-​Santu huwa totalment Alla.”

Fl-Iskrittura Ebrajka, il-​kelma li tintuża l-​iktar taʼ spiss għal “spirtu” hija ruʹach, li tfisser “nifs; riħ; spirtu.” Fl-​Iskrittura Griega, il-​kelma hija pneuʹma, u għandha tifsir simili. Jindikaw dawn il-​kelmiet li l-​ispirtu qaddis huwa parti minn Trinità?

Forza Attiva

L-​UŻU mill-​Bibbja tal-​kelma “spirtu qaddis” jindika li huwa forza kkontrollata li Alla Jehovah juża biex iwettaq varjetà mill-​għanijiet tiegħu. Sa ċertu punt, jistaʼ jiġi mqabbel mal-​elettriku, forza li tistaʼ tiġi adattata biex twettaq varjetà kbira taʼ ħidmiet.

F’Ġenesi 1:2 il-​Bibbja tgħid li “l-​forza attiva [“spirtu” (Ebrajk, ruʹach)] t’Alla kienet qed titħarrek ’il hawn u ’l hinn fuq wiċċ l-​ilmijiet.” Hawnhekk, l-​ispirtu t’Alla kien il-​forza attiva tiegħu li kienet qed taħdem biex issawwar l-​art.

Alla juża l-​ispirtu tiegħu biex idawwal lil dawk li jaqduh. David talab: “Għallimni nagħmel ir-​rieda tiegħek, għax inti Alla tiegħi. L-​ispirtu [ruʹach] tiegħek tajjeb; jalla jmexxini fl-​art tal-​waqfa dritta.” (Salm 143:10) Meta 70 raġel kapaċi ġew maħturin biex igħinu lil Mosè, Alla qallu: “Se jkolli nieħu ftit mill-​ispirtu [ruʹach] li qiegħed fuqek u npogġih fuqhom.”​—Numri 11:17.

Il-Bibbja kienet miktuba meta rġiel t’Alla kienu “mmexxijin mill-​ispirtu qaddis [Grieg, minn pneuʹma].” (2 Pietru 1:​20, 21) B’dan il-​mod il-​Bibbja kienet “imnebbħa minn Alla,” u l-​kelma Griega għal din l-​espressjoni hi The·oʹpneu·stos, li tfisser “bin-​nifs t’Alla.” (2 Timotew 3:16) U spirtu qaddis iggwida lil ċerti nies biex jaraw viżjonijiet jew biex ikollhom ħolm profetiku.​—2 Samwel 23:2; Ġojeli 2:​28, 29; Luqa 1:67; Atti 1:16; 2:​32, 33.

L-ispirtu qaddis ġiegħel lil Ġesù jmur ġewwa x-​xagħri wara l-​magħmudija tiegħu. (Mark 1:12) L-​ispirtu kien bħal nar ġewwa l-​qaddejja t’Alla, u b’hekk dik il-​forza tathom l-​enerġija. U permezz tagħha huma setgħu jitkellmu bi qlubija u bil-​kuraġġ.​—Mikea 3:8; Atti 7:​55-60; 18:25; Rumani 12:11; 1 Tessalonkin 5:19.

Bl-ispirtu tiegħu, Alla jwettaq il-​ġudizzji tiegħu fuq bnedmin u ġnus. (Isaija 30:​27, 28; 59:​18, 19) U l-​ispirtu t’Alla jistaʼ jilħaq kullimkien, billi jaġixxi favur in-​nies jew kontra tagħhom.​—Salm 139:​7-12.

‘Qawwa Iktar min-​Normali’

L-​ISPIRTU t’Alla jistaʼ jagħti wkoll “qawwa iktar minn dak li hu normali” lil dawk li jaqduh. (2 Korintin 4:7) Permezz tagħha huma jkunu jistgħu jissaportu provi taʼ fidi jew jagħmlu affarijiet li mingħajrha kieku ma jagħmluhomx.

Per eżempju, rigward Sansun, Imħallfin 14:6 jirrakkonta: “L-​ispirtu taʼ Yaħweh ħatfu, u għalkemm ma kellu ebda arma f’idu hu qattaʼ lill-​iljun f’biċċiet.” (JB) Kien hemm xi persuna divina li fil-​fatt daħlet fi jew ħatfet lil Sansun, billi mmanuvrat lil ġismu biex jagħmel dak li għamel? Le, kienet tassew “il-​qawwa tal-​MULEJ [li] saħħet lil Sansun.”​—TEV.

Il-Bibbja tgħid li meta Ġesù ġie mgħammed, spirtu qaddis niżel fuqu u deher bħal ħamiema, mhux bħal forma umana. (Mark 1:10) Permezz taʼ din il-​forza attiva t’Alla Ġesù setaʼ jfejjaq lill-​morda u jirxoxta lill-​mejtin. Bħalma jgħid Luqa 5:17: “Il-​Qawwa tal-​Mulej [Alla] kienet wara x-​xogħlijiet taʼ fejqan tiegħu [taʼ Ġesù].”​—JB.

L-ispirtu t’Alla wkoll ta l-​qawwa lid-​dixxipli taʼ Ġesù biex jagħmlu affarijiet mirakolużi. Atti 2:​1-4 jirrakkonta li d-​dixxipli kienu miġburin flimkien nhar Pentekoste meta “f’daqqa waħda seħħ mis-​sema ħoss sewwa sew bħal dak taʼ żiffa qawwija, . . . u huma lkoll saru mimlijin bi spirtu qaddis u bdew jitkellmu b’ilsna differenti, sewwa sew bħalma l-​ispirtu kien qed jagħtihom biex jistqarru b’fommhom.”

Mela l-​ispirtu qaddis ta lil Ġesù u lil qaddejja oħra t’Alla l-​qawwa biex jagħmlu dak li l-​bnedmin ordinarjament ma setgħux jagħmlu.

Mhux Persuna

M’HEMMX, madankollu, versi tal-​Bibbja li jitkellmu dwar l-​ispirtu qaddis b’termini persunali? Iva, imma nnota x’igħid it-​teologu Kattoliku Edmund Fortman dwar dan f’The Triune God: “Għalkemm dan l-​ispirtu spiss jiġi deskritt b’termini persunali, jidher ċar mhux ħażin li l-​kittieba sagri [tal-Iskrittura Ebrajka] qatt ma ħasbu dwar jew ippreżentaw lil dan l-​ispirtu bħala persuna distinta.”

Fl-Iskrittura mhix ħaġa rari li xi ħaġa tiġi ppersonifikata. Il-​għerf jintqal li għandu l-​ulied. (Luqa 7:35) Id-​dnub u l-​mewt huma msejħin slaten. (Rumani 5:​14, 21) F’Ġenesi 4:7 The New English Bible (NE) tgħid: “Id-​dnub huwa demonju lest biex jaqbeż wara l-​bieb,” billi tippersonifika lid-​dnub bħala spirtu mill-​agħar li lest biex jaqbeż wara l-​bieb taʼ Kajjin. Imma, m’għandniex xi ngħidu, id-​dnub m’huwiex persuna spirtu; u lanqas li wieħed jippersonifika lill-​ispirtu qaddis ma jagħmlu persuna spirtu.

Bl-istess mod, fl-​1 Ġwann 5:​6-8 (NE) mhux biss l-​ispirtu imma wkoll “l-​ilma, u d-​demm” jintqal li huma “xhieda.” Imma l-​ilma u d-​demm ovvjament m’humiex persuni, u lanqas l-​ispirtu qaddis ma hu persuna.

Fi qbil maʼ dan hemm l-​użu ġenerali mill-​Bibbja tal-​kliem “spirtu qaddis” b’mod impersonali, bħal meta xxebbhu mal-​ilma u n-​nar. (Mattew 3:11; Mark 1:8) In-​nies huma mħeġġin biex jimtlew bl-​ispirtu qaddis minflok bl-​inbid. (Efesin 5:18) Jiġu mitkellma bħala li huma mimlijin bl-​ispirtu qaddis bl-​istess mod bħalma huma mimlijin bi kwalitajiet bħall-​għerf, il-​fidi, u l-​ferħ. (Atti 6:3; 11:24; 13:52) U fit-​2 Korintin 6:6 l-​ispirtu qaddis hu inkluż fost għadd taʼ kwalitajiet. Espressjonijiet bħal dawn ma kinux ikunu daqshekk komuni kieku l-​ispirtu qaddis kien fil-​fatt persuna.

Imbagħad, ukoll, waqt li xi testi tal-​Bibbja jgħidu li l-​ispirtu jitkellem, testi oħra juru li dan fil-​fatt sar permezz taʼ bnedmin jew anġli. (Mattew 10:​19, 20; Atti 4:​24, 25; 28:25; Ebrej 2:2) L-​azzjoni tal-​ispirtu f’każi bħal dawn hija bħal dik taʼ sinjali tar-​radju li jittrasmettu messaġġi minn persuna waħda għal oħra ferm ’il bogħod.

F’Mattew 28:19 issir referenza għal “l-​isem . . . tal-​ispirtu qaddis.” Imma l-​kelma “isem” ma tfissirx dejjem isem persunali, kemm fil-​Grieg u kemm fl-​Ingliż. Meta ngħidu “f’isem il-​liġi,” ma nkunux qed nirreferu għal persuna. Irridu nfissru dak li l-​liġi tirrappreżenta, l-​awtorità tagħha. Il-​Word Pictures in the New Testament taʼ Robertson igħid: “L-​użu tal-​isem (onoma) hawn huwa wieħed komuni fis-​Settwaġinta u fil-​papiri għal qawwa jew awtorità.” Mela magħmudija ‘fl-​isem tal-​​ispirtu qaddis’ tirrikonoxxi l-​awtorità tal-​​ispirtu, li ġej minn Alla u jiffunzjona bir-​rieda divina.

“Dak li Jgħin”

ĠESÙ tkellem dwar l-​ispirtu qaddis bħala “dak li jgħin,” u hu qal li l-​ispirtu kellu jgħallem, jiggwida, u jitkellem. (Ġwann 14:​16, 26; 16:13) Il-​kelma Griega li hu uża għal wieħed li jgħin (pa·raʹkle·tos) qiegħda fil-​ġeneru maskil. Mela meta Ġesù rrefera għal dak li kellu jagħmel dak li jgħin, hu uża pronomi persunali maskili. (Ġwann 16:​7, 8) Mill-​banda l-​oħra, meta tiġi wżata l-​kelma newtra Griega għal spirtu (pneuʹma), il-​pronom newtru bl-​Ingliż “it” jiġi b’mod xieraq użat.

Il-biċċa l-​kbira tat-​tradutturi li jemmnu fit-​Trinità jaħbu dan il-​fatt, bħalma tammetti n-​New American Bible Kattolika rigward Ġwann 14:17: “Il-​kelma Griega għal ‘Spirtu’ hija newtra, u waqt li aħna nużaw pronomi persunali bl-​Ingliż (‘he,’ ‘his,’ ‘him’), il-​biċċa l-​kbira tal-​[manuskritti] Griegi MSS jużaw ‘it.’”

Mela meta l-​Bibbja tuża pronomi persunali maskili f’konnessjoni maʼ pa·raʹkle·tos fi Ġwann 16:​7, 8, tkun qed taqbel maʼ regoli tal-​grammatika, mhux tesprimi xi duttrina.

Ebda Parti minn Trinità

DIVERSI sorsi jirrikonoxxu li l-​Bibbja ma tappoġġjax l-​ideja li l-​ispirtu qaddis huwa t-​tielet persuna taʼ xi Trinità. Per eżempju:

The Catholic Encyclopedia: “Imkien fit-​Testment il-​Qadim ma nsibu xi indikazzjoni ċara tat-​Tielet Persuna.”

It-teologu Kattoliku Fortman: “Il-​Lhud qatt ma qiesu lill-​ispirtu bħala persuna; lanqas ma hemm xi evidenza solida li xi kittieb tat-​Testment il-​Qadim kellu din l-​ideja. . . . L-​Ispirtu Qaddis huwa ppreżentat ġeneralment fis-​Sinoptiċi [Vanġeli] u fl-​Atti bħala forza jew qawwa divina.”

In-New Catholic Encyclopedia: “It-​T[estment il-​]Q[adim] biċ-​ċar ma jagħtix stampa tal-​ispirtu t’Alla bħala persuna . . . L-​ispirtu t’Alla huwa sempliċement il-​qawwa t’Alla. Jekk kultant jiġi rrappreżentat bħala li huwa distint minn Alla, huwa għaliex in-​nifs taʼ Yaħweh jaġixxi b’mod esterjuri.” Tgħid ukoll: “Il-​parti l-​kbira tat-​testi tat-​T[estment il-​]Ġ[did] jirrivelaw lill-​ispirtu t’Alla bħala xi ħaġa mhux xi ħadd; dan jidher b’mod speċjali fix-​xebh li hemm bejn l-​ispirtu u l-​qawwa t’Alla.”​—Korsiv tagħna.

A Catholic Dictionary: “Meta tikkunsidra kollox, it-​Testment il-​Ġdid, bħall-​Qadim, jitkellem dwar l-​ispirtu bħala enerġija jew qawwa divina.”

Għalhekk, la l-​Lhud u lanqas il-​Kristjani bikrin ma qiesu lill-​ispirtu qaddis bħala parti minn Trinità. Dak it-​tagħlim ġie sekli wara. Bħalma jinnota A Catholic Dictionary: “It-​tielet Persuna ġiet iddikjarata f’Konċilju taʼ Lixandra fis-​sena 362 . . . u fl-​aħħarnett mill-​Konċilju taʼ Kostantinopli tas-​sena 381”​—xi tliet sekli u nofs wara li l-​ispirtu qaddis mela lid-​dixxipli f’Pentekoste!

Le, l-​ispirtu qaddis mhux persuna u mhux parti minn Trinità. L-​ispirtu qaddis huwa l-​forza attiva t’Alla li hu juża biex iwettaq ir-​rieda tiegħu. M’huwiex ugwali m’Alla imma qiegħed dejjem għad-​dispożizzjoni tiegħu u huwa subordinat lejh.

[Kumment f’paġna 22]

“Meta tikkunsidra kollox, it-​Testment il-​Ġdid, bħall-​Qadim, jitkellem dwar l-​ispirtu bħala enerġija jew qawwa divina.”​—A Catholic Dictionary

[Stampi f’paġna 21]

Darba minnhom l-​ispirtu qaddis deher bħala ħamiema. Darb’oħra deher bħal ilsna tan-​nar​—qatt bħala persuna