Qim lil Alla Kif Irid Hu
Qim lil Alla Kif Irid Hu
ĠESÙ qal f’talba lil Alla: “Dan ifisser il-ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku veru Alla, u dwar dak li inti bgħatt, Ġesù Kristu.” (Ġwann 17:3) Liema xorta taʼ għarfien? “Ir-rieda [t’Alla] hi li kull xorta taʼ bnedmin għandhom jiġu salvati u jaslu għal għarfien eżatt tal-verità.” (1 Timotew 2:4) The Amplified Bible jittraduċi l-aħħar frażi b’dan il-mod: “Ikunu jafu b’mod preċiż u b’mod korrett il-Verità [divina].”
Mela Alla jridna nkunu nafu lilu u lill-għanijiet tiegħu b’mod eżatt, fi qbil mal-verità divina. U l-Kelma t’Alla, il-Bibbja Mqaddsa, hija s-sors taʼ dik il-verità. (Ġwann 17:17; 2 Timotew 3:16, 17) Meta n-nies isiru jafu b’mod eżatt dak li l-Bibbja tgħid dwar Alla, allura m’humiex se jkunu bħal dawk imsemmijin f’Rumani 10:2, 3, li kellhom “żelu għal Alla; imma mhux skond il-għarfien eżatt.” Jew bħas-Samaritani, li lilhom Ġesù qal: “Intom tqimu lil dak li ma tafux.”—Ġwann 4:22.
Għalhekk, jekk irridu l-approvazzjoni t’Alla, irridu nistaqsu lilna nfusna: Alla xi jgħid dwaru nnifsu? Kif irid hu li jiġi meqjum? X’inhuma l-għanijiet tiegħu, u kif għandna aħna naqblu magħhom? Għarfien eżatt tal-verità jagħtina t-tweġibiet tajbin għal dawn il-mistoqsijiet. Imbagħad inkunu nistgħu nqimu lil Alla kif irid hu.
Jiddiżonoraw lil Alla
“LIL DAWK li qed jonorawni jien se nonorahom,” igħid Alla. (1 Samwel 2:30) Iġiblu unur lil Alla li ssejjaħ lil xi ħadd ugwali miegħu? Iġiblu unur li ssejjaħ lil Marija “omm Alla” u l-“Medjatriċi . . . bejn il-Ħallieq u l-ħlejjaq Tiegħu,” bħalma tagħmel in-New Catholic Encyclopedia? Le, dawk l-idejat jinsulentaw lil Alla. Ħadd ma hu ugwali miegħu; lanqas ma kellu omm tal-laħam, ladarba Ġesù ma kienx Alla. U ma hemm ebda “Medjatriċi,” għax Alla ħatar biss “medjatur wieħed bejn Alla u l-bnedmin,” Ġesù.—1 Timotew 2:5; 1 Ġwann 2:1, 2.
Mingħajr l-iċken dubju, id-duttrina tat-Trinità ħawdet u gerfxet il-fehma tan-nies dwar il-vera pożizzjoni t’Alla. Ma tħallix lin-nies ikunu jafu b’mod eżatt lis-Sovran Universali, Alla Jehovah, u ma tħallihomx iqimuh kif irid hu. Bħalma qal it-teologu Hans Küng: “Għala għandu xi ħadd ikun irid li jżid xi ħaġa mal-ideja taʼ Alla wieħed u uniku li tistaʼ biss tnaqqas jew ixxejjen dak l-istat taʼ Alla wieħed u uniku?” Imma dak hu li għamel it-twemmin fit-Trinità.
Dawk li jemmnu fit-Trinità m’humiex “iżommu ’l Alla b’għarfien eżatt.” (Rumani 1:28) Dak il-vers igħid ukoll: “Alla telaqhom għal stat mentali diżapprovat, biex jagħmlu l-affarijiet li m’humiex xierqa.” Versi 29 sa 31 jillistjaw xi ftit minn dawk l-affarijiet ‘mhux xierqa,’ bħalma huma ‘l-qtil, il-ġlied, ma jaqblu qatt, m’għandhom ebda ġibda naturali, bla ħniena.’ Dawk l-istess affarijiet ġew ipprattikati minn reliġjonijiet li jaċċettaw it-Trinità.
Per eżempju, dawk li jemmnu fit-Trinità spiss ippersegwitaw u saħansitra qatlu lil dawk li ma aċċettawx id-duttrina tat-Trinità. U huma marru saħansitra iktar ’il bogħod minn hekk. Huma qatlu lil sħabhom li jemmnu fit-Trinità fi żmien taʼ gwerra. X’jistaʼ jkun iktar ‘mhux xieraq’ milli Kattoliċi joqtlu lil Kattoliċi, Ortodossi joqtlu lil Ortodossi, Protestanti joqtlu lil Protestanti—ilkoll f’isem l-istess Alla Trinitarjan?
Iżda, Ġesù qal biċ-ċar: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Il-Kelma t’Alla tespandi fuq dan, billi tgħid: “It-tfal t’Alla u t-tfal tax-Xitan huma evidenti minn dan il-fatt: Kulmin ma jkomplix jagħmel it-tjieba ma joriġinax minn Alla, lanqas ma jagħmel hekk dak li ma jħobbx lil ħuh.” Hija xxebbah lil dawk li joqtlu lil ħuthom spiritwali maʼ “Kajjin, li oriġina mal-wieħed mill-agħar [Satana] u biċċer lil ħuh.”—1 Ġwann 3:10-12.
B’hekk, it-tagħlim taʼ duttrini li jħawdu lil dak li jkun dwar Alla wassal għal azzjonijiet li jiksru l-liġijiet tiegħu. Tabilħaqq, dak li ġara fil-Kristjaneżmu huwa dak li ġie deskritt mit-teologu Daniż Søren Kierkegaard: “Il-Kristjaneżmu qered lill-Kristjanità mingħajr ma nduna.”
Il-kundizzjoni spiritwali tal-Kristjaneżmu tixraq lil dak li kiteb l-appostlu Pawlu: “Huma pubblikament jiddikjaraw li jafu lil Alla, imma jiċħduh bix-xogħlijiet tagħhom, għaliex huma mistmerra u diżubbidjenti u m’humiex approvati għal xogħol tajjeb taʼ kwalunkwe xorta.”—Titus 1:16.
Dalwaqt, meta Alla jġib lil din is-sistema taʼ affarijiet ħażina u preżenti għat-tmiem tagħha, il-Kristjaneżmu Trinitarjan se jiġi mitlub jagħti kont. U hu se jkollu ġudizzju taʼ kundanna minħabba l-azzjonijiet u d-duttrini tiegħu li jġibu diżunur lil Alla.—Mattew 24:14, 34; 25:31-34, 41, 46; Rivelazzjoni 17:1-6, 16; 18:1-8, 20, 24; 19:17-21.
Taċċettax it-Trinità
MA JISTAʼ jkun hemm ebda kompromess mal-veritajiet t’Alla. Għalhekk, li tqim lil Alla kif irid hu jfisser li ma taċċettax id-duttrina tat-Trinità. Tikkuntradixxi lil dak li l-profeti, Ġesù, l-appostli, u l-Kristjani bikrin emmnu u għallmu. Tikkuntradixxi lil dak li Alla jgħid dwaru nnifsu fil-Kelma mnebbħa tiegħu stess. B’hekk, hu jagħti parir: “Irrikonoxxi li jien waħdi jien Alla u li ma hemm ħadd iżjed bħali.”—Isaija 46:9, TEV.
Wieħed ma jaqdix l-interessi t’Alla billi jagħmlu mħawwad u misterjuż. Minflok, iktar maʼ n-nies isiru mħawdin dwar Alla u l-għanijiet tiegħu, iktar jieħu pjaċir l-Avversarju t’Alla, Satana x-Xitan, l-‘alla taʼ din id-dinja.’ Huwa hu li jġib ’il quddiem duttrini foloz bħal dawn biex ‘jagħmi l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux.’ (2 Korintin 4:4) U d-duttrina tat-Trinità taqdi wkoll l-interessi tal-kleru li jridu jżommu lin-nies taħt idejhom, għax huma jagħmluh jidher bħal li kieku t-teoloġi biss jistgħu jifhmuha.—Ara Ġwann 8:44.
Għarfien eżatt dwar Alla jġib serħan kbir. Jeħlisna minn tagħlim li ma jaqbilx mal-Kelma t’Alla u minn organizzazzjonijiet li apostatizzaw. Bħalma qal Ġesù: “Se tkunu tafu l-verità, u l-verità se teħliskom.”—Ġwann 8:32.
Billi nonoraw lil Alla bħala suprem u billi nqimuh kif irid hu, aħna nistgħu nevitaw il-ġudizzju li hu dalwaqt se jġib fuq il-Kristjaneżmu apostat. Minflok, aħna nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-favur t’Alla meta tispiċċa din is-sistema: “Id-dinja qed tgħaddi u l-istess ix-xewqa tagħha, imma dak li jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17.
[Stampa f’paġna 31]
Din l-iskultura fi Franza li ilha sekli sħaħ tiffigura l-inkurunazzjoni tal-“verġni” Marija mit-Trinità. Twemmin fit-Trinità wassal għall-venerazzjoni taʼ Marija bħala “Omm Alla”